Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Qatt Ma Waqaft Nitgħallem

Qatt Ma Waqaft Nitgħallem

NIRRINGRAZZJA lil Ġeħova tal-privileġġ li għandi li hu “l-Istruttur Grandjuż” tiegħi. (Isa. 30:20) Hu jgħallem lill-qaddejja tiegħu permezz tal-Bibbja, il-ħolqien, u l-organizzazzjoni tiegħu. Hu anki juża lill-aħwa biex jgħallimna. Għalkemm daqt nagħlaq 100 sena, għadni nibbenefika mit-tagħlim taʼ Ġeħova sal-ġurnata tal-lum. Ħa ngħidilkom kif.

Mal-familja tiegħi fl-1948

Twilidt fl-1927 f’raħal żgħir viċin Chicago, Illinois, l-Istati Uniti tal-Amerka. Konna ħames aħwa—Jetha, Don, jien, Karl, u Joy. Konna determinati li naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Oħti Jetha marret it-tieni klassi taʼ Gilegħad fl-1943. Don mar jaqdi f’Betel fi Brooklyn, New York, fl-1944. Karl mar fl-1947 u oħti Joy fl-1951. L-eżempju tagħhom u taʼ ommi u missieri ħalla effett kbir fuqi.

KIF IL-FAMILJA TIEGĦI TGĦALLMET IL-VERITÀ

Ommi u missieri kienu jħobbu jaqraw il-Bibbja u għalhekk aħna trabbejna nemmnu u nħobbu lil Alla. Però, missieri maż-żmien ma baqax jirrispetta l-knisja. Dan ġara wara li kien suldat fl-Ewropa waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija. Meta missieri ġie lura d-dar qawwi u sħiħ, ommi kienet vera grata, allura qaltlu: “Karl, ejja mmorru l-knisja kif konna nagħmlu qabel.” Missieri qalilha: “Niġi miegħek, imma mhux se nidħol.” Ommi qaltlu: “Għala le?” Hu qalilha: “Fil-gwerra, qassisin tal-istess reliġjon bierku lis-suldati tal-pajjiżi tagħhom u ġġieldu kontra xulxin. Allura Alla lil min għen?”

Darba waħda meta ommi kienet il-knisja, ġew tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova jħabbtulna d-dar. Huma offrew lil missieri żewġ kotba li kienu jgħinuk tistudja l-Bibbja jisimhom Light. Dawn kienu jiddiskutu l-ktieb tar-Rivelazzjoni. Missieri kien interessat u aċċetta l-kotba. Meta ommi rat il-kotba bdiet taqrahom. Imbagħad darba rat avviż fuq il-gazzetta li kien jgħid li min hu interessat jista’ jmur biex jistudja l-Bibbja minn fuq dawn il-kotba. U hekk għamlet, marret. Xħin waslet, mara anzjana fetħet il-bieb. Ommi wrietha wieħed mill-kotba u staqsietha, “Hawn fejn tistudjaw dawn il-kotba?” Il-mara qaltilha, “Iva, sabiħa, idħol.” Il-ġimgħa taʼ wara, ommi reġgħet marret u ħaditna magħha. U bdejna mmorru kull ġimgħa.

F’laqgħa minnhom, il-ħu li kien qed imexxi l-laqgħa qalli biex naqra Salm 144:15 li jgħid li dawk li jaqdu lil Ġeħova huma nies ferħanin. Dan il-vers vera għoġobni. Għoġbuni wkoll l-​1 Timotju 1:​11, li jgħid li Ġeħova hu “Alla li hu ferħan,” u Efesin 5:1 li jħeġġiġna ‘nimitaw lil Alla.’ Minn dakinhar indunajt li għandi nkun ferħan li qed naqdi lill-Ħallieq tiegħi u li għandi nfaħħru għal dan il-privileġġ. Dawn huma żewġ affarijiet li matul ħajti pprovajt nagħmel.

L-eqreb kongregazzjoni kienet 32 kilometru ’l bogħod. Imma xorta konna mmorru u kont qed nitgħallem ħafna affarijiet mill-Bibbja. Niftakar darba, il-ħu li kien qed imexxi l-laqgħa għażel lil Jetha biex tikkummenta. Waqt li kont qed nismagħha, ħsibt: ‘Jien kont nafha. Stajt għollejt idi.’ Bdejt nipprepara u nikkummenta fi kliemi. Imma l-iktar ħaġa importanti kienet li bdejt nimmatura spiritwalment bħal ħuti, u fl-1941 tgħammidt.

NITGĦALLMU DWAR ĠEĦOVA FIL-KONVENZJONIJIET

L-iktar konvenzjoni li niftakar hi dik tal-1942 fi Cleveland, Ohio. Għal dik il-konvenzjoni qabdu bit-telefown aħwa minn 50 post ieħor fl-Istati Uniti. Il-familja tagħna kienet qagħdet f’post fejn l-aħwa ramaw il-kampijiet. Dak iż-żmien kienet għaddejja t-Tieni Gwerra Dinjija u l-persekuzzjoni fuq ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienet qed tiżdied. Filgħaxija, grupp taʼ aħwa rġiel ipparkjaw il-karozzi jħarsu ’l barra mill-kamp. Kienu qagħdu għassa mal-lejl u qalulna li jekk jaraw xi ħaġa, kienu se jixegħlu d-dawl tal-karozzi biex jagħmu lil dawk li jkunu ġejjin jattakkaw u jdoqqu l-ħornijiet. Imbagħad aħwa oħrajn kienu jmorru jgħinuhom. F’qalbi għedt, ‘In-nies taʼ Ġeħova għal kollox preparati!’ Tant kelli moħħi mistrieħ li rqadt. U dakinhar ma ġara xejn.

Matul is-snin meta kont naħseb dwar dik il-konvenzjoni, irrealizzajt li ommi ma kinitx anzjuża jew imbeżżaʼ. Hi fdat kompletament lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Qatt mhu ħa ninsa l-eżempju tajjeb tagħha.

Ftit qabel dik il-konvenzjoni, ommi bdiet taqdi bħala pijuniera regolari. Allura hi qagħdet attenta ħafna għat-taħditiet li kienu jitkellmu dwar is-servizz full-time. Aħna u sejrin lura d-dar wara l-konvenzjoni, hi qaltilna, “Nixtieq inkompli bħala pijuniera, imma diffiċli biex inkun pijuniera u fl-istess ħin nieħu ħsieb id-dar.” Imbagħad saqsietna jekk stajniex ngħinuha. Aħna għednielha li stajna, u allura qabel nieklu filgħodu, kull wieħed minna kellu kamra jew tnejn xi jnaddaf. Wara li konna mmorru l-iskola, hi kienet tara li kollox kien nadif id-dar u mbagħad toħroġ service. Hi kellha ħafna x’tagħmel imma dejjem kellha ħin għalija u għal ħuti. Meta konna mmorru d-dar għall-brejk u wara l-iskola, dejjem kienet tkun hemm. Ġieli wara l-iskola konna mmorru magħha fuq is-service u dan għenna nifhmu xi jfisser li tkun pijunier.

BDEJT BĦALA PIJUNIER

Jien bdejt naqdi bħala pijunier meta kelli 16-il sena. Missieri kien interessat f’kif kont sejjer fuq is-service avolja kien għadu ma sarx Xhud taʼ Ġeħova. Darba għedtlu li kont għadni ma sibtx studju tal-Bibbja avolja kont qed nipprova ħafna. Imbagħad wara ftit għedtlu, “Tixtieq tistudja l-Bibbja miegħi?” Hu qagħad jaħseb ftit u mbagħad qalli, “Iva, għala le?” Allura kelli privileġġ kbir għax l-ewwel studju tal-Bibbja li kelli kien maʼ missieri!

Studjajna l-ktieb “The Truth Shall Make You Free.” Wara xi żmien li bdejna nistudjaw, indunajt li missieri kien qed jgħinni biex inkun student tal-Bibbja u għalliem aħjar. Pereżempju darba wara li qrajna paragrafu, hu qalli: “Nistaʼ nifhem x’qed jgħid il-ktieb. Imma kif taf li dak li qed jgħid hu veru?” Jien ma kontx naf kif se nwieġbu allura għedtlu: “Bħalissa ma nafx kif ħa nwieġbek, imma fl-istudju li jmiss intik it-tweġiba.” U hekk għamilt. Sibt versi li kienu jagħtu prova taʼ dak li konna qed nistudjaw. Imbagħad bdejt nipprepara aħjar għall-istudju billi nagħmel riċerka. Dan għen lili u lil missieri biex insiru studenti tal-Bibbja aħjar. Hu applika dak li kien qed jitgħallem u tgħammed fl-1952.

KOMPLEJT NITGĦALLEM AFFARIJIET ĠODDA F’BETEL

Meta kelli 17-il sena, ma bqajtx noqgħod id-dar. Fl-istess żmien, Jetha a saret missjunarja u Don mar Betel. Huma kienu qed jieħdu pjaċir fl-assignments tagħhom u dan inkuraġġieni ħafna. Allura applikajt għal Gilegħad u għal Betel u ħallejt kollox f’idejn Ġeħova. Imbagħad fl-1946 stidnuni biex immur Betel.

Matul is-snin għamilt ħafna xogħlijiet differenti f’Betel, allura tgħallimt ħafna affarijiet ġodda. Jien ilni Betel 75 sena u f’daż-żmien tgħallimt kif nipprintja l-kotba u nagħmel l-accounts. Kont ukoll nixtri l-affarijiet għal Betel u nibgħat affarijiet f’postijiet oħra. Però l-iktar ħaġa li nieħu pjaċir biha hi t-tagħlim spiritwali li jkollna f’Betel permezz tal-qima taʼ filgħodu u t-taħditiet.

Ngħallem fi skola tal-anzjani

Jien tgħallimt ukoll minn ħija ż-żgħir, Karl, li ġie Betel fl-1947. Hu kien jaf jistudja l-Bibbja u jgħallimha sew. Darba kelli taħdita u staqsejtu biex jgħinni. Jien għedtlu li kont sibt ħafna materjal imma ma kontx naf kif se nużah kollu. Hu fehemni xi rrid nagħmel billi saqsieni mistoqsija, “Joel, fuqiex inhi t-taħdita?” Jien fhimt mill-ewwel x’ried jgħidli. Jien kelli nuża biss l-informazzjoni li kienet se tgħinni nispjega fuqiex inhi t-taħdita. Qatt ma nsejt dak li għallimni ħija.

Biex tkun ferħan f’Betel, trid tagħmel l-aħjar tiegħek fuq is-service wkoll. Jekk tagħmel hekk, jistaʼ jkollok esperjenzi sbieħ. Esperjenza li niftakar sew kienet fi New York. Filgħaxija, jien u ħu morna nkellmu mara li diġà kellha It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Aħna bdejna nkellmuha billi għednielha, “Illejla qed ngħinu n-nies jitgħallmu affarijiet sbieħ mill-Bibbja.” Hi qaltilna, “Jekk tridu titkellmu fuq il-Bibbja, tistgħu tidħlu ġewwa.” Aħna rajna u ddiskutejna ħafna skritturi dwar is-Saltna t’Alla u d-dinja l-ġdida. Vera ħadet pjaċir b’dak li tgħallmet għax il-ġimgħa taʼ wara qalet lil xi ħbieb tagħha biex jiġu jisimgħu. Hi u r-raġel tagħha iktar tard saru Xhieda taʼ Ġeħova.

NITGĦALLEM MILL-MARA TIEGĦI

Jien xtaqt niżżewweġ u wara 10 snin sibt oħt li naqbel magħha. X’għenni nsib mara tajba? Jien tlabt lil Ġeħova u kont naħseb fuq x’nixtiequ nagħmlu għalih jekk niżżewweġ.

Maʼ Mary fix-xogħol tas-circuit

Wara l-konvenzjoni fil-Yankee Stadium fl-1953, iltqajt maʼ oħt jisimha Mary Aniol. Hi u oħti Jetha kienu marru t-tieni klassi taʼ Gilegħad flimkien, u Mary kienet taqdi bħala missjunarja fl-istess post maʼ oħti. Hi bdiet tgħidli dwar l-assignments bħala missjunarja fil-Karibew u l-istudji tal-Bibbja li kienet mexxiet matul is-snin. Iktar ma sirna nafu lil xulxin, indunajna li kellna l-istess miri fil-ħajja. Imbagħad aħna żżewwiġna f’April tal-1955. Mary uriet li kienet rigal mingħand Ġeħova u eżempju tajjeb li nistaʼ nimita b’ħafna modi. Hi kienet tkun kuntenta f’kull assignment li jkollha u kienet taħdem iebes. Kien jinteressaha minn oħrajn u dejjem poġġiet is-Saltna l-ewwel post f’ħajjitha. (Mat. 6:33) Aħna qdejna fix-xogħol tas-circuit għal tliet snin u fl-1958 stidnuna biex naqdu f’Betel.

Jien tgħallimt ħafna mingħand Mary. Pereżempju, wara li żżewwiġna ddeċidejna li nibdew naqraw il-Bibbja flimkien u kuljum konna ngħaddu madwar 15-il vers. Wara li xi ħadd minna kien jaqra l-versi konna niddiskutuhom u naraw kif nistgħu napplikawhom. Mary taʼ spiss kienet tgħidli affarijiet li tgħallmet Gilegħad jew fl-assignment tagħha bħala missjunarja. Dak li tgħallimt minnha għenni biex nagħmel taħditiet aħjar u nkun naf kif għandi ninkuraġġixxi lill-aħwa nisa.—Prov. 25:11.

L-għażiża mara tiegħi mietet fl-2013. Vera nħares ’il quddiem biex naraha fid-dinja l-ġdida. Sa dak iż-żmien jien determinat li nibqaʼ nitgħallem u nafda f’Ġeħova b’qalbi kollha. (Prov. 3:​5, 6) Jien inħossni ferħan meta naħseb dwar x’se jagħmlu n-nies taʼ Ġeħova fid-dinja l-ġdida, u dan vera jinkuraġġini. Żgur li fid-dinja l-ġdida l-Istruttur Grandjuż se jgħallimna affarijiet ġodda dwaru! M’għandix kliem biex nirringrazzjah għal dak kollu li għallimni u għal kemm kien qalbu tajba miegħi.

a Ara l-bijografija taʼ Jetha Sunal f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 2003, pp. 23-29.