Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żewġ Membri Ġodda tal-Ġemgħa li Tiggverna

Żewġ Membri Ġodda tal-Ġemgħa li Tiggverna

L-ERBGĦA, 18 taʼ Jannar 2023, kien hemm avviż speċjali fuq jw.org li qal li Ħuna Gage Fleegle u Ħuna Jeffrey Winder bdew jaqdu bħala membri tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn iż-żewġ aħwa ilhom ħafna snin jaqdu lealment lil Ġeħova.

Gage Fleegle u l-mara tiegħu, Nadia

Ħuna Fleegle trabba fil-verità f’Pennsylvania, l-Istati Uniti. Meta kien żagħżugħ, il-familja tiegħu marru jgħixu f’post fil-kampanja fejn kien hemm iktar bżonn. Ftit wara, hu tgħammed fl-20 taʼ Novembru 1988.

Il-ġenituri taʼ Ħuna Fleegle dejjem inkuraġġewh biex jidħol fis-servizz full-time. Spiss kienu jistiednu d-dar tagħhom lil indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u Beteliti. B’hekk Ħuna Fleegle setaʼ jara kemm kienu ferħanin dawn l-aħwa. Ftit wara li tgħammed, fl-1 taʼ Settembru 1989, beda jaqdi bħala pijunier regulari. Sentejn wara, hu laħaq il-mira li kien għamel taʼ 12-il sena, li jaqdi f’Betel. F’Ottubru tal-1991 hu beda jaqdi fil-Betel taʼ Brooklyn.

F’Betel, Ħuna Fleegle ħadem fil-Bindery għal 8 snin u wara beda jaħdem fid-Dipartiment tas-Servizz. F’dak iż-żmien hu kien f’kongregazzjoni bir-Russu. Fl-2006 hu żżewweġ lil Nadia u bdew jaqdu f’Betel flimkien. Huma qdew f’kongregazzjoni bil-Portugiż u għal iktar minn għaxar snin f’kongregazzjoni bl-Ispanjol. Wara ħafna snin fid-Dipartiment tas-Servizz, Ħuna Fleegle beda jaqdi fl-Uffiċċju tal-Kumitat tat-Tagħlim u iżjed tard fl-Uffiċċju tal-Kumitat tas-Servizz. F’Marzu 2022 beda jaqdi bħala ajjutant għall-Kumitat tas-Servizz tal-Ġemgħa li Tiggverna.

Jeffrey Winder u l-mara tiegħu, Angela

Ħuna Winder trabba f’Murrieta, Kalifornja, l-Istati Uniti. Hu trabba fil-verità mill-ġenituri tiegħu, u tgħammed fid-29 taʼ Marzu tal-1986. Xahar wara ddeċieda li jsir pijunier awżiljarju. Tant ħa pjaċir li kompla jagħmlu. Wara ftit xhur jaqdi bħala pijunier awżiljarju, hu beda jaqdi bħala pijunier regulari fl-1 taʼ Ottubru 1986.

Bħala żagħżugħ, Ħuna Winder mar jara liż-żewġ ħutu li kienu jaqdu f’Betel dak iż-żmien. Dan għenu biex ikollu x-xewqa li japplika għal Betel meta kiber. U f’Mejju tal-1990, ġie mistieden biex jaqdi fil-Betel taʼ Wallkill.

F’Betel, Ħuna Winder ħadem f’dipartimenti differenti, inkluż id-Dipartiment tat-Tindif, tal-Farms, u Bethel Office. Hu żżewweġ lil Angela fl-1997, u flimkien komplew jaqdu f’Betel sal-lum. Fl-2014 bdew jaħdmu Warwick fejn Ħuna Winder għen fil-kostruzzjoni tal-kwartieri ġenerali. Imbagħad fl-2016 marru l-Watchtower Educational Center f’Patterson, fejn Ħuna Winder beda jaħdem fis-Servizzi tal-Awdjo u tal-Vidjow. Erbaʼ snin wara reġgħu marru lura Warwick, u Ħuna Winder ġie inkarigat biex jaħdem fl-uffiċċju tal-Kumitat tal-Personell. F’Marzu tal-2022 beda jaqdi bħala ajjutant għall-Kumitat tal-Personell tal-Ġemgħa li Tiggverna.

Nitolbu lil Ġeħova jbierek ħafna lil dawn l-“irġiel bħala għotjiet” waqt li jaħdmu iebes għas-Saltna.—Efes. 4:8.