Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49

GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda

Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem—Kif?

Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem—Kif?

“Kull min jaċċetta lili, l-Iben, u juri fidi fija jkollu l-ħajja taʼ dejjem.ĠW. 6:40.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Il-barkiet li se jkollhom il-magħżulin u n-nagħaġ oħra minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu.

1. Ħafna nies għala jaħsbu li hu impossibbli li jgħixu għal dejjem?

 ĦAFNA nies joqogħdu attenti x’jieklu u jagħmlu l-eżerċizzju biex jibqgħu b’saħħithom u jibqgħu ħajjin kemm jistaʼ jkun. Imma huma xorta jafu li se jixjieħu u jmutu. Probabbli jafu li ma jistgħux jgħixu għal dejjem minħabba l-problemi li jiġu mix-xjuħija. Imma Ġesù fi Ġwanni 3:16 u 5:24 qal li jistaʼ jkollna “l-ħajja taʼ dejjem.”

2. Ġwanni kapitlu 6 x’jgħid dwar il-ħajja taʼ dejjem? (Ġwanni 6:​39, 40)

2 Ġesù b’miraklu tema’ eluf taʼ nies bi ftit ħobż u ħut. a Din kienet xi ħaġa tal-għaġeb, imma n-nies kellhom iktar għalfejn jistagħġbu b’dak li qal l-għada f’Kafarnahum. Ġesù qal li se jirxoxta lil dawk li mietu u se jtihom il-ħajja taʼ dejjem. (Aqra Ġwanni 6:​39, 40.) Aħseb dwar il-ħbieb u tal-familja tiegħek li mietu. Minn dak li qal Ġesù, tistaʼ tkun ċert li huma se jerġgħu jqumu u se tgħixu għal dejjem flimkien! Imma dak li Ġesù qal wara kien diffiċli għan-nies biex jifhmuh dak iż-żmien, u anke għan-nies illum jistaʼ jkun diffiċli. Ejja naraw x’qal.

3. Ġesù x’għallem fi Ġwanni 6:51?

3 Wara li Ġesù tahom l-ikel, il-folla bdiet tiftakar dwar il-manna li Ġeħova ta lill-Iżraelin fid-deżert. In-nies li Ġesù kien qed jitkellem magħhom kienu jafu li l-Iskrittura ssejjaħ il-manna “ħobż mis-sema.” (Slm. 105:40; Ġw. 6:31) Imma issa Ġesù għallem lill-folla xi ħaġ’oħra importanti dwar il-ħobż. Kien hemm differenza kbira bejnu u bejn il-manna. Għalkemm il-manna kienet miraklu mingħand Ġeħova, l-Iżraelin xorta mietu maż-żmien. (Ġw. 6:49) Imma Ġesù qal xi ħaġa differenti dwaru nnifsu: “Jien il-ħobż li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja. Jekk xi ħadd jiekol minnu jgħix għal dejjem.” (Aqra Ġwanni 6:51.) Dan gerfex lil-Lhud għax huma ma setgħux jifhmu kif Ġesù kien “ħobż” mis-sema u aħjar mill-manna tal-Iżraelin. Ġesù qalilhom: “Il-ħobż li se nagħti hu ġismi.” Ġesù x’ried ifisser? Għandu jimpurtana mit-tweġiba għax din tgħinna nifhmu kif aħna u dawk li nħobbu nistgħu ngħixu għal dejjem. Ejja naraw x’ried ifisser Ġesù.

IL-ĦOBŻ LI JAGĦTI L-ĦAJJA U ĠISEM ĠESÙ

4. Xħin semgħu dak li qal Ġesù, xi wħud għala ma setgħux jemmnu?

4 Xi wħud ma setgħux jemmnu meta Ġesù qal li kellhom ‘jieklu ġismu li kien se joffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.’ Huma forsi ħasbu li kien qed jgħidilhom biex jieklu l-ġisem letterali tiegħu. (Ġw. 6:52) Imbagħad qalilhom xi ħaġ’oħra li setgħet ħawdithom iktar. Hu qal: “Jekk ma tiklux il-ġisem tiegħi u ma tixorbux id-demm tiegħi, Bin il-bniedem, ma jkollkomx il-ħajja.”—Ġw. 6:53.

5. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù ma qalx li n-nies kellhom jixorbu d-demm letterali tiegħu?

5 Fi żmien Noè, Alla qal lin-nies li ma setgħux jieklu d-demm. (Ġen. 9:​3, 4) Imbagħad meta ta l-Liġi lill-Iżraelin reġaʼ qal l-istess kmand: “Kull persuna li tiekol xi demm, għandha tiġi maqtula.” (Lev. 7:27) Ġesù qal lil-Lhud biex jobdu l-liġijiet kollha fil-Liġi taʼ Mosè. (Mat. 5:​17-19) Allura żgur li ma riedx li l-Lhud jieklu l-ġisem u jixorbu d-demm letterali tiegħu. B’dak li qal, avolja kien stramb, ried jgħallem lin-nies kif setaʼ jkollhom “il-ħajja taʼ dejjem.”—Ġw. 6:54.

6. Kif nafu li fi Ġwanni 6:​53, Ġesù kien qed juża eżempju?

6 B’dak li qal fi Ġwanni 6:​53, Ġesù kien qed juża eżempju, bħal meta tkellem mal-mara Samaritana. Hu qalilha: “Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jerġaʼ jaqbdu għatx, anzi l-ilma li nagħtih isir bħal għajn tal-ilma fih li jagħtih il-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 4:​7, 14) b Ġesù ma kienx qed jgħid lill-mara li jekk tixrob minn xi bir speċjali se tgħix għal dejjem. B’mod simili, Ġesù ma kienx qed jgħid lill-folla f’Kafarnahum li kellha tiekol ġismu u tixrob demmu letterali biex tgħix għal dejjem.

ŻEWĠ DIFFERENZI BEJN ŻEWĠ OKKAŻJONIJIET

7. Xi nies x’jgħidu dwar dak li qal Ġesù fi Ġwanni 6:53?

7 Xi nies jgħidu li fi Ġwanni 6:​53, Ġesù kien qed jispjega xi rridu nagħmlu fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Dan għax meta għamel l-ikla, hu uża kliem simili. (Mat. 26:​26-28) Dawn in-nies jgħidu li kull min jattendi l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej għandu jieħu mill-ħobż u l-inbid. Imma dan veru? Hu importanti li nkunu nafu għax kull sena miljuni taʼ nies madwar id-dinja jattendu din il-laqgħa. Ejja naraw xi differenzi li hemm bejn dak li qal Ġesù fi Ġwanni 6:​53, u dak li qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej.

8. X’hemm differenti bejn iż-żewġ okkażjonijiet? (Ara l-istampi.)

8 Ejja naraw żewġ differenzi bejn dawn l-okkażjonijiet. L-ewwel, Ġesù meta qal il-kliem fi Ġwanni 6:​53-56, u fejn kien? Hu kien fil-Galilija fis-sena 32. Din kienet madwar sena qabel għamel l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej f’Ġerusalemm. It-tieni, maʼ min kien qed jitkellem? Hu tkellem mal-folla li iktar kienu interessati f’li jieklu milli li jitgħallmu dwar Ġeħova u s-Saltna tiegħu. (Ġw. 6:26) Fil-fatt, meta huma ma fehmux xi ħaġa li qal Ġesù, ma baqgħux jemmnu fih. Anke ftit mid-dixxipli ma baqgħux miegħu. (Ġw. 6:​14, 36, 42, 60, 64, 66) Imma din il-folla kienet differenti ħafna mill-11-il appostlu leali li kienu maʼ Ġesù madwar sena wara, fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Huma baqgħu miegħu avolja ma fehmux kulma kien qed jgħallimhom. L-appostli m’għamlux bħal ħafna min-nies fil-Galilija, imma huma kienu konvinti li Ġesù kien l-Iben t’Alla li niżel mis-sema. (Mat. 16:16) Għalhekk, Ġesù faħħarhom u qalilhom: “Intom bqajtu miegħi fil-provi.” (Luqa 22:28) Dawn iż-żewġ differenzi juru li fi Ġwanni 6:​53, Ġesù ma kienx qed jispjega x’kien se jiġri fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Imma hemm iktar differenzi x’naraw.

Fi Ġwanni kapitlu 6 Ġesù tkellem maʼ folla Lhud fil-Galilija. Madwar sena wara, Ġesù tkellem mal-11-il appostlu leali f’Ġerusalemm (Ara paragrafu 8)


XI JFISSER KLIEM ĠESÙ GĦALIK?

9. Il-patt li semma Ġesù fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej għal min japplika?

9 Fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej, Ġesù ta lill-appostli l-ħobż bla ħmira u qal li jirrappreżenta lil ġismu. Imbagħad tahom tazza nbid u qal li jirrappreżenta “d-demm tiegħi li bih se jibda jgħodd il-patt t’Alla.” (Mrk. 14:​22-25; Luqa 22:20; 1 Kor. 11:24) Dak li qal dwar il-patt hu importanti ħafna. Dan hu “patt ġdid” li sar biss maʼ dawk li se jmexxu maʼ Ġesù fis-Saltna t’Alla, u mhux man-nies kollha. (Lhud 8:​6, 10; 9:15) F’dak il-ħin l-appostli ma fehmux kollox dwar dan il-patt, imma dalwaqt kienu se jiġu magħżulin mill-ispirtu qaddis u jsiru parti mill-patt il-ġdid biex ikunu maʼ Ġesù fis-sema.—Ġw. 14:​2, 3.

10. X’inhi differenza oħra bejn dak li Ġesù qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej u dak li qal lill-folla fil-Galilija? (Ara l-istampa.)

10 Dak li Ġesù qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej kien japplika għall-“merħla żgħira.” L-appostli leali li kienu miegħu għal din l-okkażjoni kienu l-ewwel nies f’dan il-grupp. (Luqa 12:32) Allura, huma kellhom jieklu mill-ħobż u jixorbu mill-inbid. Imma anke nies oħra li fil-futur kellhom isiru parti minn dan il-grupp għandhom jieklu mill-ħobż u jixorbu mill-inbid waqt l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Dan il-grupp se jkun maʼ Ġesù fis-sema. Mela din hi differenza oħra bejn iż-żewġ okkażjonijiet li tkellem fihom Ġesù. Dak li qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej kien japplika għal grupp żgħir taʼ nies biss. Imma dak li qal lill-folla fil-Galilija kien japplika għal ħafna iktar nies.

Dawk li jieklu mill-ħobż u jixorbu mill-inbid waqt l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej huma grupp żgħir, imma kulħadd għandu ċ-ċans li jgħix għal dejjem jekk ikollu fidi f’Ġesù (Ara paragrafu 10)


11. Dak li qal Ġesù fil-Galilija kif juri li ma kienx qed jirreferi għal ftit nies biss?

11 Ħafna mil-Lhud fil-Galilija li Ġesù kien qed jitkellem magħhom, kulma riedu kien li Ġesù jtihom l-ikel. Imma Ġesù ried jgħinhom jifhmu li hemm xi ħaġa aħjar mill-ikel u li tistaʼ ttihom ħajja taʼ dejjem. Hu qal ukoll li dawk li mietu setgħu jiġu rxoxtati fl-aħħar jum u jgħixu għal dejjem. Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar xi ħaġa li se jibbenefikaw minnha ftit nies biss, bħalma għamel fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Minflok, tkellem dwar xi ħaġa tal-għaġeb li n-nies kollha jistgħu jgawdu minnha. Fil-fatt hu qal: “Il-ħobż li se nagħti hu ġismi li se noffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.”—Ġw. 6:51.

12. Ġesù x’qal li hemm bżonn biex xi ħadd ikollu l-ħajja taʼ dejjem?

12 Ġesù ma qalx li kull persuna li qatt għexet se jkollha l-ħajja taʼ dejjem. Hu qal li dawk li se jgawdu mill-ħajja taʼ dejjem huma n-nies li ‘jieklu l-ħobż,’ jiġifieri juru fidi f’Ġesù. Ħafna nies li jgħidu li huma Kristjani jemmnu li biex jiġu salvati kulma għandhom bżonn hu li ‘jemmnu f’dak li [Alla] bagħat’ u jemmnu li Ġesù hu s-salvatur tagħhom. (Ġw. 6:​29, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Imma, anke fi żmien Ġesù kien hemm ħafna nies li emmnu fih imma mbagħad ma baqgħux. Għala?

13. Xi jfisser li tkun dixxiplu veru taʼ Ġesù?

13 Ħafna nies fil-folla fil-Galilija emmnu f’Ġesù għax hu tahom li xtaqu. Huma riedu li jfejjaqhom, li jtihom l-ikel, u jgħallimhom affarijiet li xtaqu jisimgħu. Imma Ġesù wera li hu ġie biex jgħallimhom xi jridu jagħmlu biex ikunu dixxipli vera tiegħu u mhux biex itihom li xtaqu. Huma kellhom ‘imorru għandu’ billi jisimgħu u jobdu dak kollu li għallimhom.—Ġw. 5:40; 6:44.

14. Xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-ġisem u d-demm taʼ Ġesù?

14 Ġesù għallem lill-folla kemm hu importanti li jemmnu li hu kien se jissagrifika ġismu u demmu biex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Bħalma kien importanti għal-Lhud li jkollhom fidi f’dan is-sagrifiċċju, hu importanti għalina wkoll. (Ġw. 6:40) Mela dak li Ġesù qal fi Ġwanni 6:​53, ifisser li biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem irid ikollna fidi fil-fidwa. Dan is-sagrifiċċju hu xi ħaġa li kulħadd jistaʼ jgawdi minnu.—Efes. 1:7.

15-16. X’lezzjonijiet importanti tgħallimna minn Ġwanni kapitlu 6?

15 Fi Ġwanni kapitlu 6 tgħallimna ħafna affarijiet importanti u inkuraġġanti. Tgħallimna kemm Ġesù jimpurtah min-nies. Hu fejjaq lill-morda, għallimhom dwar is-Saltna t’Alla, u meta kienu bil-ġuħ temagħhom. (Luqa 9:11; Ġw. 6:​2, 11, 12) Imma l-iktar ħaġa importanti li għallimhom kienet li hu “l-ħobż li jagħti l-ħajja.”—Ġw. 6:​35, 48.

16 In-“nagħaġ oħra” m’għandhomx jieħdu mill-ħobż u l-inbid waqt l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. (Ġw. 10:16) Però, huma xorta jibbenefikaw mill-ġisem u d-demm taʼ Ġesù Kristu. Huma jagħmlu hekk billi juru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù u fl-affarijiet tal-għaġeb li l-mewt tiegħu għamlet possibbli. (Ġw. 6:53) Dawk li jieħdu mill-ħobż u l-inbid juru li huma parti mill-patt il-ġdid u għalhekk għandhom it-tama li jmexxu fis-Saltna t’Alla. Mela, kemm jekk nagħmlu parti mill-magħżulin u kemm jekk nagħmlu parti min-nagħaġ oħra, ir-rakkont fi Ġwanni 6 fih ħafna lezzjonijiet għalina. Jgħallimna li biex ngħixu għal dejjem irid ikollna fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

a Fl-artiklu taʼ qabel dan iddiskutejna Ġwanni 6:​5-35.

b L-ilma li tkellem dwaru Ġesù jirrappreżenta dak kollu li Ġeħova għamel u qed jagħmel biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem.