Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta David kiteb Salm 61:8, hu qal li se jfaħħar isem Alla “għal dejjem.” Dan ifisser li hu ħaseb li qatt mhu se jmut?
Le. Imma dak li kiteb David kien vera.
Aħseb dwar x’kiteb f’dan il-vers u versi oħra: “Se nfaħħar bil-kant lil ismek għal dejjem hekk kif jum wara jum nagħmel dak li wegħedt.” “Ġeħova Alla tiegħi, jien se nfaħħrek b’qalbi kollha, u se nigglorifika lil ismek għal dejjem.” “Se nfaħħar lil ismek għal dejjem taʼ dejjem.”—Salm 61:8; 86:12; 145:1, 2.
Meta David kiteb dawn il-versi, hu ma kienx qed jaħseb li mhux se jmut. Hu kien jaf li n-nies imutu minħabba d-dnub. U hu stess ammetta li kien għamel id-dnubiet f’ħajtu. (Ġen. 3:3, 17-19; Salm 51:4, 5) Hu kien jaf ukoll li anki rġiel leali bħal Abraham, Iżakk, u Ġakobb kienu mietu. U David kien jaf li hu se jmut. (Salm 37:25; 39:4) Imma li kiteb f’Salm 61:8 juri kemm vera xtaq ifaħħar lil Alla għal dejjem, jiġifieri sakemm imut.—2 Sam. 7:12.
Kultant, David kiteb dwar dak li kien għaddej minnu f’ħajtu. Pereżempju, dan nistgħu narawh mis-superskrizzjonijiet taʼ Salmi 18, 51, u 52. F’Salm 23, David jiddeskrivi lil Ġeħova bħala ragħaj li jagħtina d-direzzjoni, jinkuraġġina, u jipproteġina. David kien ragħaj tajjeb bħalu u ried jaqdih ‘għal ħajtu kollha.’—Salm 23:6.
Ftakar li Ġeħova qal lil David x’għandu jikteb. Xi affarijiet li kiteb kienu profeziji li kellhom jiġru ħafna iktar tard. Pereżempju f’Salm 110, David kiteb dwar żmien meta l-Mulej ‘joqgħod bilqiegħda fuq il-lemin t’Alla’ fis-sema u jirċievi l-awtorità. Għala? Biex jikkontrolla l-għedewwa t’Alla u “jagħmel ġudizzju kontra l-popli” fuq l-art. Ġesù, li kien il-Messija, ġie mill-familja taʼ David. Il-Messija kellu jmexxi mis-sema u jkun “qassis għal dejjem.” (Salm 110:1-6) Ġesù qal li l-profezija f’Salm 110 kienet dwaru u li kellha ssir fil-futur.—Mt. 22:41-45.
Ġeħova ggwida lil David biex jikteb dwar iż-żmien meta kien qed jgħix hu u dwar żmien fil-futur meta David kien se jiġi rxoxtat u setaʼ jfaħħar lil Ġeħova għal dejjem. Allura Salm 37:10, 11, u 29 japplika għaż-żmien meta nkiteb u anki għall-futur. Dak li hemm miktub fil-versi ġara fi żmien l-Iżraelin u se jiġri wkoll fil-futur meta Alla jwettaq il-wegħdi tiegħu.—Ara paragrafu 8 tal-artiklu f’din il-ħarġa “Int Tkun fil-Ġenna Miegħi.”
Salm 61:8 u versi oħra juruna li David xtaq ifaħħar lil Ġeħova f’Iżrael sakemm imut. U juruna wkoll x’se jagħmel David fil-futur meta Ġeħova jirxoxtah.