ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50
GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”
Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Isaħħu l-Fidi Tagħhom
“Kunu konvinti minn dak li [Alla] jrid minnkom, li hu tajjeb, aċċettabbli, u perfett.”—RUM. 12:2.
DAK LI SE NITGĦALLMU
F’dan l-artiklu se naraw suġġerimenti prattiċi dwar kif il-ġenituri jistgħu jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar Alla u jgħinuhom isaħħu l-fidi tagħhom fih u fil-Bibbja.
1-2. Il-ġenituri kif għandhom iħossuhom meta t-tfal isaqsuhom dwar Alla?
ĦAFNA nies jaqblu li llum biex trabbi t-tfal jinvolvi ħafna xogħol. Jekk int ġenitur, żgur qed taħdem iebes biex issaħħaħ il-fidi tat-tifel jew tat-tifla tiegħek f’Ġeħova, u żgur li Ġeħova hu ferħan bik. (Dewt. 6:6, 7) Hekk kif jikbru, it-tfal jistgħu jibdew isaqsu mistoqsijiet dwar dak li jemmnu, bħal għala l-Bibbja tgħallem li ċerti affarijiet huma ħżiena.
2 Forsi għall-ewwel, meta jibdew isaqsu mistoqsijiet bħal dawn, tibda tinkwieta għax taħseb li m’għandhomx biżżejjed fidi f’Alla u fil-Bibbja. Però fir-realtà, meta jkunu qed jikbru, it-tfal iridu jistaqsu l-mistoqsijiet biex ikunu konvinti minn dak li jemmnu. (1 Kor. 13:11) Allura, m’għandekx għalfejn tibżaʼ. Minflok, meta t-tfal isaqsuk il-mistoqsijiet, tistaʼ tuża dan il-ħin biex tgħinhom jaħsbu iktar fil-fond, u b’hekk tgħinhom isaħħu l-fidi f’Alla u fil-Bibbja.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu, se niddiskutu kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom (1) ikollhom fidi b’saħħitha f’Alla u fil-Bibbja, (2) jifhmu għala jkun taʼ ġid għalihom li jobdu l-liġi taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u ħażin, u (3) kif jistgħu jispjegaw dak li jemmnu lil oħrajn. Se naraw ukoll għala hu tajjeb li t-tfal isaqsu l-mistoqsijiet u se naraw xi suġġerimenti taʼ kif il-ġenituri jistgħu jitkellmu mat-tfal tagħhom fuq dak li jemmnu.
GĦIN LIT-TFAL TIEGĦEK IKOLLHOM FIDI B’SAĦĦITHA F’ALLA U FIL-BIBBJA
4. It-tfal x’mistoqsijiet jaf isaqsu, u għala?
4 Ġenituri Kristjani jifhmu li mhux għax huma għandhom fidi f’Ġeħova, it-tfal tagħhom se jkollhom fidi fih ukoll. Din mhix xi ħaġa li nitwieldu biha. Hekk kif jikbru t-tfal jistgħu jibdew jistaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Alla vera jeżisti? Nistaʼ nemmen dak li tgħid il-Bibbja?’ Fil-fatt, il-Bibbja tħeġġeġ lil kulħadd biex ‘juża l-abbiltà li jaħseb’ u biex ‘jeżamina kull ħaġa biex jara jekk hix vera.’ (Rum. 12:1; 1 Tes. 5:21) Imma kif tistaʼ tgħin lit-tifel jew it-tifla tiegħek issaħħaħ il-fidi tagħha?
5. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal isaħħu l-fidi tagħhom fil-Bibbja? (Rumani 12:2)
5 Inkuraġġixxi lit-tfal tiegħek ifittxu provi li dak li tgħid il-Bibbja hu veru. (Aqra Rumani 12:2.) Meta t-tifel jew it-tifla tiegħek issaqsik il-mistoqsijiet, ħu din l-opportunità biex tgħinha tagħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet li tipprovdi l-organizzazzjoni, bħall-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova u l-Watch Tower Publications Index. Pereżempju, biex issib provi li l-Bibbja vera hi l-Kelma t’Alla tistaʼ tmur fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet taħt is-suġġett “Bibbja,” imbagħad taħt is-sottitlu “Imnebbħa minn Alla.” Hemmhekk se ssib artikli li jagħtu prova li l-Bibbja mhijiex ktieb li kitbuh in-nies. (1 Tes. 2:13) Eżempju ieħor taʼ fuqiex it-tfal jistgħu jfittxu hu dwar il-belt Assirjana taʼ Ninwe. Fil-passat, xi studjużi tal-Bibbja kienu jgħidu li l-belt taʼ Ninwe qatt m’eżistiet. Imma madwar is-sena 1850, esperti sabu l-belt taʼ Ninwe waqt li kienu qed iħaffru. Dan wera li dak li tgħid il-Bibbja hu vera. (Sof. 2:13-15) Għal iktar informazzjoni dwar kif il-qerda taʼ Ninwe wettqet profezija tal-Bibbja tistaʼ tara l-artiklu “Kont Taf?” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa taʼ Novembru 2021. Billi tgħin lit-tfal tiegħek iqabblu dak li tgħid il-Bibbja ma’ pubblikazzjonijiet oħra, bħal enċiklopediji u kotba oħra li tistaʼ tafdahom, se tgħinhom isaħħu l-fidi tagħhom li dak li tgħid il-Bibbja hu veru.
6. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal jaraw provi li l-Bibbja hi vera? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.)
6 Għin lit-tfal tiegħek jaraw provi li l-Bibbja hi vera. Il-ġenituri għandhom jaħtfu kull opportunità li tiġihom biex jitkellmu mat-tfal tagħhom dwar il-Bibbja u Alla. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jiġu jekk iżżuru mużewijiet, ġonna, jew uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Pereżempju, meta żżuru xi mużew b’mod fiżiku jew b’mod virtwali, tistgħu turu lit-tfal tagħkom oġġetti li għandhom x’jaqsmu maʼ ġrajjiet li ġraw fil-passat u li għandhom x’jaqsmu mal-Bibbja. Dawn l-affarijiet jistgħu jgħinu lit-tifel jew lit-tifla tagħkom tara li dak li tgħid il-Bibbja huwa veru. Pereżempju, it-tfal tiegħek jafu li l-isem t’Alla jidher fuq ġebla antika kważi 3,000 sena magħrufa bħala l-Ġebla Mowabija (Moabite Stone)? Din il-ġebla qiegħda fil-Mużew taʼ Louvre fi Franza. Tistaʼ wkoll tara r-replika tagħha fil-mużew “Il-Bibbja u l-Isem Divin” fil-Kwartieri Ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Warwick, New York. Fuq il-Ġebla Mowabija hemm miktub li r-Re Mesa taʼ Mowab ħadha kontra r-Re t’Iżrael. Dan jaqbel ma’ dak li tgħid il-Bibbja. (2 Slat. 3:4, 5) Meta t-tifel jew it-tifla tiegħek tara provi kemm il-Bibbja hija eżatta, il-fidi tagħha se tissaħħaħ.—Ara l-prinċipju fit-2 Kronaki 9:6.
7-8. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-affarijiet sbieħ li naraw fin-natura? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.) (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jgħinu lit-tfal tiegħek ikunu iktar ċerti li hemm Ħallieq?
7 Għin lit-tfal jaħsbu dwar l-affarijiet sbieħ li ħalaq Ġeħova. Meta tkunu mexjin fil-kampanja jew ħdejn il-baħar, għin lit-tfal jaraw d-disinji interessanti li hemm fin-natura. Dan se jgħinhom jaraw li hemm xi ħadd intelliġenti li ħalaqhom. Pereżempju, ħafna affarijiet fin-natura għandhom disinn taʼ ċirku li jibqaʼ jdur, bħal garigor (spiral). U xi xjentisti ilhom jistudjaw dwar dan it-tip taʼ disinn għal ħafna snin. Xjentist wieħed jismu Nicola Fameli spjega li meta tgħodd flimkien in-numru taʼ ċrieki f’xi oġġett fin-natura ssib li dawn iżommu l-istess sekwenza. Dawn in-numri jgħidulhom Fibonacci sequence. Xi ħaġa interessanti hi li dan id-disinn insibuh f’xi galassji, xi arzell tal-baħar, xi weraq, u fil-fjuri bħas-sunflowers. a
8 L-iskola, it-tfal se jitgħallmu dwar disinji oħra fin-natura li huma komuni. Pereżempju, ħafna siġar għandhom disinn li jirrepeti lilu nnifsu. Normalment siġra jkollha z-zokk, u mbagħad minn dan iz-zokk joħorġu l-friegħi, li minnhom joħorġu friegħi iżgħar. Dan id-disinn jibqaʼ jirrepeti lilu nnifsu u jissejjaħ fractals. Hemm affarijiet oħra fin-natura li għandhom dan id-disinn. Imma min għamilhom dawn l-affarijiet? Min iddisinja dawn il-forom tal-għaġeb? Iktar ma t-tfal tiegħek jaħsbu dwar mistoqsijiet bħal dawn iktar se jsaħħu l-fidi tagħhom li Alla ħalaq kollox. (Lhud 3:4) Hekk kif it-tfal ikomplu jikbru trid tgħinhom jaraw kemm hu importanti li jobdu l-liġijiet t’Alla. Allura, tistaʼ ssaqsihom mistoqsijiet bħal, “Jekk Alla ħalaqna, taħseb li jaf kif l-aħjar ngħixu biex inkunu ferħanin?” Imbagħad tistaʼ tispjega li Alla tana l-Bibbja biex jurina kif inkunu ferħanin.
GĦIN LIT-TFAL JAPPREZZAW IL-LIVELLI TAL-BIBBJA TAʼ X’INHU TAJJEB U ĦAŻIN
9. It-tifel jew it-tifla tiegħek għala taf issaqsi mistoqsijiet dwar il-livelli taʼ Ġeħova?
9 Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ġieli ssaqsik mistoqsijiet dwar għala l-Bibbja tgħid li ċerti affarijiet huma ħżiena, ipprova sir af għala qed issaqsi. Aħseb: Qed issaqsi għax vera ma temminx dak li tgħid il-Bibbja jew għax ma tafx tispjega dak li temmen lil oħrajn? Ikun xi jkun il-każ, tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek jifhmu għala hu taʼ ġid li nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova. Biex tagħmel dan tistaʼ tistudja magħhom il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! b
10. Kif tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek jaraw li Ġeħova jixtieq ikun l-aqwa ħabib tagħhom?
10 Għin lit-tfal jaraw li Ġeħova jixtieq ikun l-aqwa ħabib tagħhom. Hekk kif tistudja l-Bibbja mat-tfal tiegħek, uża l-mistoqsijiet u l-istampi fil-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex tifhem kif iħossuhom dwar ċerti affarijiet. (Prov. 20:5) Pereżempju, lezzjoni 8 tqabbel lil Ġeħova ma’ ħabib li jħobb, li jagħtina tfakkiriet li jistgħu jgħinuna u jipproteġuna. Wara li tiddiskutu l-1 Ġwanni 5:3, tistaʼ tistaqsi, “La Ġeħova hu Ħabib li jħobbna, kif għandna nħossuna dwar dak li jgħidilna nagħmlu?” Forsi taħseb li din il-mistoqsija hi sempliċi, imma t-tweġiba tistaʼ tgħin lit-tifel jew it-tifla tiegħek tifhem li Ġeħova jagħtina l-liġijiet għax iħobbna.—Isa. 48:17, 18.
11. Kif tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek jaraw li hu taʼ ġid għalihom li jimxu mal-prinċipji tal-Bibbja? (Proverbji 2:10, 11)
11 Tkellmu flimkien dwar kif meta nobdu dak li tgħid il-Bibbja jkun taʼ ġid għalina. Meta taqraw il-Bibbja jew id-daily text iddiskutu kif il-prinċipji tal-Bibbja għenu lill-familja tagħkom. Pereżempju, it-tfal tiegħek jaraw kemm hu taʼ ġid li jaħdmu iebes u jkunu onesti? (Lhud 13:18) Tistaʼ anki tgħinhom jaraw kif meta jobdu l-pariri tal-Bibbja se jkunu iktar b’saħħithom u iktar ferħanin. (Prov. 14:29, 30) Jekk it-tfal jifhmu kemm hu tajjeb li jobdu l-prinċipji tal-Bibbja, x’aktarx iktar se jkunu jridu jobduhom f’ħajjithom.—Aqra Proverbji 2:10, 11.
12. Steve kif jgħin lit-tifel tiegħu japprezza l-prinċipji tal-Bibbja?
12 Steve, missier fi Franza, jispjega kif hu u l-mara tiegħu għenu lit-tifel tagħhom li għandu 16-il sena jara li Ġeħova tana l-liġijiet għax iħobbna. Steve jgħid: “Aħna nistaqsuh mistoqsijiet bħal, ‘Ġeħova għala jixtieq li nobdu dan il-prinċipju? Dan il-prinċipju kif jurina li jħobbna? X’jistaʼ jiġri jekk ma nimxux ma’ dan il-prinċipju?’” Konversazzjonijiet bħal dawn għenu lit-tifel tagħhom, Ethan, jibni fidi soda li dak li jgħid Ġeħova hu għall-ġid tiegħu. Steve jkompli: “Il-mira tagħna hi li ngħinu lil Ethan jara li l-għerf li hemm fil-Bibbja hu ħafna aħjar mill-għerf tal-bniedem.”
13. Agħti eżempju taʼ kif il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja.
13 Għin lit-tfal tiegħek japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. Tistaʼ tagħmel dan meta t-tfal ikollhom jaqraw xi ktieb fl-iskola. Forsi l-karattri tal-ktieb jagħmlu affarijiet li Ġeħova jobgħod, bħall-immoralità sesswali u l-vjolenza. U hu miktub b’tali mod li jġiegħel lill-karattri jidhru li ma qed jagħmlu xejn ħażin. Tistaʼ ssaqsi lit-tifel jew it-tifla tiegħek kif iħossu Ġeħova meta n-nies jagħmlu dawn l-affarijiet. Dan jistaʼ jgħinhom jaraw għala hu taʼ ġid li jobdu lil Ġeħova. (Prov. 22:24, 25; 1 Kor. 15:33; Flp. 4:8) U meta tiġihom l-opportunità li jgħidu lill-għalliem jew lit-tfal x’jaħsbu dwar il-ktieb, jistgħu jgħidulhom x’jemmnu huma.
GĦALLEM LIT-TFAL TIEGĦEK JISPJEGAW DAK LI JEMMNU
14. Iż-żgħażagħ liema suġġett jaf isibu diffiċli, u għala?
14 Ġieli ż-żgħażagħ jibżgħu jgħidu lil oħrajn x’jemmnu. Forsi jibżgħu meta jkollhom jispjegaw għala ma jemmnux fl-evoluzzjoni. Dan minħabba li l-għalliema jgħallmu l-evoluzzjoni bħala li hi fatt mhux teorija. Jekk int ġenitur, kif tistaʼ tgħin lit-tfal tiegħek ikunu konvinti li dak li jemmnu hu l-verità?
15. X’jistaʼ jgħin liż-żgħażagħ ikunu iktar konvinti minn dak li jemmnu?
15 Għin lit-tfal ikunu iktar konvinti minn dak li jemmnu. It-tfal tiegħek m’għandhomx għalfejn jistħu jgħidu li jemmnu fil-Ħallieq. (2 Tim. 1:8) Għala le? Għax ir-realtà hi li anki ħafna xjentisti jemmnu li l-ħajja ma ġietx b’kumbinazzjoni jew waħedha. Dawn ix-xjentisti tant jaraw li l-affarijiet ħajjin fihom dettalji li jemmnu li bilfors ħalaqhom xi ħadd intelliġenti. Minħabba f’hekk, lanqas huma ma jemmnu fit-teorija tal-evoluzzjoni li tiġi mgħallma fl-iskejjel. Xi ħaġa li tistaʼ tgħin lit-tifel jew it-tifla tiegħek issaħħaħ il-fidi u tkun iktar konvinta minn dak li temmen hi li tara kif xi aħwa saru konvinti li hemm Ħallieq. c
16. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal ikunu kapaċi jispjegaw għala jemmnu li hemm Ħallieq? (1 Pietru 3:15) (Ara l-istampa.)
16 Għin lit-tfal tiegħek ikunu kapaċi jispjegaw għala jemmnu li hemm Ħallieq. (Aqra l-1 Pietru 3:15.) Tistaʼ ssib t’għajnuna li tiddiskutu flimkien l-artikli fis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?” fuq jw.org. Minnhom it-tfal jistgħu jsibu raġunar li bih jistgħu jgħinu lil oħrajn jifhmu li hemm Ħallieq. Imbagħad ipprattikaw flimkien kif jistgħu jispjegaw dan waħedhom. Fakkar lit-tfal li m’għandhomx għalfejn jargumentaw ma’ sħabhom fl-iskola, imma għandhom iżommu l-ispjegazzjoni tagħhom ċara u sempliċi. Pereżempju, jekk xi ħadd fl-iskola jgħidilhom: “Jien nemmen biss f’dak li nistaʼ nara, u qatt ma rajtu lil Alla.” It-tifel jew it-tifla tistaʼ tirraġuna magħhom billi tgħid: “Immaġina li tkun miexi f’foresta maqtugħa min-nies u tara bir mibni bil-ġebel. X’se taħseb? Li ġie waħdu? Żgur li xi ħadd bnieh. L-istess il-pjaneta tagħna u l-affarijiet ħajjin fiha. Xi ħadd żgur li ħalaqhom!”
17. Il-ġenituri kif jistgħu jinkuraġġixxu lit-tfal isibu modi kif jitkellmu m’oħrajn dwar il-Bibbja? Agħti eżempju taʼ kif it-tfal jistgħu jibdew konversazzjoni maʼ xi ħadd l-iskola.
17 Inkuraġġixxi lit-tfal isibu modi kif jitkellmu m’oħrajn dwar il-Bibbja. (Rum. 10:10) Tistaʼ tqabbel l-isforzi li jridu jagħmlu mal-isforzi li jrid jagħmel xi ħadd li jkun jixtieq jitgħallem idoqq strument. Għall-ewwel, dak li jkun qed jitgħallem jibda jdoqq affarijiet sempliċi. Imma maż-żmien, se jsibha eħfef idoqq affarijiet naqra iktar tqal. Bl-istess mod, żagħżugħ Kristjan irid jagħmel l-istess billi jibda jitkellem m’oħrajn dwar il-Bibbja b’mod sempliċi. Pereżempju, jistaʼ jistaqsi lil xi ħadd l-iskola: “Kont taf li spiss ix-xjentisti jikkopjaw dak li jaraw fin-natura? Ħa nurik vidjow sabiħ.” Wara li jurih vidjow mis-serje Ġie Disinjat? jistaʼ jgħid: “Jekk ix-xjentisti jirċievu t-tifħir talli kkopjaw xi ħaġa li diġà kienet teżisti, min għandu jirċievi t-tifħir għall-affarijiet li naraw fin-natura?” B’dan il-mod sempliċi jistaʼ jħajjar lil xi ħadd fl-iskola jkun jixtieq isir jaf iktar.
KOMPLI GĦIN LIT-TFAL ISAĦĦU L-FIDI TAGĦHOM
18. Il-ġenituri kif jistgħu jkomplu jsaħħu l-fidi tat-tfal tagħhom?
18 Aħna ngħixu f’dinja fejn in-nies ma jemmnux b’Ġeħova. (2 Pt. 3:3) Għalhekk, ġenituri, hekk kif tistudjaw il-Bibbja mat-tfal tagħkom għinuhom jistudjaw suġġetti li se jsaħħu r-rispett tagħhom għall-Kelma t’Alla u għal-livelli taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Għinuhom isaħħu l-fidi tagħhom billi titkellmu magħhom dwar il-ħolqien. Għinuhom jifhmu profeziji tal-għaġeb li diġà twettqu. U l-iktar ħaġa importanti, itolbu magħhom. U fit-talb persunali tagħkom itolbu għat-tifel u t-tifla tagħkom. Jekk tagħmlu dan, tistgħu tkunu ċerti li Ġeħova se jbierek l-isforzi li qed tagħmlu biex tgħinuhom isaħħu l-fidi tagħhom fih.—2 Kron. 15:7.
GĦANJA 133 Qim lil Ġeħova matul iż-żgħożija
a Għal iktar informazzjoni, ara l-vidjow The Wonders of Creation Reveal God’s Glory fuq jw.org.
b Jekk it-tfal tiegħek diġà lestew il-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! tistgħu terġgħu taraw xi lezzjonijiet minn parti 3 u 4, li jiddiskutu l-livelli t’Alla dwar x’inhu tajjeb u ħażin.
c Ara l-artiklu “Why We Believe in a Creator” fi Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Settembru 2006, u l-browxer The Origin of Life—Five Questions Worth Asking. Għal iktar eżempji, ara s-serje taʼ vidjows Fehmiet dwar l-oriġini tal-ħajja fuq jw.org.
d X’TURINA L-ISTAMPA: Xhud żagħżugħ juri lil sieħbu tal-iskola li jogħġbuh id-drones, vidjow mis-serje Ġie Disinjat?