ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50
“Int Tkun fil-Ġenna Miegħi”
“Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.” —LUQA 23:43.
GĦANJA 145 Alla jwiegħed Ġenna tal-art
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Ftit qabel miet, Ġesù x’qal lill-kriminal li kien ħdejh? (Luqa 23:39-43)
ĠESÙ u ż-żewġ kriminali li kienu maġenbu batew ħafna waqt li kienu qed imutu. (Lq. 23:32, 33) Iż-żewġ kriminali waqqgħu għaċ-ċajt lil Ġesù u dan juri li ma kinux dixxipli tiegħu. (Mt. 27:44; Mk. 15:32) Imma wieħed minnhom biddel l-attitudni tiegħu. Hu qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.” Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Aqra Luqa 23:39-43.) Il-kriminal setaʼ semaʼ dwar il-messaġġ tas-“Saltna t’Alla” li pprietka Ġesù. Imma l-Bibbja ma tgħidx li hu sar dixxiplu tiegħu. U Ġesù ma qalx li r-raġel kien se jkun fis-Saltna fis-sema. (Mt. 4:17) Ġesù kien qed jitkellem dwar il-Ġenna tal-art li se jkun hawn fil-futur. Għala nistgħu ngħidu hekk?
2. Kif nafu li l-kriminal li ddispjaċieh x’aktarx kien Lhudi?
2 Il-kriminal li ddispjaċieh wisq probabbli kien Lhudi. Hu qal lill-kriminal l-ieħor: “Lanqas minn Alla ma tibżaʼ, issa li qiegħed fl-istess ġudizzju?” (Lq. 23:40) Il-Lhud kienu jqimu Alla wieħed imma n-nies tal-pajjiż kienu jemmnu f’ħafna allat. (Eżo. 20:2, 3; 1 Kor. 8:5, 6) Kieku l-kriminali ma kinux Lhud, probabbli kien isaqsih: “Lanqas mill-allat ma tibżaʼ?” Iżjed minn hekk, Ġesù pprietka l-iżjed lil-Lhud għax intbagħat ‘għan-nies t’Iżrael biss, li kienu bħal nagħaġ mitlufin,’ u mhux għal nies oħrajn. (Mt. 15:24) Alla kien wera lill-Iżraelin li hu kien se jirxoxta lill-mejtin. Il-kriminal li ddispjaċieh forsi kien jafu dan, u forsi ħaseb li Ġeħova kien se jirxoxta lil Ġesù biex imexxi s-Saltna t’Alla. Milli jidher ir-raġel xtaq li Alla jirxoxta lilu wkoll. Dan juri li x’aktarx il-kriminal kien Lhudi.
3. Meta Ġesù semma l-Ġenna, il-kriminal probabbli x’ħaseb? Spjega. (Ġenesi 2:15)
3 Peress li l-kriminal kien Lhudi, hu kien jaf dwar Adam u Eva u l-Ġenna tal-art li Ġeħova għamel għalihom. Allura probabbli kien jemmen li l-Ġenna li semma Ġesù kienet ġnien sabiħ hawn fuq l-art.—Aqra Ġenesi 2:15.
4. Dak li qal Ġesù lill-kriminal xi jġegħelna naħsbu?
4 Dak li Ġesù qal lill-kriminal iġegħelna naħsbu dwar kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna tal-art. Nistgħu nitgħallmu iktar dwar il-Ġenna tal-art miż-żmien taʼ paċi li kellhom l-Iżraelin meta Salamun kien re. Il-Bibbja tgħid li Ġesù hu aqwa minn Salamun. Allura nistennew li Ġesù se jaħdem maʼ dawk li se jmexxu miegħu biex jagħmlu l-art Ġenna sabiħa. (Mt. 12:42) Mela n-“nagħaġ oħrajn” għandhom ikunu jafu x’għandhom jagħmlu biex jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art.—Ġw. 10:16.
KIF SE TKUN IL-ĦAJJA FIL-ĠENNA TAL-ART?
5. Kif taħseb li se tkun il-ħajja fil-Ġenna tal-art?
5 Kif taħseb li se tkun il-ħajja fis-sistema l-ġdida? Forsi timmaġina ġnien sabiħ ħafna bħall-ġnien tal-Għeden. (Ġen. 2:7-9) Forsi tiftakar il-profezija taʼ Mikea li n-nies t’Alla ħa “joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu.” (Mik. 4:3, 4) X’aktarx tiftakar ukoll versi mill-Bibbja li jgħidu li se jkun hemm ħafna ikel. (Salm 72:16; Is. 65:21, 22) Forsi timmaġinak fi ġnien sabiħ bilqiegħda maʼ mejda mimlija b’ikel tajjeb. Timmaġina arja nadifa u riħa tfuħ taʼ pjanti u fjuri. U forsi timmaġina l-ħbieb u l-familja, inkluż dawk li ġew irxoxtati jidħqu flimkien. Din mhux ħolma! Nistgħu nkunu ċerti li dawn l-affarijiet kollha se jiġru fuq l-art. Fil-Ġenna tal-art se nagħmlu xogħol li se nieħdu pjaċir bih.
6. X’se nagħmlu fil-Ġenna tal-art? (Ara l-istampa.)
6 Ġeħova ħalaqna biex nieħdu pjaċir bix-xogħol li nagħmlu. (Ekk. 2:24) Matul l-Elf Sena li se jkun qed imexxi Ġesù se jkollna ħafna x’nagħmlu. Dawk li se jgħaddu mit-tribulazzjoni l-kbira u l-miljuni taʼ nies li se jiġu rxoxtati se jkollhom bżonn x’jilbsu, x’jieklu, u fejn joqogħdu. Biex ikollna dawn l-affarijiet irridu nagħmlu ħafna xogħol sabiħ. L-istess bħalma Adam u Eva kellhom jieħdu ħsieb l-art, aħna se jkollna x-xogħol sabiħ li nagħmlu l-art Ġenna. U immaġina kemm se nieħdu pjaċir ngħallmu lill-miljuni taʼ nies li se jiġu rxoxtati dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu. Se ngħinu wkoll lil nies leali li għexu qabel Ġesù jitgħallmu x’ġara wara li mietu.
7. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti u għala?
7 Nistgħu nkunu ċerti li fil-Ġenna tal-art se ngħixu fil-paċi, se jkollna dak kollu li għandna bżonn, u se nkunu organizzati. Għala? Għax Ġeħova diġà wriena kif se tkun il-ħajja taħt it-tmexxija taʼ Ġesù. Dan nistgħu narawh mir-rakkont tar-Re Salamun.
IT-TMEXXIJA TAR-RE SALAMUN TURINA KIF SE TKUN IL-ĠENNA TAL-ART
8. Dak li kiteb ir-Re David f’Salm 37:10, 11, 29, kif ġara? (Ara Mistoqsijiet mill-Qarrejja f’din il-ħarġa.)
8 Ir-Re David kiteb dwar kif se tkun il-ħajja fil-futur meta jkun qed imexxi re għaref u leali. (Aqra Salm 37:10, 11, 29.) Normalment naqraw Salm 37:11 meta nkunu qed nitkellmu m’oħrajn dwar il-Ġenna tal-art. Tajjeb li nagħmlu dan għax Ġesù kkwota dan il-vers fil-Prietka ta’ Fuq il-Muntanja. Dan wera li kienet xi ħaġa li se tiġri fil-futur. (Mt. 5:5) Imma dak li qal David juri wkoll kif kellha tkun il-ħajja fi żmien ir-Re Salamun. Meta Salamun kien re f’Iżrael, in-nies t’Alla kellhom ħafna ġid u paċi f’art li “tipproduċi ħafna ħalib u għasel.” Alla kien qal: “Jekk tkomplu timxu skont il-liġijiet tiegħi . . . , nagħtikom il-paċi fuq l-art, u intom tmorru torqdu b’moħħkom mistrieħ.” (Lev. 20:24; 26:3, 6) Dawn il-wegħdi ġraw meta Salamun kien ir-Re t’Iżrael. (1 Kron. 22:9; 29:26-28) U Ġeħova wiegħed li n-nies ħżiena se “jispiċċaw.” (Salm 37:10) B’hekk, dak li hemm miktub f’Salm 37:10, 11, 29 ġara fil-passat u se jiġri fil-futur ukoll.
9. X’qalet ir-reġina taʼ Xeba meta Salamun kien re?
9 Ir-reġina taʼ Xeba semgħet dwar il-ġid u l-paċi li kellhom l-Iżraelin meta Salamun kien re. Għalkemm kienet tgħix ’il bogħod hi marret Ġerusalemm biex tara b’għajnejha stess. (1 Slat. 10:1) Meta rat il-ġid li kellu Salamun, hi qalet: “Lanqas in-nofs ma kienu qaluli! . . . Ferħanin huma n-nies tiegħek u ferħanin huma l-qaddejja tiegħek li jkunu miegħek kuljum u jisimgħu l-għerf tiegħek!” (1 Slat. 10:6-8) Dak li gawdew in-nies fi żmien Salamun kien eżempju taʼ dak li se jagħmel Ġeħova meta Ġesù jkun re.
10. Ġesù għala hu aħjar minn Salamun?
10 Ġesù hu aħjar minn Salamun f’kollox. Salamun kien raġel imperfett u għamel żbalji kbar li maż-żmien ġabu l-problemi għan-nies t’Alla. Imma Ġesù jmexxi b’mod perfett u ma jagħmilx żbalji. (Lq. 1:32; Ebr. 4:14, 15) Hu baqaʼ leali lejn Alla minkejja l-provi diffiċli li ffaċċja minn Satana. Kristu wera li qatt mhu se jagħmel dnubiet jew iweġġaʼ lin-nies tiegħu. Hu l-aqwa Re li jistaʼ jkollna.
11. Min se jgħin lil Ġesù jmexxi?
11 Maʼ Ġesù se jmexxu l-144,000 u flimkien se jieħdu ħsieb lin-nies u jwettqu l-iskop taʼ Ġeħova għall-art. (Riv. 14:1-3) Meta kienu fuq l-art huma ffaċċjaw ħafna provi, allura se jifhmu lil dawk li se jkunu qed jgħixu fuq l-art. X’se jagħmlu l-144,000?
IL-MIDLUKIN X’SE JAGĦMLU?
12. Ġeħova liema xogħol se jagħti lill-144,000?
12 Ġesù u dawk li se jmexxu miegħu għandhom ħafna iżjed xogħol x’jagħmlu minn Salamun. Ir-Re Salamun kellu jieħu ħsieb miljuni taʼ nies f’pajjiż wieħed biss. Imma dawk li se jmexxu fis-Saltna t’Alla se jieħdu ħsieb lil biljuni taʼ nies mad-dinja kollha. Ġeħova ta lill-144,000 privileġġ mill-isbaħ!
13. Dawk li se jmexxu maʼ Ġesù liema responsabbiltà se jkollhom?
13 Il-144,000 se jkunu slaten u qassisin bħal Ġesù. (Riv. 5:10) Meta l-Iżraelin kellhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè, il-qassisin kienu jgħinuhom jibqgħu b’saħħithom u qrib taʼ Ġeħova. Il-Liġi kienet “dell taʼ l-affarijiet tajbin li għandhom jiġu.” Għalhekk nistgħu ngħidu li dawk li se jmexxu maʼ Ġesù se jgħinu lin-nies t’Alla jkunu b’saħħithom u qrib Ġeħova. (Ebr. 10:1) Għalissa ma nafux kif dawn il-qassisin u slaten se jikkomunikaw maʼ dawk li se jgħixu fuq l-art taħt is-Saltna. Jagħmel x’jagħmel Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li fil-Ġenna tal-art in-nies se jirċievu d-direzzjoni li għandhom bżonn.—Riv. 21:3, 4.
“IN-NAGĦAĠ OĦRAJN” X’GĦANDHOM JAGĦMLU BIEX JGĦIXU FIL-ĠENNA TAL-ART?
14. Il-“merħla żgħira” u n-“nagħaġ oħrajn” x’qed jagħmlu u x’se jagħmlu fil-futur?
14 Ġesù rrefera għal dawk li se jmexxu miegħu bħala “merħla żgħira.” (Lq. 12:32) Hu tkellem ukoll dwar “nagħaġ oħrajn” li huma grupp ieħor. Dawn iż-żewġ gruppi huma merħla waħda. (Ġw. 10:16) Huma diġà qed jaħdmu flimkien bħalissa. U meta d-dinja ssir Ġenna se jibqgħu jaħdmu flimkien. F’dak iż-żmien, dawk tal-“merħla żgħira” se jkunu fis-sema u n-“nagħaġ oħrajn” se jkollhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Imma hemm xi affarijiet li n-“nagħaġ oħrajn” iridu jagħmlu issa biex ikunu jistgħu jgħixu fil-Ġenna tal-art.
15. (a) In-“nagħaġ oħrajn” kif jaħdmu maʼ ħut Kristu? (b) Kif tistaʼ timita l-eżempju tal-ħu li qiegħed fil-ħanut? (Ara l-istampa.)
15 Il-kriminal li ddispjaċieh miet qabel ma kellu ċ-ċans juri li japprezza dak li Ġesù għamel għalih. Imma aħna bħala “nagħaġ oħrajn” għandna ħafna opportunitajiet biex nagħmlu dan. Pereżempju, aħna nuru li nħobbu lil Ġesù bil-mod kif nittrattaw lil ħutu l-midlukin. Ġesù qal li se jiġġudika lin-nagħaġ skont kif jittrattaw lil ħutu. (Mt. 25:31-40) Aħna nistgħu nissapportjaw lil ħut Kristu billi ngħinuhom jippritkaw u jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:18-20) Għalhekk aħna nużaw l-għodda li jtuna bħall-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex nagħmlu studji tal-Bibbja. Jekk għad m’għandekx studju tal-Bibbja, tistaʼ tagħmilha mira biex toffri studju tal-Bibbja lil kemm jistaʼ jkun nies?
16. X’nistgħu nagħmlu biex nippreparaw ħalli nkunu fid-dinja l-ġdida?
16 Biex insiru nies li Ġeħova jrid fil-Ġenna tal-art, m’għandniex nistennew sakemm inkunu hemm. Bħalissa nistgħu naħdmu biex dejjem inkunu onesti f’dak li ngħidu u nagħmlu u jkollna drawwiet tajbin. U nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova, ir-raġel jew il-mara, u l-aħwa. Iżjed ma nobdu lil Ġeħova bħalissa waqt li qed ngħixu f’dinja mimlija ħażen, iżjed se jkun faċli biex nobduh fil-Ġenna tal-art. Nistgħu nitgħallmu wkoll nagħmlu affarijiet oħra u naħdmu fuq kwalitajiet biex nuru li nixtiequ ngħixu f’sistema ġdida. Ara l-artiklu “Qed Tħares ’il Quddiem Biex Tgħix għal Dejjem Fuq l-Art?” f’din il-ħarġa.
17. Spjega għala m’għandniex inħossuna skuraġġiti minħabba d-dnubiet li nkunu għamilna.
17 Aħna rridu nipprovaw ma nibqgħux inħossuna skuraġġiti dwar id-dnubiet serji li għamilna fil-passat. Imma ma rridux nużaw is-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù bħala skuża biex “nipprattikaw id-dnub għax irridu.” (Ebr. 10:26-31) Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħafrilna għalkollox jekk vera ddispjaċiena għad-dnub serju li għamilna, tlabna l-għajnuna lil Ġeħova u lill-anzjani, u ma bqajniex nagħmlu dak li hu ħażin. (Is. 55:7; Atti 3:19) Ftakar x’qal Ġesù lill-Fariżej: “Ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.” (Mt. 9:13) Is-sagrifiċċju tal-fidwa għandu l-qawwa biex jgħatti d-dnubiet kollha tagħna.
TISTAʼ TGĦIX GĦAL DEJJEM FIL-ĠENNA TAL-ART
18. X’tixtieq tgħidlu lill-kriminal li miet ħdejn Ġesù?
18 Timmaġinak fil-Ġenna tal-art titkellem mal-kriminal li tkellem maʼ Ġesù? Żgur li tgħidu lil xulxin kemm tapprezzaw is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Forsi ssaqsih biex jgħidlek iktar x’ġara fl-aħħar sigħat qabel miet Ġesù u kif ħassu meta Ġesù wieġbu. Hu jaf jistaqsik kif kienet il-ħajja matul l-aħħar żminijiet tad-dinja taʼ Satana. Xi privileġġ se jkun li nistudjaw il-Kelma t’Alla maʼ nies bħalu!—Efes. 4:22-24.
19. Għala mhux se niddejqu fil-Ġenna tal-art? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
19 Qatt mhu se niddejqu ngħixu fil-Ġenna tal-art. Se niltaqgħu maʼ ħafna nies interessanti u se jkollna xogħol sabiħ x’nagħmlu. U l-iktar ħaġa importanti, kuljum se nkunu nistgħu nsiru nafu aħjar lil Missierna tas-sema u ngawdu dak li jipprovdilna. Se nibqgħu nitgħallmu dwaru u se jkun hemm ħafna affarijiet x’nitgħallmu dwar il-ħolqien. Iktar ma ngħixu iktar se nsiru nħobbu lil Alla. Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova u lil Ġesù talli wegħduna li nistgħu ngħixu f’Ġenna tal-art!
GĦANJA 22 Bil-lest is-Saltna hi—Ħa tiġi!
a Ġieli toqgħod taħseb kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna tal-art? Hu importanti li tagħmel hekk. Iktar ma naħsbu dwar dak li Ġeħova se jagħmel għalina fil-futur, iktar se nieħdu pjaċir ngħallmu lil oħrajn dwar id-dinja l-ġdida. Dan l-artiklu se jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna fil-Ġenna tal-art li wegħedna Ġesù.
b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu li jħares ’il quddiem biex jgħallem lil dawk li jiġu rxoxtati qed jgħallem lil oħrajn minn issa.