Kont Taf?
Il-Bibbja għala tirrepeti l-istess affarijiet?
L-IRĠIEL li kitbu l-Bibbja kultant irripetew l-istess ħaġa kelma b’kelma. Ejja naraw tliet raġunijiet għala setgħu għamlu hekk:
Meta nkitbet. Fi żmien l-Iżraelin, ħafna min-nies ma kellhomx kopja tal-Liġi. L-iżjed li kienu jisimgħu l-Liġi tinqara kien meta jiltaqgħu t-tabernaklu u fit-tempju. (Dt. 31:10-12) Probabbli kien ikun hemm ħafna xi jtellifhom waqt li jkunu bilwieqfa maʼ ħafna nies għal sigħat sħaħ jisimgħu. (Neħ. 8:2, 3, 7) F’okkażjonijiet bħal dawn kien ikun iktar faċli għan-nies biex jiftakru x’semgħu u japplikawh jekk l-affarijiet importanti jkunu ripetuti. Kliem ripetut setaʼ jgħinhom jiftakru d-dettalji tal-Liġi li tahom Ġeħova.—Lev. 18:4-22; Dt. 5:1.
Kif inkitbet. Il-Bibbja fiha ħafna għanjiet bħas-Salmi, l-Għanja taʼ Salamun u Lamentazzjonijiet. Kultant dawn l-għanjiet kien ikun fihom kliem ripetut biex juru x’inhu l-punt tal-għanja. Eżempju wieħed hu taʼ Salm 115:9-11. Hemm jgħid: “Iżrael, afda f’Ġeħova. Hu l-għajnuna u t-tarka tiegħek. Intom li tiġu minn Aron, afdaw f’Ġeħova. Hu l-għajnuna u t-tarka tagħkom. Intom li tirrispettaw ħafna lil Ġeħova, afdaw f’Ġeħova. Hu l-għajnuna u t-tarka tagħkom.” Il-kliem ripetut setaʼ jgħin lill-kantanti biex jibqgħu jiftakru l-ħsieb sabiħ tal-għanja.
Għala nkitbet. Dawk li kitbu l-Bibbja kultant irripetew frażijiet importanti. Pereżempju meta Ġeħova qal lill-Iżraelin biex ma jiklux demm, Ġeħova qal lil Mosè biex jgħidilhom ħafna drabi għala kellhom jagħmlu hekk. Alla ried jurihom li l-ħajja hi d-demm, jiġifieri d-demm jirrappreżenta l-ħajja. (Lev. 17:11, 14) Iktar tard meta l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm kitbu dwar xi jridu jagħmlu l-Kristjani biex jogħġbu lil Alla, reġgħu semmew kemm hu importanti li jirrifjutaw id-demm.—Atti 15:20, 29.
Ġeħova ma jridx li jkollna vizzju li nirrepetu frażijiet li hemm fil-Bibbja. Pereżempju Ġesù qal: “Meta titolbu, toqogħdux tirripetu l-istess kliem.” (Mt. 6:7) Imbagħad semma xi affarijiet li nistgħu nitolbu dwarhom. (Mt. 6:9-13) Mela avolja ma ngħidux l-istess kliem meta nitolbu, nistgħu nitolbu dwar l-istess affarijiet kemm-il darba.—Mt. 7:7-11.
Mela l-Bibbja tirrepeti xi frażijiet jew kliem għal raġunijiet tajbin. Huwa wieħed mill-ħafna modi kif l-Istruttur Grandjuż jgħallimna għall-ġid tagħna.—Is. 48:17, 18.