Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Min huma “l-anġli magħżulin” li jsemmi l-1 Timotju 5:21?
L-appostlu Pawlu kiteb lil Timotju li kien anzjan bħalu: “Nikkmandak quddiem Alla, Kristu Ġesù, u l-anġli magħżulin biex tobdi dawn l-istruzzjonijiet mingħajr preġudizzju jew preferenza.”—1 Tim. 5:21.
L-ewwel se naraw min mhumiex dawn l-anġli magħżulin. Dawn żgur mhumiex il-144,000. Meta Pawlu kiteb lil Timotju, l-ebda Kristjan magħżul ma kien irxoxtat fis-sema. L-appostli u l-magħżulin l-oħra kienu għadhom ma sarux ħlejjaq spirti fis-sema, allura ma jistax ikun li dawn kienu “l-anġli magħżulin.”—1 Kor. 15:50-54; 1 Tes. 4:13-17; 1 Ġw. 3:2.
It-tieni, “l-anġli magħżulin” mhumiex l-anġli diżubbidjenti taʼ żmien id-Dulluvju. Dawk l-anġli żammew maʼ Satana, saru demonji, u ħaduha kontra Ġesù. (Ġen. 6:2; Luqa 8:30, 31; 2 Pt. 2:4) Fil-futur dawn l-anġli se jintefgħu fl-abbiss max-Xitan għal 1,000 sena u wara se jinqerdu darba għal dejjem.—Ġuda 6; Riv. 20:1-3, 10.
“L-anġli magħżulin” li Pawlu semma fil-vers milli jidher huma anġli fis-sema li ħadmu flimkien maʼ “Alla [u] Kristu Ġesù.”
Hemm “għaxriet t’eluf t’anġli” leali. (Lhud 12:22, 23) Imma qatt ma rridu naħsbu li l-anġli għandhom l-istess inkarigu. (Riv. 14:17, 18) Pereżempju, Ġeħova uża anġlu wieħed biex joqtol 185,000 suldat Assirjan. (2 Slat. 19:35) Xi anġli għandhom l-inkarigu biex “ineħħu mis-Saltna [taʼ Ġesù] lil dawk li jġiegħlu lil oħrajn jidinbu u lil dawk li jagħmlu l-ħażen.” (Mat. 13:39-41) Hemm oħrajn li forsi se jingħataw ix-xogħol li “jiġbru l-magħżulin” fis-sema. (Mat. 24:31) U hemm anġli oħrajn li l-inkarigu tagħhom hu li ‘jipproteġuna kull fejn immorru.’—Slm. 91:11; Mat. 18:10; ara l-prinċipju f’Mattew 4:11; Luqa 22:43.
“L-anġli magħżulin” li jissemmew fl-1 Timotju 5:21 milli jidher kienu anġli b’inkarigu speċjali biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjonijiet. Fil-kuntest tal-vers, Pawlu ta parir dwar kif l-anzjani għandhom jagħmlu xogħolhom u li l-aħwa għandhom jirrispettawhom. Pawlu qal li l-anzjani qatt m’għandhom juru “preġudizzju jew preferenza,” u m’għandhomx jieħdu deċiżjonijiet qabel jaħsbu sew dwarhom. Ir-raġuni għala għandhom jieħdu l-parir li tahom Pawlu bis-serjetà hi għax “qegħdin quddiem Alla, Kristu Ġesù, u l-anġli magħżulin.” Dan ifisser li Ġeħova, Ġesù, u l-anġli magħżulin qegħdin jaraw kif l-anzjani qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Mela huwa ċar li xi anġli għandhom inkarigu li jgħinu fil-kongregazzjoni ħalli jipproteġuha, jieħdu ħsieb ix-xogħol tal-ippritkar, u anke jgħidu lil Ġeħova x’qed jiġri.—Mat. 18:10; Riv. 14:6.