Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 6

GĦANJA 10 Faħħru lil Ġeħova Alla tagħna!

“Faħħru Isem Ġeħova”

“Faħħru Isem Ġeħova”

“Intom il-qaddejja taʼ Ġeħova, faħħruh. Faħħru isem Ġeħova.”SALM 113:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Ħa naraw x’jimmotivana biex infaħħru l-isem taʼ Ġeħova f’kull opportunità.

1-2. X’jistaʼ jgħinna nifhmu kif iħossu Ġeħova dwar il-gideb li ntqal dwaru?

 IMMAĠINA li ħabib li tħobbu ħafna jgħid xi ħaġa kerha dwarek. Int taf li hi gidba, imma xi nies jemmnuha. Imbagħad jibdew jgħiduha lil nies oħrajn. U dawn ukoll jibdew jemmnuha. Kieku kif tħossok? Jekk int jimpurtak mill-ħbiberija tiegħek man-nies u dwar ir-reputazzjoni tiegħek, din il-gidba ħa tweġġgħek.—Prov. 22:1.

2 Dan l-eżempju jgħinna nifhmu kif ħassu Ġeħova meta pprovaw iħammġu r-reputazzjoni tiegħu. Wieħed mill-anġli gideb lill-ewwel mara, Eva, dwar Ġeħova. Hi emmnet din il-gidba, u minħabba f’hekk, Adam u Eva rribellaw kontra Ġeħova. B’hekk, in-nies kollha jidinbu u jmutu. (Ġen. 3:​1-6; Rum. 5:12) Il-problemi kollha li hawn fid-dinja, bħall-mewt, il-gwerer, u t-tbatija, jeżistu minħabba l-gideb li qal Satana fil-ġnien tal-Għeden. Kif taħseb li jħossu Ġeħova minħabba dan il-gideb u l-problemi li ġab miegħu? Hu żgur li jħossu mweġġaʼ ħafna. Imma hu mhux irrabjat. Fil-fatt, hu “l-Alla l-hieni.”—1 Tim. 1:11.

3. Aħna xi prova nistgħu nagħtu?

3 Aħna nistgħu nagħtu prova li Satana gideb dwar Ġeħova. U dan nagħmluh billi nobdu l-kmand: “Faħħru isem Ġeħova.” (Salm 113:1) Aħna nfaħħru l-isem taʼ Ġeħova meta ngħidu l-verità dwaru. Int ħa tfaħħar l-isem t’Alla? Ejja naraw tliet raġunijiet tajbin għala għandna nfaħħru l-isem t’Alla b’qalbna kollha.

ĠEĦOVA JKUN FERĦAN META AĦNA NFAĦĦRU ISMU

4. Ġeħova għala jieħu pjaċir meta nfaħħruh? Agħti eżempju. (Ara l-istampa.)

4 Ġeħova jkun ferħan meta aħna nfaħħru ismu. (Salm 119:108) Imma jfisser dan li Ġeħova hu bħan-nies imperfetti, li għandhom bżonn min ifaħħarhom biex iħossuhom inkuraġġiti? Le. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġina tifla żgħira tgħannaq lil missierha u tgħidlu, “Pa, int l-aqwa wieħed!” Missierha vera jieħu pjaċir b’dan il-kliem. Għala? Għandna naħsbu li hu għandu bżonn l-inkuraġġiment u t-tifħir mingħand it-tifla tiegħu? Le. Hu qed jieħu pjaċir li hi turih li tħobbu u tapprezzah. Hu jaf li dawn il-kwalitajiet ħa jgħinuha tkun ferħana meta tikber. Bl-istess mod, Ġeħova, l-aqwa Missier, ikun ferħan meta nfaħħruh.

Eżatt bħalma missier ikun ferħan meta t-tifla tiegħu turih li tħobbu, Ġeħova jieħu pjaċir ukoll meta nfaħħru lil ismu (Ara paragrafu 4)


5. Meta nfaħħru lil Ġeħova xi nkunu qed nuru?

5 Meta nfaħħru lil Missierna tas-sema, inkunu qed nuru li dak li qal Satana dwarna mhuwiex vera. Satana jgħid li ħadd mhu ħa jiddefendi lil Ġeħova u li meta ngħaddu minn prova, ħadd mhu ħa jibqaʼ leali lejn Alla. Hu jgħid li aħna ħa nieqfu naqdu lil Alla jekk ikun jaqblilna. (Ġob 1:​9-11; 2:4) Imma Ġob baqaʼ leali lejn Alla u wera li Satana hu giddieb. Xi ngħidu għalik? Kull wieħed minna għandu ċ-ċans li jiddefendi lil Missieru u jferrħu billi jibqaʼ leali. (Prov. 27:11) Xi privileġġ kbir għandna!

6. Kif nistgħu nimitaw lir-Re David u l-Leviti? (Neħemija 9:5)

6 Dawk li jħobbu lil Ġeħova jixtiequ jfaħħru lil ismu b’qalbhom kollha. Ir-Re David kiteb: “Jien se nfaħħar lil Ġeħova; jien se nfaħħar lil ismu l-qaddis b’qalbi kollha.” (Salm 103:1) David fehem li meta nfaħħru isem Alla nkunu qed infaħħru lil Ġeħova stess. Meta naħsbu dwar l-isem taʼ Ġeħova, f’moħħna jiġina x’karattru għandu, il-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u l-affarijiet sbieħ kollha li għamel. David qies l-isem taʼ Ġeħova bħala qaddis u faħħru. Hu ried jagħmel dan ‘b’qalbu kollha.’ Bl-istess mod, il-Leviti kienu minn taʼ quddiem f’li jfaħħru lil Ġeħova. Huma ammettew li ma kellhomx kliem biżżejjed biex ifaħħru l-isem qaddis taʼ Ġeħova. (Aqra Neħemija 9:5.) Bla dubju, tifħir mill-qalb bħal dan għamel lil Ġeħova ferħan.

7. Kif nistgħu nfaħħru lil Ġeħova fil-ministeru u fil-ħajja tagħna taʼ kuljum?

7 Aħna nistgħu nfaħħru lil Ġeħova billi nitkellmu dwar kemm napprezzaw dak li għamel magħna u kemm inħobbuh. Meta nkunu fil-ministeru, il-mira tagħna għandha tkun li ngħinu lil oħrajn isiru ħbieb taʼ Ġeħova u ngħinuhom iħossuhom l-istess bħalna dwar Missierna tas-sema. (Ġk. 4:8) Aħna ferħanin li nistgħu nuru lin-nies x’tgħid il-Bibbja dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova bħall-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Aħna nfaħħru lil Ġeħova wkoll meta nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitawh, u dan jagħmlu ferħan. (Efes. 5:1) Meta nagħmlu hekk, nidhru differenti min-nies taʼ din id-dinja. In-nies jaf jindunaw u tiġihom kurżità għala aħna differenti. (Mt. 5:​14-16) Meta nkunu magħhom, nistgħu nispjegawlhom x’jagħmilna differenti. B’hekk nies onesti jistgħu jinġibdu lejh. Meta nfaħħru lil Ġeħova b’dawn il-modi aħna nferrħuh ħafna.—1 Tim. 2:​3, 4.

ĠESÙ JKUN FERĦAN META NFAĦĦRU ISEM ALLA

8. Ġesù għala hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li jfaħħar l-isem t’Alla?

8 M’hemm ħadd li jaf lil Ġeħova iktar minn Ġesù, la fis-sema u lanqas fl-art. (Mt. 11:27) Ġesù jħobbu ħafna lil Missieru, u hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li jfaħħar isem Alla. (Ġw. 14:31) Fil-lejl qabel ma miet, Ġesù talab lil Missieru u qallu dwar l-iktar ħaġa importanti li għamel matul il-ħajja tiegħu fuq l-art: “Jien għallimthom dwar ismek.” (Ġw. 17:26) Ġesù kif għamel dan?

9. Ġesù x’eżempju uża biex juri xi kwalitajiet għandu Missieru?

9 Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal lin-nies li l-isem t’Alla hu Ġeħova. Il-Lhud fi żmien Ġesù diġà kienu jafu x’kien l-isem t’Alla, imma Ġesù kien minn taʼ quddiem f’li ‘jispjega min hu.’ (Ġw. 1:​17, 18) Pereżempju, l-Iskrittura Ebrajka tgħid li Ġeħova hu Alla ħanin u qalbu tajba. (Eżo. 34:​5-7) Ġesù għamel din il-verità iżjed ċara meta ġab l-eżempju tal-iben il-ħali u missieru. Dan l-eżempju jurina li meta l-missier ra lil ibnu ġej lura ddispjaċut, “waqt li kien għadu ’l bogħod,” hu telaq jiġri lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza u ħafirlu mill-qalb. (Lq. 15:​11-32) B’dan l-eżempju, Ġesù għen lil oħrajn jifhmu aħjar il-kwalitajiet ta’ Ġeħova, jiġifieri l-ħniena u qalb tajba.

10. (a) Kif nafu li Ġesù uża l-isem taʼ Missieru u xtaq li n-nies jużawh ukoll? (Marku 5:19) (Ara l-istampa.) (b) Ġesù x’jixtieqna nagħmlu?

10 Ġesù ried li oħrajn jużaw l-isem taʼ Missieru? Iva. Xi mexxejja reliġjużi kienu jgħidu li jekk tuża l-isem t’Alla ma tkunx qed turih rispett. Imma Ġesù qatt ma ħalla dawn l-ideat iwaqqfuh milli jfaħħar l-isem taʼ Missieru. Aħseb dwar meta Ġesù fejjaq raġel li kellu d-demonji, fir-reġjun tal-Gerasin. In-nies bdew jibżgħu u riedu li Ġesù jitlaq minn hemmhekk. Allura hu hekk għamel. (Mk. 5:​16, 17) Imma Ġesù xorta ried li n-nies f’dak il-post ikunu jafu dwar Ġeħova. Allura hu qal lir-raġel li fejjaq biex jgħid lin-nies x’kien għamel għalih Ġeħova. (Aqra Marku 5:19.) a Ġesù jrid li aħna wkoll ngħidu lin-nies madwar id-dinja kollha dwar Missieru! (Mt. 24:14; 28:​19, 20) Meta nagħmlu hekk, aħna nferrħu lir-Re tagħna, Ġesù.

Ġesù qal lir-raġel li fejjaq mid-demonji biex jgħid lin-nies kif għenu Ġeħova (Ara paragrafu 10)


11. Ġesù x’għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu, u dan għala hu importanti? (Eżekjel 36:23)

11 Ġesù kien jaf li l-iskop taʼ Ġeħova hu li jnaddaf ismu, jiġifieri juri li dak li qal Satana dwaru hu gidba. Għalhekk, hu għallem lin-nies jitolbu: “Missierna tas-sema, ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Ġesù kien jaf li din hi l-iktar kwistjoni importanti li qatt kienet teżisti. (Aqra Eżekjel 36:23.) Ħadd qatt ma faħħar isem Ġeħova iktar milli għamel Ġesù. Imma meta arrestawh, in-nies akkużawh li hu wera diżrispett kbir lejn l-isem t’Alla bl-agħar mod. Ġesù kien jaf li l-ikbar dnub hu li ma tirrispettax l-isem t’Alla. Allura hu żgur li kien imdejjaq ħafna li kienu se jakkużawh b’din il-ħaġa u jsibuh ħati. Wisq probabbli, din kienet ir-raġuni għala Ġesù “kien inkwetat għall-aħħar” qabel ġie arrestat.—Lq. 22:​41-44.

12. Ġesù kif faħħar l-isem taʼ Missieru bl-aqwa mod?

12 Biex ifaħħar l-isem taʼ Missieru, Ġesù ssaporta ħafna torturi, tgħajjir, u gideb. Hu kien jaf li obda lil Missieru f’kollox, u ma kellux minn xiex jistħi. (Ebr. 12:2) Kien jaf ukoll li Satana kien qed jattakkah apposta. (Lq. 22:​2-4; 23:​33, 34) Satana pprova jġiegħel lil Ġesù ma jibqax leali, imma ma rnexxilux! B’hekk, Ġesù wera li Satana hu giddieb, u li Ġeħova għandu qaddejja li jibqgħu leali anki meta jgħaddu minn provi vera diffiċli!

13. Int kif tistaʼ tagħmel lil Ġesù ferħan?

13 Int tixtieq tagħmel lil Ġesù ferħan? Mela ibqaʼ faħħar l-isem t’Alla u għin lil oħrajn jitgħallmu dwar il-kwalitajiet tiegħu. B’hekk tkun qed timita lil Ġesù. (1 Pt. 2:21) U bħalu, tkun qed tagħmel lil Ġeħova ferħan u turi li Satana hu giddieb kbir!

META NFAĦĦRU L-ISEM T’ALLA NSALVAW IN-NIES

14-15. X’affarijiet sbieħ ħa naraw meta ngħallmu lin-nies dwar Ġeħova?

14 Meta nfaħħru l-isem t’Alla nsalvaw in-nies. Kif? Satana “għema l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Kor. 4:4) B’hekk, huma jemmnu gideb bħal: Alla ma jeżistix, Alla ma jimpurtahx minna, Alla kattiv u jrid jittortura lill-ħżiena għal dejjem. Satana jgħid dan il-gideb għax jixtieq iħammeġ l-isem t’Alla u biex in-nies ma jkunux iridu jsiru l-ħbieb tiegħu. Imma meta nippritkaw inkunu qed inżommu lil Satana milli jilħaq il-mira tiegħu. Aħna ngħallmu lin-nies il-verità dwar Ġeħova, u b’hekk infaħħru lil ismu. Xi jkun ir-riżultat?

15 Il-verità li nsibu fil-Bibbja għandha ħafna saħħa. Meta ngħallmu lin-nies dwar Ġeħova, naraw xi ħaġa vera sabiħa tiġri. In-nies jibdew jaraw il-gideb taʼ Satana, u b’hekk jibdew jaraw il-kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. Huma jibqgħu mistagħġbin b’kemm għandu qawwa. (Is. 40:26) Jitgħallmu jafdawh għax hu ġust. (Dt. 32:4) U jitgħallmu ħafna mill-għerf kbir tiegħu. (Is. 55:9; Rum. 11:33) U huma jħossuhom tajjeb meta jitgħallmu dwar kemm Ġeħova juri mħabba. (1 Ġw. 4:8) Hekk kif isiru ħbieb tiegħu, huma jsiru ċerti li jistgħu jgħixu għal dejjem bħala t-tfal tiegħu. Xi privileġġ għandna li nistgħu ngħinu lin-nies isiru ħbieb taʼ Ġeħova! Meta nagħmlu hekk, Ġeħova jqisna bħala ‘ħaddiema sħabu.’—1 Kor. 3:​5, 9.

16. Xi nies kif iħossuhom meta jsiru jafu x’jismu Alla? Agħti eżempju.

16 Għall-ewwel, jaf ngħallmu lin-nies li l-isem t’Alla hu Ġeħova, u dan jistaʼ jkollu effett kbir fuq xi ħadd sinċier. Pereżempju, żagħżugħa jisimha Aaliyah b trabbiet f’reliġjon mhux Kristjana. Imma hi ma kinitx kuntenta bir-reliġjon tagħha u ma ħassithiex qrib t’Alla. Imma meta bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova, hi ma baqgħetx tħossha hekk. Hi bdiet tara lil Alla bħala Ħabib. U kienet maħsuda li f’ħafna Bibbji biddlu l-isem t’Alla ma’ titli, bħal Mulej. Meta saret taf l-isem t’Alla ħajjitha nbidlet. Hi qalet: “Jien naf li l-ikbar Ħabib tiegħi għandu isem, u issa nħossni vera trankwilla u ferħana li naf l-isem taʼ Ġeħova.” Eżempju ieħor hu taʼ Steve, mużiċist li ġej minn background Lhudi. Hu ma ried ikun parti minn l-ebda reliġjon għax kien ra ħafna ipokrisija fihom. Wara li mietet ommu, hu aċċetta li joqgħod jismaʼ studju tal-Bibbja li kienu qed jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu feraħ ħafna meta sar jaf l-isem t’Alla. Hu qal: “Qatt ma kienu qaluli x’jismu Alla. U għall-ewwel darba f’ħajti qed narah bħala persuna reali. Ħassejt li kont sibt Ħabib kbir.”

17. Għala tixtieq tkompli tfaħħar l-isem t’Alla? (Ara l-istampa.)

17 Meta tmur tipprietka, tgħidilhom lin-nies dwar l-isem qaddis t’Alla? Tgħinhom jaraw il-kwalitajiet sbieħ tiegħu? Meta tagħmel hekk, int tkun qed tfaħħar l-isem t’Alla. Jalla tibqaʼ tfaħħar lil Ġeħova billi tgħin lin-nies jaraw x’tip taʼ persuna hu. B’hekk int ħa tgħinhom isalvaw, u ħa tkun qed tobdi lil Kristu Ġesù, ir-Re tagħna. U l-iktar importanti, int ħa tagħmel lil Ġeħova ferħan. Jalla ‘tfaħħar lil ismu għal dejjem taʼ dejjem!’—Salm 145:2.

Aħna nfaħħru l-isem t’Alla billi ngħallmuh lin-nies u nuruhom Ġeħova x’tip taʼ persuna hu (Ara paragrafu 17)

LI NFAĦĦRU L-ISEM T’ALLA . . .

  • kif iferraħ lil Ġeħova?

  • kif iferraħ lil Kristu Ġesù?

  • kif jgħin biex insalvaw il-ħajjiet?

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

a Hemm raġunijiet tajbin biex nemmnu li Marku, meta kkwota lil Ġesù, uża l-isem taʼ Ġeħova. Minħabba f’hekk, l-isem reġaʼ tpoġġa fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.

b L-ismijiet ġew mibdulin.