Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 8

“Oqgħod Attent u Ibqaʼ Għassa”

“Oqgħod Attent u Ibqaʼ Għassa”

“Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa.”—1 PT. 5:8.

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Ġesù x’qal lid-dixxipli tiegħu dwar it-tmiem, u x’wissiehom?

 FTIT ġranet qabel miet Ġesù, erbgħa mid-dixxipli tiegħu staqsewh: “X’se jkun is-sinjal . . . tat-tmiem taʼ din id-dinja?” (Mt. 24:3) Dawn id-dixxipli x’aktarx bdew jistaqsu biex ikunu jafu meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha kienu se jinqerdu. Meta Ġesù wiġibhom ma semmiex biss il-qerda taʼ Ġerusalemm u t-tempju. Hu tkellem ukoll dwar “it-tmiem taʼ din id-dinja” li qed ngħixu fiha. Dwar dan Ġesù qal: “Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli fis-sema u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.” Imbagħad qal lid-dixxipli biex ‘jibqgħu mqajmin’ u ‘jibqgħu għassa.’—Mk. 13:32-37.

2. Għala kien importanti li l-Kristjani tal-bidu joqogħdu attenti?

2 Il-Kristjani tal-bidu li kienu Lhud kellhom jibqgħu attenti biex isalvaw. Ġesù qalilhom x’kien se jiġri biex huma jkunu jafu meta Ġerusalemm u t-tempju kienu se jinqerdu. Hu qalilhom: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha.” Huma kellhom jobdu t-twissija taʼ Ġesù u “jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.” (Lq. 21:20, 21) In-nies li obdew lil Ġesù salvaw meta r-Rumani qerdu lil Ġerusalemm.

3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Illum aħna qegħdin ngħixu fiż-żmien meta d-dinja ħażina dalwaqt se tispiċċa. Għalhekk aħna wkoll irridu noqogħdu attenti u nibqgħu għassa. F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu noqogħdu attenti waqt li naraw dak li qed jiġri fid-dinja, kif nistgħu noqogħdu attenti għalina nfusna, u kif nużaw iż-żmien li baqaʼ bl-aħjar mod.

NOQOGĦDU ATTENTI WAQT LI NARAW DAK LI QED JIĠRI FID-DINJA

4. Għala għandna nkunu interessati fl-affarijiet li qed jiġru bħalissa fid-dinja?

4 Għandna raġunijiet tajbin biex inkunu interessati fl-affarijiet li qed jiġru fid-dinja bħalissa għax qed iwettqu l-profeziji tal-Bibbja. Pereżempju, Ġesù qalilna xi affarijiet biex jgħinna nkunu nafu li s-sistema taʼ Satana dalwaqt se tispiċċa. (Mt. 24:3-14) L-appostlu Pietru inkuraġġiena biex noqogħdu attenti għall-profeziji li qed jiġru ħalli l-fidi tagħna tibqaʼ b’saħħitha. (2 Pt. 1:19-21) L-aħħar ktieb tal-Bibbja jibda bil-kliem: “Rivelazzjoni minn Ġesù Kristu, li tahielu Alla, biex juri lill-ilsiera tiegħu dak li jrid iseħħ dalwaqt.” (Riv. 1:1) Għalhekk aħna interessati ħafna fl-affarijiet li qed jiġru bħalissa u kif qed iwettqu l-profeziji tal-Bibbja. U aħna nieħdu pjaċir nitkellmu dwar dawn l-affarijiet bejnietna.

Meta nkunu qed niddiskutu l-profeziji tal-Bibbja, x’għandna nevitaw u x’għandna nagħmlu? (Ara paragrafu 5) b

5. X’għandna nevitaw, u x’għandna nagħmlu? (Ara l-istampi.)

5 Meta nkunu qed niddiskutu l-profeziji tal-Bibbja, m’għandniex nipprovaw naqtgħu x’se jiġri. Għala? Għax aħna ma rridux ngħidu xi ħaġa li ġġib il-firda fil-kongregazzjoni. Pereżempju, jistaʼ jkun nisimgħu gvernijiet jgħidu li se jsolvu xi problemi u jġibu paċi u sigurtà. Minflok ma ngħidu li dan qed iwettaq il-profezija tal-1 Tessalonikin 5:3, irridu nkunu nafu l-aħħar informazzjoni. Meta dak li ngħidu jkun ibbażat fuq il-pubblikazzjonijiet mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed ngħinu lill-aħwa fil-kongregazzjoni biex jibqgħu “bi ħsieb wieħed.”—1 Kor. 1:10; 4:6.

6. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mit-2 Pietru 3:11-13?

6 Aqra t-2 Pietru 3:11-13. L-appostlu Pietru jgħinna naħsbu għala għandna nifhmu sew il-profeziji tal-Bibbja. Hu jgħidilna biex ‘inżommu dejjem f’moħħna l-preżenza tal-jum taʼ Ġeħova.’ Għala? Mhux għax qed nipprovaw inkunu nafu meta ġejja Armageddon, imma għax irridu nużaw il-ħin li għad fadal biex nagħmlu “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (Mt. 24:36; Lq. 12:40) Fi kliem ieħor, aħna rridu nagħmlu dak li jixtieq Ġeħova u nkunu ċerti li dak kollu li nagħmlu, nagħmluh għax inħobbuh. Biex inżommu dan f’moħħna, irridu noqogħdu attenti għalina nfusna.

X’JIĠIFIERI LI NOQOGĦDU ATTENTI GĦALINA NFUSNA?

7. Kif nuru li qed noqogħdu attenti għalina nfusna? (Luqa 21:34)

7 Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex joqogħdu attenti għal dak li jkun qed jiġri fid-dinja, imma qalilhom ukoll biex joqogħdu attenti għalihom infushom. Dan jidher ċar fit-twissija taʼ Ġesù li nsibu f’​Luqa 21:34. (Aqra.) Ġesù qal: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom. Persuna li toqgħod attenta għaliha nfisha, toqgħod attenta għall-perikli li jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova, u tipprova tevita kull periklu. B’dan il-mod, iżżomm ruħha fl-imħabba t’Alla.—Prov. 22:3; Ġuda 20, 21.

8. L-appostlu Pawlu liema parir tahom lill-Kristjani?

8 L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani biex joqogħdu attenti għalihom infushom. Pereżempju, hu qal lill-Kristjani f’Efesu: “Oqogħdu attenti bis-sħiħ li ma timxux bħal nies bla għaqal imma bħal nies għorrief.” (Efes. 5:15, 16) Satana l-ħin kollu jipprova jkisser il-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Għalhekk il-Bibbja tgħidilna biex ‘nibqgħu nifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova’ ħalli nkunu nistgħu nipproteġu lilna nfusna mill-attakki kollha taʼ Satana.—Efes. 5:17.

9. Kif nistgħu nifhmu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova?

9 Il-Bibbja ma tgħidilniex dak kollu li jistaʼ jagħmel il-ħsara lill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Spiss ikollna nieħdu deċiżjonijiet dwar affarijiet li ma jissemmewx fil-Bibbja. Biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, aħna rridu nifhmu x’inhi “r-rieda taʼ Ġeħova.” Nistgħu nagħmlu hekk billi nistudjaw il-Bibbja b’mod regolari u nimmeditaw fuqha. Iktar ma nifhmu x’inhi r-rieda t’Alla u nipprovaw ikollna “l-moħħ taʼ Kristu,” iktar se nkunu nistgħu nimxu “bħal nies għorrief.” Dan se nagħmluh anki meta ma jkollniex regoli li jgħidulna x’għandna nagħmlu. (1 Kor. 2:14-16) Xi perikli huma faċli biex tinduna bihom, imma oħrajn le.

10. X’inhuma xi perikli li rridu nevitaw?

10 Xi perikli li rridu nevitaw huma flirting, xorb u ikel żejjed, kliem li jweġġaʼ lill-oħrajn, logħob u films vjolenti, pornografija, u affarijiet simili. (Salm 101:3) L-għadu tagħna, ix-Xitan, qiegħed il-ħin kollu jfittex opportunitajiet biex jagħmel il-ħsara lill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (1 Pt. 5:8) Jekk ma noqogħdux attenti, Satana jistaʼ jdaħħlilna f’moħħna u f’qalbna l-għira, id-diżonestà, ir-regħba, il-mibegħda, il-kburija, u r-rabja. (Gal. 5:19-21) Għall-ewwel forsi taħseb li mhux perikoluż li tħossok b’dan il-mod. Imma jekk ma nipprovawx inneħħuhom mill-ewwel, jistgħu jikbru bħal pjanta velenuża u jagħmlu ħafna ħsara.—Ġak. 1:14, 15.

11. X’inhu periklu wieħed li nistgħu ma nindunawx bih u għala għandna nevitawh?

11 Periklu wieħed hu kumpanija ħażina. Aħseb dwar din is-sitwazzjoni. Int taħdem maʼ xi ħadd li mhux Xhud taʼ Ġeħova. Int tixtieq tagħtih xhieda tajba u allura tkun qalbek tajba u tgħinu. Xi kultant anke tiekol fil-brejk miegħu. U malajr tibdew tieħdu l-brejk flimkien taʼ spiss. Xi kultant hu jibda jitkellem dwar affarijiet immorali. Għall-ewwel tibda tipprova ma tagħtix kas. Imma mbagħad, tant tidra li ma jibdiex idejqek dak li jkun qed jgħid. Imbagħad, hu jistiednek biex tmorru tieħdu drink flimkien, u inti tmur. Bil-mod, int tinduna li spiss taqbel maʼ dak li jgħid il-ħabib tax-xogħol. Ma tantx ikun baqagħlek biex tibda tagħmel l-affarijiet bħalma jagħmel hu. Vera li aħna nirrispettaw lil kulħadd, imma rridu niftakru li aħna niġu influwenzati minn dawk li nqattgħu l-ħin magħhom. (1 Kor. 15:33) Jekk noqogħdu attenti għalina nfusna bħalma qalilna Ġesù, mhux se nqattgħu ħin bla bżonn maʼ dawk li ma jobdux il-liġijiet taʼ Ġeħova. (2 Kor. 6:15) Aħna se nindunaw bil-periklu u nevitawh.

UŻA L-ĦIN TIEGĦEK BL-AĦJAR MOD

12. Id-dixxipli taʼ Ġesù x’kellhom jagħmlu waqt li jistennew it-tmiem jasal?

12 Ġesù ried li d-dixxipli tiegħu jkollhom x’jagħmlu waqt li jkunu qed jistennew it-tmiem jasal u hu tahom xogħol x’jagħmlu. Hu kkmandahom biex jippritkaw l-aħbar tajba “f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:6-8) Dan kien ħafna xogħol! Billi għamlu dak kollu li setgħu biex jippritkaw lill-oħrajn, huma użaw il-ħin tagħhom bl-aħjar mod.

13. Għala rridu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod? (Kolossin 4:5)

13 Aqra Kolossin 4:5. Biex noqogħdu attenti għalina nfusna, irridu naħsbu sew kif nużaw il-ħin tagħna. “Ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jiġru lil kulħadd. (Ekk. 9:11) Aħna ma nafux meta se mmutu.

Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod? (Ara paragrafi 14-15)

14-15. Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod? (Ebrej 6:11, 12) (Ara l-istampa.)

14 Aħna nistgħu nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod billi nagħmlu dak li jrid Ġeħova u nsaħħu l-ħbiberija tagħna miegħu. (Ġw. 14:21) Aħna rridu ‘nibqgħu sodi, u ma nitħarrkux, waqt li dejjem ikollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Imbagħad, jekk immutu jew jasal it-tmiem taʼ din id-dinja, mhux se jiddispjaċina li ma nkunux użajna l-ħin bl-aħjar mod.—Mt. 24:13; Rum. 14:8.

15 Illum, Ġesù qed ikompli jiggwida lid-dixxipli tiegħu waqt li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna mad-dinja kollha. Hu żamm kelmtu. Fil-laqgħat u permezz tal-pubblikazzjonijiet, Ġesù jgħallimna kif nippritkaw l-aħbar tajba. Hu jagħtina wkoll dak kollu li għandna bżonn biex nagħmlu dan ix-xogħol. (Mt. 28:18-20) Aħna nagħmlu dak li jistenna minna Ġesù billi naħdmu iebes biex nippritkaw lill-oħrajn u ngħallmuhom. Barra minn hekk, irridu noqogħdu attenti waqt li qed nistennew lil Ġeħova biex iġib it-tmiem għal din is-sistema ħażina. Meta napplikaw il-parir li nsibu f’​Ebrej 6:11, 12, it-tama tagħna se tibqaʼ b’saħħitha “sat-tmiem.”—Aqra.

16. X’aħna determinati li nagħmlu?

16 Ġeħova għażel ġurnata u ħin meta se jeqred id-dinja taʼ Satana. Meta tasal din il-ġurnata, Ġeħova se jwettaq il-profeziji kollha li nsibu fil-Bibbja dwar id-dinja l-ġdida. Xi kultant, nistgħu naħsbu li t-tmiem baqagħlu biex jiġi. Però, il-ġurnata li għażel Ġeħova “mhix se tkun tard.” (Ħab. 2:3) Għalhekk, ejja nkunu determinati li ‘nibqgħu nfittxu lil Ġeħova’ u ‘nistennew b’attitudni xierqa lill-Alla tas-salvazzjoni tagħna.’—Mik. 7:7.

GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid

a F’dan l-artiklu se naraw kif nistgħu noqogħdu attenti waqt li naraw dak li qed jiġri fid-dinja. Barra minn hekk, se naraw kif nistgħu noqogħdu attenti għalina nfusna u kif nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod.

b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: (Fuq) Koppja qed jaraw l-aħbarijiet. Iktar tard, wara li spiċċat il-laqgħa, qed jgħidu lill-oħrajn x’jaħsbu huma dwar dak li raw fuq l-aħbarijiet. (Isfel) Koppja qed tara r-rapport tal-Ġemgħa li Tiggverna biex tifhem il-profeziji tal-Bibbja. Huma qed joffru pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja li jiġu provduti mill-ilsir leali u għaqli.