Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 51

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

Id-Dmugħ Tiegħek Hu Prezzjuż għal Ġeħova

Id-Dmugħ Tiegħek Hu Prezzjuż għal Ġeħova

“Jekk jogħġbok, erfaʼ d-dmugħ tiegħi fil-flixkun tiegħek tal-ġilda. Int ktibt dwar it-tbatija li għaddejt minnha jien fil-ktieb tiegħek.”SLM. 56:8.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dan l-artiklu se jfakkarna li Ġeħova jaf meta nkunu mdejqin, u se jtina dak li għandna bżonn biex inħossuna aħjar.

1-2. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jġegħluna nibku?

 XI DARBA jew oħra, kollha kemm aħna bkejna. Ġieli nibku għax inkunu ferħanin. Pereżempju, int forsi bkejt meta ġratlek xi ħaġa speċjali. Bħal meta kellek tarbija, meta ftakart f’xi ħaġa li għamlitek ferħan ħafna, jew erġajt rajt xi ħabib wara ħafna snin.

2 Imma ħafna drabi, meta nibku jkun minħabba li nħossuna mdejqin jew għax inkunu qed inbatu. Pereżempju, jaf nibku għax xi ħadd li nħobbu u nafdaw ikun trattana ħażin. Jew jistaʼ jkun nibku għax inkunu ilna nbatu minħabba xi marda jew għax ikun mitilna xi ħadd li nħobbu. Xi kultant jaf tant inkunu mdejqin li nħossu qisu ma nistgħux nieqfu nibku. Din il-ħaġa ġrat lil Ġeremija meta l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm. Hu qal: “Minn għajnejja neżlin gliegel taʼ ilma . . . Għajnejja jċarċru d-dmugħ u ma jiqfux, ma jistriħux.”—Lam. 3:​48, 49.

3. Ġeħova kif iħossu meta jara n-nies tiegħu jbatu? (Isaija 63:9)

3 Ġeħova jaf b’kull demgħa li nibku minħabba s-sitwazzjonijiet koroh li ngħaddu minnhom. Il-Bibbja tagħmilha ċara li hu jaf kull meta nkunu qed inbatu, u li hu jismagħna meta ngħajtulu għall-għajnuna. (Slm. 34:15) Imma Ġeħova jagħmel iktar milli sempliċiment jarana nibku u jismaʼ t-talb tagħna. Bħal Missier li jħobb, hu jħossu mdejjaq ħafna meta jarana nibku, u mill-ewwel jagħmel xi ħaġa biex jgħinna.—Aqra Isaija 63:9.

4. Liema eżempji mill-Bibbja se naraw, u x’se nitgħallmu dwar Ġeħova?

4 Mill-Bibbja nistgħu nitgħallmu kif ħassu Ġeħova meta l-qaddejja tiegħu bkew u kif għenhom. Pereżempju, nistgħu nitgħallmu dan minn dak li ġara lil Ħanna, David, u r-Re Ħeżekija. F’dan l-artiklu se naraw għala dawn il-qaddejja bkew u x’għamel Ġeħova biex jgħinhom. Se nitgħallmu wkoll kif illum Ġeħova jistaʼ jfarraġna meta nkunu mdejqin ħafna, jittradik xi ħadd li tħobb, jew tħossok bla tama.

DMUGĦ MINĦABBA DWEJJAQ KBAR

5. Ħanna kif kienet tħossha?

5 Minħabba l-problemi li kellha, Ħanna kellha dwejjaq kbar. Waħda mill-problemi kienet li r-raġel tagħha kien miżżewweġ mara oħra jisimha Peninna, u din kienet kattiva magħha. Apparti minn hekk, Ħanna ma setax ikollha tfal, imma Peninna kellha ħafna. (1 Sam. 1:​1, 2) Minħabba f’hekk, Peninna kienet taqbad magħha u tgħidilha kliem li jweġġaʼ. Li kieku int kont minflok Ħanna, kif kont tħossok? Ħanna tant kienet imdejqa li “kienet tibki u ma tikolx,” u ħassitha “ddisprata ħafna.”—1 Sam. 1:​6, 7, 10.

6. Ħanna x’għamlet biex tħossha aħjar?

6 Ħanna x’għamlet biex tħossha aħjar? Ħaġa waħda li għamlet kienet li marret tqim lil Ġeħova fit-tabernaklu. Meta kienet hemmhekk, wisq probabbli qrib id-daħla tal-bitħa tat-tabernaklu, hi “bdiet titlob lil Ġeħova u tibki kemm tiflaħ.” Fit-talba tagħha lil Ġeħova, hi qalet: “Ara d-dwejjaq kbar tiegħi u ftakar fija.” (1 Sam. 1:10b, 11) Ħanna qalet lil Ġeħova dak kollu li kienet qed taħseb u kif kienet qed tħossha. Tistaʼ timmaġina kif ħassu Ġeħova meta ra lil Ħanna tibki? Bħala t-tifla tiegħu, hu kien iħobbha ħafna u ried ifarraġha.

7. Ħanna kif ħassitha wara li fetħet qalbha maʼ Ġeħova?

7 Ħanna kif ħassitha wara li fetħet qalbha maʼ Ġeħova u inkuraġġieha l-Qassis il-Kbir Għeli? Il-Bibbja tgħid li “hi marret għal triqitha, kielet, u ma baqgħetx imdejqa.” (1 Sam. 1:​17, 18) Ħanna ħassitha kalma, avolja l-problema kienet għadha hemm. Hi kienet ċerta li Ġeħova fehem kif kienet qed tħossha u li hu kien se jgħinha. U Ġeħova hekk għamel. Hu fehemha, semaʼ t-talba tagħha, u maż-żmien berikha billi taha t-tfal.—1 Sam. 1:​19, 20; 2:21.

8-9. Skont Lhud 10:​24, 25, għala għandna nagħmlu kulma nistgħu biex immorru l-laqgħat? (Ara l-istampa.)

8 Dak li nistgħu nitgħallmu. Bħalissa int għaddej minn żmien diffiċli u minħabba f’hekk tkun imdejjaq u tibki? Forsi mietlek xi ħadd tal-familja jew xi ħabib tal-qalb. Hu normali li fi żminijiet bħal dawn tkun tixtieq toqgħod waħdek. Imma eżatt bħalma Ħanna ħassitha aħjar għax marret it-tabernaklu, Ġeħova jistaʼ jinkuraġġik ħafna meta tmur il-laqgħat. Allura anki jekk ma jkollokx aptit, agħmel sforz u mur għax żgur li se tħossok aħjar. (Aqra Lhud 10:​24, 25.) Fil-laqgħat, int se tismaʼ versi li meta taħseb dwarhom se tħossok inkuraġġit. Dan hu l-mod kif Ġeħova jistaʼ jgħinek biex ma tibqax taħseb fuq affarijiet negattivi. B’hekk, avolja l-problema tkun għadha hemm, xorta waħda se tibda tħossok aħjar.

9 Fil-laqgħat, l-aħwa jinkuraġġuna u juruna kemm iħobbuna. Allura meta nkunu magħhom żgur li se nħossuna aħjar. (1 Tes. 5:​11, 14) Aħseb dwar l-esperjenza taʼ pijunier speċjali li mititlu l-mara. Hu qal: “Ġieli jkolli bżonn noqgħod waħdi, għax tant nimmissjaha lill-mara li ma nkunx nistaʼ nieqaf nibki. Imma meta mmur il-laqgħat, vera nħossni aħjar. Il-kliem li jgħiduli l-aħwa b’qalb tajba u meta jikkummentaw, vera jgħinuni nħossni kalm. Inkun kemm inkun ansjuż u inkwetat qabel nasal il-laqgħa, dejjem inħossni aħjar meta nkun hemmhekk.” Meta mmorru l-laqgħat, Ġeħova juża lill-aħwa biex jgħinna.

L-aħwa jistgħu jinkuraġġuna u jgħinuna nħossuna aħjar (Ara paragrafi 8-9)


10. Kif nistgħu nimitaw lil Ħanna meta nkunu mdejqin ħafna?

10 Ħanna ħassitha aħjar wara li fetħet qalbha maʼ Ġeħova u qaltlu x’kienet qed tħoss. Int ukoll tistaʼ ‘tħalli l-ansjetajiet tiegħek f’idejh,’ u tkun ċert li hu se jismaʼ t-talb tiegħek u jgħinek. (1 Pt. 5:7) Oħt li r-raġel tagħha ġie maqtul mill-ħallelin, tgħid: “Tant ħassejtni mdejqa li ħsibt li qatt ma kont se nerġaʼ nkun ferħana. Imma kull meta kont nitlob lil Missieri, Ġeħova, kont inħossni aħjar. Ġieli lanqas kont inkun naf kif se nispjegalu x’qed inħoss. Imma naf li hu kien jifhimni. Meta kont inħossni ansjuża u mdejqa ħafna, kont nitolbu biex jikkalmani u jtini l-paċi. Dak il-ħin eżatt kont nistrieħ u nħossni aħjar, u b’hekk kont inkun nistaʼ nagħmel l-affarijiet li kien ikolli dik il-ġurnata.” Meta int tiftaħ qalbek maʼ Ġeħova u tgħidlu eżatt bid-dwejjaq li jkollok, hu jħossu mdejjaq ukoll u jifhem eżatt xi tkun qed tħoss. Anki jekk il-problema ma titlaqx, Ġeħova żgur li se jgħinek tħossok kalm u aħjar. (Slm. 94:19; Flp. 4:​6, 7) Hu jinnota kulma tagħmel biex tibqaʼ leali lejh, u żgur se jbierkek.—Lhud 11:6.

DMUGĦ GĦAX ĠEJT TRADUT

11. David kif ħassu meta xi nies trattawh ħażin?

11 David kellu ħafna problemi fil-ħajja tiegħu li ġegħluh jibki. Hu kellu ħafna nies li kienu jobogħduh u anki xi wħud mill-ħbieb u tal-familja tiegħu tradewh u provaw jagħmlulu l-ħsara. (1 Sam. 19:10, 11; 2 Sam. 15:10-14, 30) Fil-fatt, darba hu kiteb: “Għejejt tant kemm qed nibki. Is-sodda tiġi għasra bil-biki li nibki l-lejl kollu; is-saqqu mlejtu bid-dmugħ.” David għala ħassu hekk? Hu qal: “Minħabba t-tbatija li għaddej minnha.” (Slm. 6:​6, 7) Meta n-nies kienu jittrattawh ħażin, ġieli tant kien iħossu mdejjaq li ma setax jieqaf jibki.

12. Skont Salm 56:​8, David minn xiex kien konvint?

12 David kien konvint li Ġeħova kien iħobbu, avolja fil-ħajja tiegħu kellu ħafna problemi. Fil-fatt hu kiteb: “Ġeħova se jismagħni nibki.” (Slm. 6:8) Darba oħra, hu kiteb il-kliem sabiħ li nsibu f’Salm 56:8. (Aqra.) Dan il-kliem jurina kemm Ġeħova jħobbna u jimpurtah minn kif inħossuna. David ħassu li Ġeħova qisu kien qed jerfaʼ d-dmugħ tiegħu fi flixkun jew jiktbu fi ktieb. Hu kien ċert ukoll li Ġeħova kien qed jinnota u jiftakar fit-tbatija kollha tiegħu. David kien konvint li Ġeħova mhux biss kien jaf bil-problemi li kellu, imma wkoll kif kien qed iħossu minħabba fihom.

13. Meta jittradina jew jiddiżappuntana xi ħadd, xi rridu niftakru? (Ara l-istampa.)

13 Dak li nistgħu nitgħallmu. Int qed tħossok imdejjaq u mweġġaʼ għax xi ħadd li kont tafda ttradiek u weġġgħek ħafna? Forsi int imweġġaʼ għax kont għarus u r-relazzjoni spiċċat f’daqqa. Jew forsi telqitek il-mara jew telqek ir-raġel. Jistaʼ jkun ukoll li xi ħadd li tħobb waqaf jaqdi lil Ġeħova. Ħu li l-mara tiegħu għamlet adulterju u telqitu qal: “Ma ridtx nemmen li din il-ħaġa ġrat lili. Ħassejtni li ma kont tajjeb għal xejn, imdejjaq, u rrabjat.” Jekk xi ħadd tradiek u ddiżappuntak, ftakar li Ġeħova qatt mhu se jabbandunak. Il-ħu li semmejna qal: “Jien fhimt li n-nies jistgħu jittraduk, imma Ġeħova żgur qatt mhu se jagħmel hekk. Jiġri x’jiġri, hu dejjem se jkun hemm biex jgħinna, għax hu mhux se jabbanduna lil-leali tiegħu.” (Slm. 37:28) Żomm f’moħħok ukoll li Ġeħova jħobbok ħafna iktar minn kemm jistaʼ jħobbok xi ħadd. Meta tiġi tradut minn xi ħadd li tħobb ikun taʼ wġigħ kbir. Imma Ġeħova mhux se jbiddel il-mod kif iħossu dwarek. Int prezzjuż ħafna għalih. (Rum. 8:​38, 39) Il-punt hu li avolja xi ħadd trattak ħażin, Missierek tas-sema jħobbok ħafna.

Il-ktieb tas-Salmi jiżgurana li Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma (Ara paragrafu 13)


14. Salm 34:18 minn xiex jaċċertana?

14 Jekk tradiek xi ħadd, il-kliem taʼ David f’Salm 34:18 jistaʼ jinkuraġġik ħafna. (Aqra.) Il-frażi “dawk li huma mdejqin” tistaʼ tirreferi għal xi ħadd li jħossu bla tama. Ġeħova kif jgħin lil nies li jħossuhom hekk? Bħala Missier li jħobb, Ġeħova “hu qrib” tagħna. Hu qisu ġenitur li qed iżomm it-tarbija tiegħu u jikkalmaha għax qed tibki. Meta nkunu mweġġgħin għax xi ħadd ikun tradiena jew telaqna, Ġeħova jħoss l-uġigħ tagħna u jgħinna mill-ewwel. Hu jixtieq ħafna jgħinek tħossok aħjar jekk int qalbek maqsuma u tħossok li m’int tajjeb għal xejn. U hu jtina ħafna affarijiet biex jgħinna nħarsu ’l quddiem għalihom u niffokaw fuqhom. B’hekk, inkunu nistgħu nkomplu nissaportu.—Isa. 65:17.

DMUGĦ GĦAX TĦOSSOK BLA TAMA

15. Ħeżekija għala ħassu tant imdejjaq li beka?

15 Meta kellu 39 sena, ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda sar jaf li kellu marda serja. Il-profeta Isaija wassallu messaġġ minn Ġeħova u qallu li kien se jmut. (2 Slat. 20:1) Għal Ħeżekija qisu ma kien hemm l-ebda tama u beka fuq li beka. Allura hu talab lil Ġeħova mill-qalb.—2 Slat. 20:​2, 3.

16. Ġeħova x’għamel biex jgħin lil Ħeżekija?

16 Meta Ġeħova semaʼ t-talba taʼ Ħeżekija u ra d-dmugħ tiegħu, ħass ħafna għalih. Hu qallu: “Jien smajt it-talba tiegħek u rajt id-dmugħ tiegħek. Jien se nfejqek.” Permezz taʼ Isaija, Ġeħova wera ħniena miegħu u wiegħdu li kien se jtawwallu ħajtu u jeħles lil Ġerusalemm mill-Assirjani.—2 Slat. 20:​4-6.

17. Ġeħova kif jgħinna meta jkollna problemi serji taʼ saħħa? (Salm 41:3) (Ara l-istampa.)

17 Dak li nistgħu nitgħallmu. Int għandek problema taʼ saħħa u tħossok bla tama? Itlob lil Ġeħova mill-qalb u kun ċert li se jisimgħek, anki jekk tibda tibki waqt li titlob. Il-Bibbja tiżgurana li peress li hu “l-Missier li jħenn ħafna, u l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni,” se jgħinna f’kull prova li jkollna. (2 Kor. 1:​3, 4) Illum ma nistgħux nistennew li Ġeħova jneħħilna l-problemi li għandna, imma nistgħu nafdaw fih li żgur se jgħinna. (Aqra Salm 41:3.) Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, hu jtina s-saħħa, l-għerf, u jgħinna nkunu kalmi biex inkampaw. (Prov. 18:14; Flp. 4:13) Hu jgħinna wkoll permezz tat-tama li fil-futur ħadd mhu se jkun marid.—Isa. 33:24.

Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna billi jtina s-saħħa, l-għerf, u jgħinna nkunu kalmi (Ara paragrafu 17)


18. Liema skrittura tħoss li tinkuraġġik ħafna meta tkun għaddej minn xi sitwazzjoni diffiċli? (Ara l-kaxxa “ Kliem li Ġeħova Jgħidilna Biex Jikkalmana.”)

18 Ħeżekija ħassu inkuraġġit meta semaʼ l-kliem li qallu Ġeħova. U aħna wkoll nistgħu nħossuna aħjar meta naraw x’jgħid Ġeħova fil-Bibbja. Meta ngħaddu minn żmien diffiċli, dak li jgħid Ġeħova jistaʼ jinkuraġġina u jgħinna nħossuna kalmi. (Rum. 15:4) Meta oħt fl-Afrika saret taf li kellha kanċer, taʼ spiss kienet tibki. Hi tgħid: “Il-kliem f’​Isaija 26:3 jgħinni ħafna. Vera li ħafna drabi ma nkunux nistgħu nbiddlu s-sitwazzjoni, imma dal-vers jiżgurana li Ġeħova ħa jgħinna nkunu kalmi u jtina s-saħħa li għandna bżonn biex nissaportu.” Hemm xi vers li jinkuraġġik meta tkun għaddej minn xi sitwazzjoni u qisu ma jkollokx tama?

19. X’futur sabiħ hemm jistenniena?

19 Bħalissa qegħdin ngħixu fl-aħħar ftit jiem taʼ din is-sistema, u nistennew li l-affarijiet li jġegħluna nibku se jkomplu jiżdiedu. Imma bħalma tgħallimna mill-eżempji taʼ Ħanna, David, u r-Re Ħeżekija, Ġeħova jinnota meta nibku u jkun imdejjaq. Hu jħobbna ħafna talli nibqgħu leali lejh avolja jkollna l-uġigħ. Hu qatt ma jinsa d-dmugħ tagħna. Allura meta jkollna sitwazzjonijiet diffiċli, importanti li niftħu qalbna maʼ Ġeħova fit-talb. Irridu nibqgħu close tal-aħwa fil-kongregazzjoni. U jalla nkomplu nħossuna inkuraġġiti mill-kliem li Ġeħova juża fil-Bibbja. Kun ċert li jekk tibqaʼ tissaporti u tibqaʼ leali lejn Ġeħova, hu se jbierkek. Dan jinkludi l-wegħda li għamel magħna taʼ li ‘jixxottalna kull demgħa’ li jistaʼ jkollna minħabba dwejjaq kbar, jekk ġejna traduti, jew jekk inħossuna bla tama. (Riv. 21:4) Dak iż-żmien, l-uniku biki li se jkollna se jkun biki taʼ ferħ.

GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-Ragħaj tiegħi”