Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 5

GĦANJA 27 Jiġu rrivelati wlied Alla

“Żgur Ma Nabbandunakx”!

“Żgur Ma Nabbandunakx”!

“[Alla] qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’”EBR. 13:5b.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Biex inkunu ċerti li meta l-midlukin li fadal imorru fis-sema, aħna bħala qaddejja t’Alla, m’aħniex ħa nkunu abbandunati.

1. Il-midlukin meta se jkunu kollha fis-sema?

 ĦAFNA snin ilu, in-nies taʼ Ġeħova kienu jistaqsu, ‘Il-midlukin li fadal meta ħa jmorru fis-sema?’ Aħna konna naħsbu li wara Armageddon, xi midlukin se jibqgħu fuq l-art u jgħixu fil-ġenna tal-art għal xi żmien. F’​It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2013, aħna tgħallimna li qabel ma tibda l-gwerra t’Armageddon, il-144,000 kollha se jkunu fis-sema.—Mt. 24:31.

2. X’mistoqsija jistaʼ jkollna, u x’se nistudjaw f’dan l-artiklu?

2 Imma jistaʼ jkun insaqsu: X’ħa jiġri min-“nagħaġ oħra” li jkunu qed jaqdu lil Ġeħova fid-dinja matul iż-“żmien taʼ tbatija kbira”? (Ġw. 10:16; Mt. 24:21) Xi wħud forsi jinkwetaw li meta l-midlukin imorru fis-sema, ħa jħossuhom abbandunati jew mhux ħa jkollhom min jieħu ħsiebhom. Ejja naraw żewġ rakkonti mill-Bibbja li jistgħu jġegħluhom jaħsbu hekk. Imbagħad se naraw xi raġunijiet għala m’għandniex ninkwetaw.

DAK LI MHUX SE JIĠRI LIN-NAGĦAĠ OĦRA

3-4. Xi nies dwar xiex jistgħu jaħsbu, u għala?

3 Xi aħwa forsi jinkwetaw li meta ma jkunx hawn il-Ġemgħa li Tiggverna fuq l-art biex tiggwidana, in-nagħaġ oħra se jieqfu jaqdu lil Ġeħova. Forsi jħossuhom hekk minħabba xi rakkonti li hemm fil-Bibbja. Ejja naraw żewġ eżempji. L-ewwel wieħed hu tal-Qassis il-Kbir Ġeħojada li kien qaddej leali taʼ Ġeħova. Hu u l-mara tiegħu, Ġeħosabegħat, ħadu ħsieb tifel jismu Ġeħogħas, u għenuh biex isir re tajjeb u leali. Ġeħogħas kien jaqdi lil Ġeħova u għamel affarijiet tajbin. Imma meta Ġeħojada miet, Ġeħogħas beda jagħmel affarijiet ħżiena. Hu semaʼ mill-parir tal-prinċpijiet u waqaf jaqdi lil Ġeħova.—2 Kron. 24:​2, 15-19.

4 L-eżempju l-ieħor hu tal-Kristjani li għexu wara li mietu l-appostli. L-aħħar appostlu li miet kien Ġwanni. Meta kien ħaj għen ħafna Kristjani jaqdu lil Ġeħova. (3 Ġw. 4) Bħall-appostli l-oħra, Ġwanni ħadem iebes biex jipproteġi lill-aħwa minn nies li kienu qed jgħallmu ideat foloz. (1 Ġw. 2:18; 2 Tess. 2:7) Imma meta miet Ġwanni, ħafna fil-kongregazzjoni emmnu dawn l-ideat u saru apostati. Fis-snin taʼ wara, il-kongregazzjonijiet kollha ġew affettwati mill-apostasija.

5. Kif m’għandniex nifhmu dawn iż-żewġ rakkonti?

5 Juru dawn iż-żewġ eżempji li meta l-midlukin ikunu fis-sema n-nagħaġ oħra ħa jibdew jagħmlu affarijiet ħżiena, bħal Ġeħogħas? Jew isiru apostati, bħalma ġara wara li mietu l-appostli? Żgur li le! Nistgħu nkunu ċerti li meta l-midlukin imorru fis-sema, in-nagħaġ oħra ħa jkomplu jaqdu lil Ġeħova kif suppost u hu ħa jkompli jieħu ħsiebhom. Għala nistgħu nkunu ċerti?

IN-NIES TAʼ ĠEĦOVA DEJJEM ĦA JIBQGĦU JAQDUH KIF IRID HU

6. Dwar liema żminijiet ħa nitgħallmu?

6 Għala nistgħu nkunu ċerti li n-nies taʼ Ġeħova dejjem ħa jibqgħu jaqduh kif irid hu, avolja se jkollna żmien diffiċli? Għax il-Bibbja turi li ż-żmien li ngħixu fih aħna hu differenti ħafna minn żmien l-Iżraelin u taʼ wara li mietu l-appostli. Issa se nitgħallmu iktar dwar: (1) Żmien l-Iżraelin, (2) iż-żmien taʼ wara li mietu l-appostli, u (3) żmienna, “iż-żmien li jitranġa kollox.”—Atti 3:21.

7. L-Iżraelin leali għala ma qatgħux qalbhom meta r-rejiet u n-nies għamlu affarijiet ħżiena?

7 Żmien l-Iżraelin. Ftit qabel ma miet, Mosè qal lill-Iżraelin: “Jien naf tajjeb li wara li mmut, intom żgur li se taġixxu b’mod mill-agħar u se titbiegħdu mit-triq li kkmandajtkom dwarha.” (Dt. 31:29) Hu qalilhom ukoll li jekk jirribellaw, kienu ħa jispiċċaw ilsiera. (Dt. 28:​35, 36) Dak li qal Mosè ġara? Iva. Għal mijiet taʼ snin, ħafna rejiet t’Iżrael għamlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, u n-nies għamlu bħalhom. Minħabba f’hekk, Ġeħova kkastigahom u ma baqax iħalli rejiet Iżraelin imexxu. (Eżek. 21:​25-27) Imma meta l-Iżraelin leali raw li dak li qal Ġeħova ġara, huma għamlu kuraġġ biex ikomplu jaqduh.—Is. 55:​10, 11.

8. Għandna niħduha b’sorpriża li daħlu ideat foloz fil-kongregazzjoni wara li mietu l-appostli? Spjega.

8 Iż-żmien wara li mietu l-appostli. Għandna niħduha b’sorpriża li daħlu ideat foloz fil-kongregazzjoni wara li mietu l-appostli? Le. Ġesù qal minn qabel li dawn l-affarijiet kienu se jiġru. (Mt. 7:​21-23; 13:​24-30, 36-43) L-appostli Pawlu, Pietru u Ġwanni, kollha wrew li l-profezija taʼ Ġesù kienet diġà bdiet tiġri fi żmienhom. (2 Tess. 2:​3, 7; 2 Pt. 2:1; 1 Ġw. 2:18) Ftit wara li miet l-aħħar appostlu, il-Kristjani li bdew jgħallmu ideat foloz saru parti minn Babilonja l-Kbira, u b’hekk dak li qal Ġesù kien qed jiġri.

9. Iż-żmien li ngħixu fih aħna kif inhu differenti miż-żmien tal-Iżraelin u ż-żmien taʼ wara l-appostli?

9 “Iż-żmien li jitranġa kollox.” Iż-żmien tagħna hu differenti ħafna minn żmien l-Iżraelin u ż-żmien wara li mietu l-appostli meta kien hemm l-apostasija. Iż-żmien li ngħixu fih aħna x’ngħidulu? Normalment ngħidulu “l-aħħar jiem” taʼ din is-sistema ħażina. (2 Tim. 3:1) Imma l-Bibbja turi li meta bdew l-aħħar jiem, beda żmien iktar importanti. Dan iż-żmien ħa jibqaʼ sejjer sakemm is-Saltna t’Alla ġġib in-nies perfetti u ħa tibdel id-dinja f’ġenna. Il-Bibbja ssejjaħlu “ż-żmien li jitranġa kollox.” (Atti 3:21) Dan beda fl-1914. F’dak iż-żmien xi ttranġa? Ġesù sar Re fis-sema. B’hekk Ġeħova reġaʼ kellu re mil-linja taʼ David biex jirrappreżentah. Imma dik mhix l-unika ħaġa li Ġeħova rranġa. Ġeħova għen lin-nies tiegħu fuq l-art biex jerġgħu jibdew jaqduh kif irid hu. (Is. 2:​2-4; Eżek. 11:​17-20) Imma jistaʼ jkun li jerġgħu jidħlu ideat foloz?

10. (a) Il-Bibbja x’qalet dwar il-qima lil Ġeħova fi żmienna? (Isaija 54:17) (b) Dawn il-profeziji għala huma inkuraġġanti?

10 Aqra Isaija 54:17. Aħseb dwar din il-profezija: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix”! Dan il-kliem qed jiġri llum il-ġurnata. U dan ukoll għandu x’jaqsam magħna: “Uliedek kollha jkunu persuni mgħallmin minn Ġeħova, u l-paċi taʼ wliedek tkun kotrana. Int tkun stabbilita fis-sod u fis-sewwa. Se tkun ’il bogħod mill-moħqrija—għax ma tibżaʼ xejn minn dan—u ’l bogħod minn kull ħaġa taʼ twerwir, għax din ma tersaqx lejk.” (Is. 54:​13, 14) Lanqas “l-alla taʼ din is-sistema,” Satana, ma jistaʼ jwaqqaf ix-xogħol li qegħdin jagħmlu n-nies taʼ Ġeħova biex jgħallmu lil oħrajn. (2 Kor. 4:4) In-nies ta’ Ġeħova qed jaqduh bil-mod kif jixtieq hu, u dan qatt mhu ħa jinbidel. Kull ħaġa li Satana ħa jipprova jagħmel mhux ħa jkollha suċċess!

X’ĦA JIĠRI?

11. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-folla l-kbira mhux ħa tiġi abbandunata meta l-midlukin imorru fis-sema?

11 X’ħa jiġri meta l-midlukin kollha jkunu fis-sema? Żomm f’moħħok li Ġesù hu r-Ragħaj tagħna. Hu l-kap tal-kongregazzjoni. Ġesù qal: “Wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu.” (Mt. 23:10) Ġesù, li qed imexxi mis-sema, dejjem ħa jieħu ħsieb id-dixxipli tiegħu. Peress li qed niġu mmexxijin minn Kristu, m’għandna għalfejn nibżgħu minn xejn. Aħna ma nafux eżatt kif Ġesù ħa jmexxi d-dixxipli tiegħu f’dak iż-żmien. Imma ejja naraw xi eżempji mill-Bibbja li jistgħu jserrħulna moħħna.

12. Ġeħova kif baqaʼ jieħu ħsieb in-nies tiegħu (a) wara li miet Mosè? (b) wara li Elija mar f’post ieħor? (Ara l-istampa.)

12 Mosè miet qabel l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda. X’sar minnhom in-nies t’Alla? Ġeħova waqaf jgħinhom wara li Mosè miet? Le. Sakemm kienu leali, Ġeħova baqaʼ jieħu ħsiebhom. Qabel ma miet Mosè, Ġeħova qallu biex jagħti r-responsabbiltà lil Ġożwè biex imexxi lin-nies. Mosè kien ilu jittrennja lil Ġożwè għal ħafna snin. (Eżo. 33:11; Dt. 34:9) U f’din ir-responsabbiltà, hu ma kienx waħdu. Kellu kapijiet tal-eluf, tal-mijiet, tal-ħamsinijiet, u tal-għaxriet. (Dt. 1:15) In-nies t’Alla kellhom min jieħu ħsiebhom sew. Eżempju ieħor hu taʼ Elija. Hu qattaʼ ħafna snin jgħin lill-Iżraelin jaqdu lil Ġeħova. Imma wara, Ġeħova bagħtu n-naħa t’isfel taʼ Ġuda. (2 Slat. 2:1; 2 Kron. 21:12) In-nies leali tal-għaxar tribujiet taʼ Iżrael spiċċaw waħedhom? Le. Elija kien ilu jittrennja lil Eliżew għal ħafna snin. Milli jidher, kien hemm ukoll “it-tfal tal-profeti” li kienu organizzati b’xi mod biex jgħallmu. (2 Slat. 2:7) Allura, kien hemm ħafna rġiel leali li setgħu jgħinu biex imexxu n-nies t’Alla. B’hekk l-iskop taʼ Ġeħova ma waqafx, u hu baqaʼ jieħu ħsieb lin-nies leali tiegħu.

Mosè (stampa tax-xellug) u Elija (stampa tal-lemin) ittrennjaw lil xi ħadd biex imexxi warajhom (Ara paragrafu 12)


13. F’​Ebrej 13:​5, Ġeħova xi jwegħedna? (Ara l-istampa.)

13 B’dawn l-eżempji f’moħħok, x’taħseb li ħa jiġri meta l-aħħar ftit mill-midlukin imorru fis-sema? M’għandniex għalfejn ninkwetaw għax il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova qatt mhu ħa jabbanduna lin-nies tiegħu. (Aqra Ebrej 13:5.) Bħal Mosè u Elija, in-nies midlukin li qegħdin imexxu llum jifhmu kemm hu importanti li jittrennjaw lil oħrajn. Il-Ġemgħa li Tiggverna ilha ħafna snin tittrennja lil aħwa rġiel mill-folla l-kbira biex imexxu. Pereżempju, organizzat ħafna skejjel biex tittrennja lill-anzjani, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, membri tal-Kumitati tal-Fergħa, overseers f’Betel, u oħrajn. Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna ilhom jittrennjaw aħwa rġiel biex jgħinu fil-kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna. Dawn l-ajjutanti qed jieħdu ħsieb ħafna responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni. Huma preparati sew biex jieħdu ħsieb lin-nagħaġ taʼ Kristu.

Il-Ġemgħa li Tiggverna ħadmet iebes biex tittrennja lill-ajjutanti u torganizza skejjel għall-anzjani, indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, membri tal-Kumitati tal-Fergħa, overseers f’Betel, u missjunarji madwar id-dinja kollha (Ara paragrafu 13)


14. X’tgħallimna minn dan l-artiklu?

14 X’tgħallimna minn dan l-artiklu? Meta l-aħħar ftit midlukin imorru fis-sema lejn l-aħħar taż-żmien taʼ tbatija kbira, in-nies leali taʼ Ġeħova fuq l-art ħa jibqgħu jaqduh. Aħna nafu li f’dak iż-żmien, grupp taʼ nazzjonijiet li jingħaqdu flimkien, li l-Bibbja ssejjaħlu Gog taʼ Magog, ħa jattakka lin-nies t’Alla. (Eżek. 38:​18-20) Imma dan l-attakk qasir mhux ħa jirnexxi, u mhux ħa jwaqqaf lin-nies t’Alla milli jaqdu lil Ġeħova. Hu żgur ħa jsalvahom! F’viżjoni, l-appostlu Ġwanni ra “folla kbira” min-nagħaġ l-oħrajn taʼ Kristu. Lil Ġwanni ntqallu li din il-“folla kbira” ħarġet miż-żmien taʼ tbatija kbira. (Riv. 7:​9, 14) Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħa jsalvahom!

15-16. Skont Rivelazzjoni 17:​14, x’ħa jagħmlu l-midlukin taʼ Kristu waqt il-gwerra taʼ Armageddon, u dan għala hu inkuraġġanti?

15 Imma xi aħwa forsi jaħsbu: ‘Il-midlukin x’ħa jagħmlu meta jitilgħu fis-sema?’ Il-Bibbja tagħtina r-risposta. Din tgħid li l-gvernijiet ħa “jitqabdu mal-Ħaruf.” Imma huma żgur ħa jitilfu. Il-Bibbja tgħid: “Il-Ħaruf jirbħilhom.” Min ħa jgħinu? Il-vers jgħid: “Dawk li huma msejħin u magħżulin u leali.” (Aqra Rivelazzjoni 17:14.) Dawn huma l-midlukin li ġew irxoxtati! L-ewwel ħaġa li ħa jagħmlu l-midlukin meta jitilgħu fis-sema fl-aħħar taż-żmien taʼ tbatija kbira hi li jiġġieldu. Kemm hu inkarigu tal-għaġeb! Xi midlukin qabel ma saru Xhieda taʼ Ġeħova kienu jiġġieldu. Kien hemm minnhom li kienu suldati. Imma mbagħad saru Kristjani veri u tgħallmu jżommu l-paċi m’oħrajn. (Gal. 5:22; 2 Tess. 3:16) Huma waqfu jieħdu sehem fil-gwerer. Imma meta huma jitilgħu fis-sema, ħa jiġġieldu flimkien maʼ Kristu u l-anġli tiegħu kontra l-għedewwa t’Alla.

16 Aħseb dwar dan. Xi wħud mill-midlukin fuq l-art huma kbar fl-età u għandhom saħħa batuta. Imma meta jitilgħu fis-sema, huma ħa jkunu spirti b’saħħithom u ma jmutu qatt. Huma ħa jkollhom ix-xogħol li jiġġieldu flimkien mar-Re u l-Gwerrier tagħhom, Ġesù Kristu. Wara li tispiċċa l-gwerra t’Armageddon, huma ħa jaħdmu maʼ Ġesù biex jgħinu lin-nies isiru perfetti. Huma ħa jkunu jistgħu jgħinu lil ħuthom fuq l-art ħafna iktar milli setgħu jagħmlu meta kienu nies imperfetti.

17. Kif nafu li l-qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova ħa jkunu protetti waqt Armageddon?

17 Inti min-nagħaġ oħra? Jekk iva, int xi trid tagħmel meta tibda l-gwerra importanti taʼ Armageddon? Afda f’Ġeħova u obdih. X’jistaʼ jkun li jgħidilna nagħmlu? Il-Bibbja tgħid: “Idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” (Is. 26:20) Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova fis-sema u fuq l-art ħa jkunu protetti f’dak iż-żmien. Bħall-appostlu Pawlu, aħna konvinti li ‘la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, u lanqas l-affarijiet li ġejjin ma jistgħu jisseparawna mill-imħabba li Alla wriena.’ (Rum. 8:​38, 39) Żomm f’moħħok li Ġeħova jħobbok u hu qatt mhu ħa jabbandunak!

META L-AĦĦAR TAL-MIDLUKIN JITILGĦU FIS-SEMA,

  • x’mhux ħa jiġri hawn fuq l-art?

  • għala nistgħu nkunu ċerti li ħa nibqgħu naqdu lil Ġeħova kif jixtieq hu?

  • għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jieħu ħsieb lin-nies tiegħu?

GĦANJA 8 Ġeħova hu l-kenn tagħna