ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48
GĦANJA 97 Ħajjitna tiddependi mill-Kelma t’Alla
X’Nitgħallmu mill-Miraklu tal-Ħobż li Għamel Ġesù?
“Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. Kull min jiġi għandi qatt ma jaqbdu l-ġuħ.”—ĠW. 6:35.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw il-miraklu li għamel Ġesù tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet li hemm fi Ġwanni kapitlu 6, u se naraw x’nistgħu nitgħallmu minnu.
1. Il-ħobż kemm kien importanti għan-nies fi żmien il-Bibbja?
IL-ĦOBŻ kien wieħed mill-iktar ikel komuni fi żmien il-Bibbja. (Ġen. 14:18; Luqa 4:4) Tant hu hekk li kultant il-kelma “ikel” fil-Bibbja litteralment tfisser ħobż. (Mat. 6:11, ntt.) Fil-Bibbja nsibu wkoll żewġ mirakli magħrufin ħafna taʼ Ġesù li fihom uża l-ħobż. (Mat. 16:9, 10) Wieħed minn dawn il-mirakli qiegħed fi Ġwanni kapitlu 6. F’dan l-artiklu se naraw dan ir-rakkont u x’nistgħu nitgħallmu minnu.
2. Għala kien hemm eluf taʼ nies li kellhom bżonn jieklu?
2 Wara li l-appostli kienu ilhom jippritkaw, kellhom bżonn jistrieħu, u għalhekk qasmu l-Baħar tal-Galilija b’dgħajsa. (Mrk. 6:7, 30-32; Luqa 9:10) Huma waslu Betsajda u hemm sabu post għall-kwiet. Imma malli waslu, eluf taʼ nies marru ħdejhom għax saru jafu li hemm Ġesù magħhom. Ġesù ma injorahomx, imma qagħad jgħallimhom dwar is-Saltna u fejjaq lill-morda wkoll. Minħabba li kien sar il-ħin, id-dixxipli bdew jaħsbu x’se jieklu n-nies. Xi ftit minnhom jistaʼ jkun li kellhom xi ħaġa x’jieklu, imma l-biċċa l-kbira kellhom imorru fl-irħula jixtru. (Mat. 14:15; Ġw. 6:4, 5) Ġesù x’kien se jagħmel?
IL-MIRAKLU TAL-ĦOBŻ
3. Ġesù x’qalilhom jagħmlu lill-appostli għan-nies li kellhom quddiemhom? (Ara l-istampa.)
3 Ġesù qal lill-appostli: “M’għandhomx għalfejn imorru. Agħtuhom xi ħaġa tal-ikel intom.” (Mat. 14:16) Setgħet dehret impossibbli għall-appostli biex jitimgħu madwar 5,000 raġel. U jekk tgħodd in-nisa u t-tfal jaf kien hemm xi 15,000. (Mat. 14:21) Indrì qal lil Ġesù: “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn mhuma xejn għal dawn in-nies kollha.” (Ġw. 6:9) Il-ħobż tax-xgħir kien ikel li normalment kienu jikluh nies fqar, u l-ħut żgħir jaf kien immellaħ u mnixxef. Imma l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet żgħar żgur li ma kinux biżżejjed biex jitimgħu lil dawk in-nies kollha!
4. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġwanni 6:11-13? (Ara l-istampi.)
4 Peress li Ġesù xtaq ikun ospitabbli, hu qal lin-nies biex ipoġġu fi gruppi fuq il-ħaxix. (Mrk. 6:39, 40; aqra Ġwanni 6:11-13.) Imbagħad, Ġesù qal talba biex jirringrazzja lil Missieru għall-ħobż u l-ħut li kellhom. Billi għamel hekk, hu wera li Ġeħova kien qed jipprovdi l-ikel u li hu kien japprezza ħafna dak li jagħmel Missieru. Dan jgħallimna li hu importanti ħafna li qabel ma nieklu dejjem nirringrazzjaw lil Ġeħova billi nitolbu, kemm jekk qegħdin weħidna, l-iskola, ix-xogħol, jew mal-familja tagħna. Wara, Ġesù qal lid-dixxipli biex iqassmu l-ikel lin-nies u kulħadd kiel sakemm xebaʼ. Tant kien hemm ikel li n-nies ma kilux kollox. Ovvjament, Ġesù ma xtaqx li dan l-ikel jintrema. Allura qal lid-dixxipli biex jiġbruh ħalli jużawh iktar tard. Ġesù ma ħeliex ikel, u dan hu eżempju tajjeb għalina. Ġenituri, tistgħu tużaw din l-istorja biex tgħallmu lit-tfal kemm hu importanti jitolbu qabel jieklu, biex ikunu ospitabbli, u biex ikunu ġenerużi bl-affarijiet li għandhom bħalma kien Ġesù.
5. In-nies x’għamlu wara li Ġesù għallimhom u fejjaqhom, imma Ġesù x’għamel?
5 In-nies kienu impressjonati bil-mirakli li Ġesù għamel u l-mod kif għallem. Huma kienu jafu li Mosè kien qal li Alla kien se jibgħat profeta speċjali, allura forsi ħasbu li Ġesù kien dak il-profeta. (Dewt. 18:15-18) Wisq probabbli huma ħasbu li Ġesù setaʼ jkun l-aqwa mexxej li setaʼ jkollhom u jsolvi l-problema tal-ġuħ għax jipprovdi lil kull persuna f’Iżrael. Allura n-nies xtaqu “jaqbduh biex jagħmluh re.” (Ġw. 6:14, 15) Li kieku Ġesù ħalliehom jagħmluh re, kien ikun qed jieħu sehem fil-politika u jżomm mal-Lhud li kienu kontra r-Rumani. Imma hu m’għamilx hekk. Ġesù x’għamel? Il-Bibbja tgħid li hu “mar lejn il-muntanja waħdu.” Allura avolja kellu pressjoni kbira minn oħrajn, hu ma kellux x’jaqsam mal-politika. Din hi lezzjoni importanti ħafna għalina!
6. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù? (Ara l-istampa.)
6 Ovvjament, illum ħadd mhu se jsaqsina biex nagħmlu miraklu ħalli nipprovdu l-ikel, infejqu l-morda, jew iġegħluna mmexxu l-pajjiż. Imma jaf jistaqsuna biex nagħtu s-sapport tagħna fil-politika jew nivvotaw għal dawk li jaħsbu li huma mexxejja tajbin. Però, l-eżempju taʼ Ġesù huwa ċar. Hu ma kellux x’jaqsam mal-politika, u iktar tard qal: “Is-Saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.” (Ġw. 17:14; 18:36) Illum bħala Kristjani rridu naħsbu bħal Ġesù u nimitawh. Aħna nissapportjaw is-Saltna t’Alla, ngħidu lil oħrajn dwarha, u nitolbu biex din is-Saltna tiġi. (Mat. 6:10) Imma hemm iktar x’nistgħu nitgħallmu mill-miraklu tal-ħobż. Ejja naraw.
“MA KINUX FEHMU L-MIRAKLU TAL-ĦOBŻ”
7. Ġesù x’għamel, u l-appostli kif irreaġixxew? (Ġwanni 6:16-20)
7 Wara li Ġesù temaʼ lill-folla, hu qal lill-appostli biex imorru lura Kafarnahum bid-dgħajsa, u hu mar lejn il-muntanja biex in-nies ma jaqbduhx ħalli jagħmluh re. (Aqra Ġwanni 6:16-20.) Però, meta l-appostli kienu fuq id-dgħajsa, qamet maltempata b’riħ qawwi u mewġ għoli ħafna. Xħin l-appostli kienu f’din il-maltempata, raw lil Ġesù ġej lejhom miexi fuq il-baħar. Hu qal lil Pietru biex anki hu jimxi fuq il-baħar. (Mat. 14:22-31) Meta Ġesù telaʼ fuq id-dgħajsa, ir-riħ waqaf għalkollox. Id-dixxipli kienu impressjonati u qalu: “Int bilfors l-Iben t’Alla.” a (Mat. 14:33) Imma hu interessanti li huma ma qalux dan il-kliem wara l-miraklu tal-ħobż. Meta Marku kiteb ir-rakkont, żied dan id-dettall: “Meta raw dan, [l-appostli] baqgħu mbellhin għall-aħħar, għax huma ma kinux fehmu l-miraklu tal-ħobż. Kienu għadhom qed isibuha diffiċli biex jifhmu kollox.” (Mrk. 6:50-52) Dan il-kliem jgħinna nifhmu li l-appostli ma kinux fehmu x’qawwa tah Ġeħova lil Ġesù biex jagħmel il-mirakli. Imma ftit wara, Ġesù reġaʼ tkellem dwar il-miraklu tal-ħobż, u b’hekk għallimna lezzjoni oħra.
8-9. In-nies għala fittxew lil Ġesù? (Ġwanni 6:26, 27)
8 Il-folla li Ġesù kien temaʼ kienet iktar moħħha fuq li tissodisfa l-ġuħ li kellha. Kif nafu? Il-ġurnata taʼ wara, dik il-folla reġgħet marret fil-post fejn Ġesù kien għamel il-miraklu tal-ħobż. Imma Ġesù ma kienx hemm. Allura huma qabdu dgħajjes li kienu sejrin Kafarnahum biex ifittxu lil Ġesù. (Ġw. 6:22-24) Huma m’għamlux hekk għax xtaqu jitgħallmu iktar dwar is-Saltna. Kulma riedu kien li Ġesù jtihom iktar ħobż x’jieklu. Kif nafu?
9 Aħseb dwar x’ġara meta n-nies sabu lil Ġesù viċin Kafarnahum. Ġesù qalilhom li huma kienu fittxewh għax riedu jieklu biss. Avolja kienu ‘kielu mill-ħobż u xebgħu,’ dan kien “ikel li jispiċċa.” Imma Ġesù qalilhom biex jaħdmu għal “ikel li ma jispiċċax u li jagħti l-ħajja taʼ dejjem.” (Aqra Ġwanni 6:26, 27.) Dan setaʼ jagħtihulhom Missieru Ġeħova. Jistaʼ jkun li kien diffiċli għan-nies biex jemmnu li hemm ikel li jagħti l-ħajja taʼ dejjem. X’kien dan l-ikel, u kif setgħu jirċivuh?
10. In-nies x’kellhom jagħmlu biex ikollhom “il-ħajja taʼ dejjem”?
10 Il-Lhud xtaqu jkunu jafu x’riedu jagħmlu biex ikollhom l-ikel li semma Ġesù. Huma forsi kienu qed jaħsbu fuq dak li kienet tgħid il-Liġi taʼ Mosè. Imma Ġesù qal: “Biex ikollkom l-approvazzjoni t’Alla, tridu turu fidi fija, il-wieħed li bagħat.” (Ġw. 6:28, 29) Mela biex ikollna “l-ħajja taʼ dejjem” irridu nuru fidi fl-Iben t’Alla. Ġesù kien diġà tkellem dwar dan. (Ġw. 3:16-18, 36) U iktar ’il quddiem tkellem iktar dwar kif aħna jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 17:3.
11. Il-Lhud kif urew li kulma riedu kien ikel fiżiku? (Salm 78:24, 25)
11 Dawk il-Lhud m’emmnux li kellhom juru fidi f’Ġesù. Huma staqsewh: “Allura x’miraklu se tagħmel, ħalli nkunu nistgħu narawh u nemmnuk?” (Ġw. 6:30) Huma qalu wkoll li l-Lhud fi żmien Mosè kellhom il-manna mis-sema biex jieklu minnha kuljum. (Neħ. 9:15; aqra Salm 78:24, 25.) Dan juri li kulma kien jinteressahom kien biss mill-ikel fiżiku. U meta Ġesù tkellem dwar “il-ħobż veru mis-sema,” li setaʼ jtihom il-ħajja taʼ dejjem, lanqas biss saqsewh biex jispjegalhom iktar. (Ġw. 6:32) Huma tant kienu ffokati fuq il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom li ma tawx kas li Ġesù kien qed jipprova jgħallimhom dwar kif jistaʼ jkollhom il-ħajja taʼ dejjem. Aħna x’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont?
X’GĦANDU JKUN L-IKTAR IMPORTANTI GĦALINA?
12. Ġesù kif wera x’inhu l-iktar importanti?
12 Lezzjoni importanti li nistgħu nitgħallmu minn Ġwanni 6 hi din: li nobdu lil Alla u jkollna ħbiberija tajba miegħu għandha tkun l-iktar ħaġa importanti għalina. Ġesù għallem dan meta ttantah Satana, għax qal: “Il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova.” (Mat. 4:3, 4) U fil-Prietka taʼ Fuq il-Muntanja, hu għallem kemm hu importanti li jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. (Mat. 5:3) Allura aħna rridu nsaqsu lilna nfusna, ‘Il-mod kif qed ngħix juri li l-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova hi iktar importanti milli nissodisfa x-xewqat tiegħi stess?’
13. (a) Għala m’hemm xejn ħażin billi ngawdu l-affarijiet li jkollna? (b) Għala rridu nagħtu kas it-twissija taʼ Pawlu? (1 Korintin 10:6, 7, 11)
13 Ovvjament, m’hemm xejn ħażin f’li nitolbu għall-affarijiet li għandna bżonn u nieħdu gost bihom. (Luqa 11:3) Il-Bibbja tgħid li m’hemm xejn ħażin li wieħed “jiekol, jixrob, u jieħu pjaċir bix-xogħol iebes tiegħu. . . . Dan kollu ġej mingħand l-Alla l-veru.” (Ekk. 2:24; 8:15; Ġak. 1:17) Però, xorta rridu nibqgħu attenti li l-affarijiet materjali ma jsirux l-iktar ħaġa importanti. L-appostlu Pawlu wera kemm dan hu importanti minn dak li kiteb lill-Kristjani. Hu fakkarhom fl-eżempju ħażin tal-Iżraelin meta kienu fid-deżert, u x’għamlu meta kienu ħdejn il-Muntanja Sinaj. Pawlu wissiehom biex ‘ma jixxennqux għal affarijiet li jagħmlu l-ħsara, bħalma għamlu’ l-Iżraelin. (Aqra l-1 Korintin 10:6, 7, 11.) Ġeħova lil dawk l-Iżraelin kien ipprovdielhom l-ikel b’miraklu. Imma minħabba x-xewqat egoistiċi tagħhom, spiċċa biex ‘għamlilhom il-ħsara.’ (Num. 11:4-6, 31-34) U meta qiemu l-għoġol tad-deheb urew li iktar kien importanti għalihom li jieklu, jixorbu, u jieħdu pjaċir milli li jobdu lil Ġeħova. (Eżo. 32:4-6) Pawlu qal dawn l-eżempji biex iwissi lill-Kristjani li kienu viċin il-qerda taʼ Ġerusalemm li ġrat fis-sena 70 wara Kristu (WK). Anki aħna qegħdin viċin it-tmiem taʼ din id-dinja. Allura jkun tajjeb li nieħdu l-parir tal-appostlu Pawlu bis-serjetà.
14. Il-Bibbja x’tgħid dwar l-ikel li se ngawdu fis-sistema l-ġdida?
14 Meta Ġesù qalilna biex nitolbu għall-“ikel għal dan il-jum,” hu qal ukoll biex nitolbu biex ‘isir dak li jrid Ġeħova fuq l-art bħalma hu fis-sema.’ (Mat. 6:9-11) Dak iż-żmien kif taħseb li se tkun id-dinja? Il-Bibbja tgħid li Ġeħova jrid li jkun hemm ħafna ikel tajjeb. Fil-fatt, Isaija 25:6-8 jgħid li ħa jkun hemm biżżejjed ikel għal kulħadd. U Salm 72:16 jgħid: “Se jkun hemm abbundanza taʼ ċereali fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji se jkun hemm iżżejjed.” Timmaġinak issajjar il-ħobż tiegħek u tipprova riċetti ġodda? Barra minn hekk, ħa tkun tistaʼ tħawwel id-dwieli u tagħmel l-inbid tiegħek stess. (Isa. 65:21, 22) U ftakar li kulħadd fid-dinja ħa jkun qed igawdi dawn l-affarijiet sbieħ.
15. Dawk li jiġu rxoxtati x’se jitgħallmu? (Ġwanni 6:35)
15 Aqra Ġwanni 6:35. Erġaʼ aħseb fin-nies li Ġesù temaʼ bil-ħobż u l-ħut. Avolja ħafna minnhom jistaʼ jkun ma wrewx fidi f’Ġesù, fil-futur jaf jiġu rxoxtati u int tiltaqaʼ magħhom. (Ġw. 5:28, 29) Imma huma se jkollhom jitgħallmu x’kien qed ifisser Ġesù meta qal: “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. Kull min jiġi għandi qatt ma jaqbdu l-ġuħ.” Huma ħa jkollhom jibnu fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Dak iż-żmien, in-nies li jirxoxtaw u t-tfal li jaf jitwieldu se jitgħallmu dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu. Kemm inħarsu ’l quddiem biex ngħallmuhom! Dan se jġiblek ferħ ikbar milli tiekol u tixrob ikel fiżiku fid-dinja l-ġdida.
16. X’se naraw fl-artiklu li jmiss?
16 F’dan l-artiklu rajna parti mir-rakkont taʼ Ġwanni kapitlu 6, imma Ġesù għallem iktar affarijiet dwar “il-ħajja taʼ dejjem.” Il-Lhud li kienu qed jisimgħuh kellhom joqogħdu attenti, u l-istess aħna llum. Fl-artiklu li jmiss se nkomplu nitgħallmu iktar minn Ġwanni kapitlu 6.
GĦANJA 20 Int tajt lill-Iben għażiż tiegħek
a Għal iktar dettalji dwar dan ir-rakkont sabiħ, ara Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja, p. 131, u Imita l-fidi tagħhom, p. 185.