ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 7
GĦANJA 15 Faħħru l-Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!
Ġeħova b’Liema Mod Jaħfirlek?
“Int taħfer mill-qalb.”—SLM. 130:4
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw xi eżempji mill-Bibbja tal-mod kif Ġeħova jaħfrilna, u dan se jgħinna napprezzaw iktar.
1. Għala hu diffiċli biex tifhem xi jfisser meta xi ħadd jgħidlek: “Naħfirlek”?
META tagħmel jew tgħid xi ħaġa li biha tweġġaʼ lil xi ħadd, tieħu pjaċir meta jgħidlek: “Naħfirlek.” Imma xi jfisser li wieħed jaħfer? Ifisser li dak l-iżball qisu qatt ma ġara u għadkom ħbieb bħalma kontu qabel? Jew ifisser li l-ħabib tiegħek ma jridx jitkellem fuq dak li ġara imma qatt mhu se tkunu ħbieb bħalma kontu? Il-verità hi li l-mod kif jaħfru n-nies mhux dejjem ikun l-istess.
2. Il-Bibbja kif tispjega l-maħfra taʼ Ġeħova? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
2 Il-mod kif jaħfer Ġeħova hu differenti ħafna minn kif jaħfru n-nies. Ħadd ma jistaʼ jaħfer bħalu. Is-salmista qal hekk dwar Ġeħova: “Int taħfer mill-qalb, u għalhekk in-nies ikollhom rispett kbir lejk.” a (Slm. 130:4) Dan il-kliem juri li meta Ġeħova jaħfer, hu vera jkun qiegħed jaħfer. B’hekk, hu l-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li vera jaħfer. Xi kultant fil-Bibbja, tintuża kelma bl-Ebrajk li tirreferi għall-maħfra taʼ Ġeħova biss u mhux għall-mod kif jaħfru n-nies.
3. Il-mod kif jaħfer Ġeħova kif hu differenti minn tagħna? (Isaija 55:6, 7)
3 Meta Ġeħova jaħfer lil xi ħadd, hu jinsa kompletament l-iżball. Allura jistaʼ jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba miegħu. Aħna għandna vera napprezzaw li Ġeħova jaħfrilna għalkollox kull darba li niżbaljaw.—Aqra Isaija 55:6, 7.
4. Ġeħova kif jgħinna nifhmu xi tfisser li vera taħfer lil xi ħadd?
4 Aħna kif nistgħu nifhmu l-mod kif jaħfer Ġeħova? Biex jgħinna nifhmu, fil-Bibbja hu juża xi eżempji. F’dan l-artiklu se naraw xi ftit minnhom. Se nitgħallmu kif jaħfrilna u fl-istess ħin jgħinna nirranġaw il-ħbiberija tagħna miegħu. Meta nifhmu dan, se jgħinna nħobbu iktar lil Missierna kollu ħniena u napprezzaw il-maħfra tiegħu.
ĠEĦOVA JNEĦĦI D-DNUBIET TAGĦNA
5. X’jiġri meta Ġeħova jaħfrilna?
5 Il-Bibbja tqabbel id-dnubiet tagħna maʼ xi ħaġa tqila. Ir-Re David qal: “L-iżbalji tiegħi qed jagħfsu fuq rasi; huma bħal tagħbija tqila li ma niflaħx nerfagħha.” (Slm. 38:4) Ġeħova jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. (Slm. 25:18; 32:5) Il-kelma “jaħfer” bl-Ebrajk f’dawn il-versi tistaʼ tfisser “jerfaʼ” jew “iġorr.” Allura, meta Ġeħova jaħfer id-dnubiet tagħna, hu jkun qed ineħħi toqol kbir minn fuqna. Dan ikun qisu qed ineħħi piż kbir minn fuq spallejna u jġorru ’l bogħod minna.
6. Ġeħova kemm iġorrhom ’il bogħod id-dnubiet tagħna?
6 Il-Bibbja tuża eżempju ieħor li juri kemm Ġeħova jġorr id-dnubiet tagħna ’l bogħod. Salm 103:12 jgħid: “Hu tefaʼ l-iżbalji tagħna ’l bogħod minna daqs il-bogħod li hemm bejn tlugħ ix-xemx u nżulha.” Ovvjament il-post minn fejn titlaʼ x-xemx mhuwiex l-istess bħal minn fejn tinżel u qatt ma jistgħu jiltaqgħu. Ġeħova jġorr id-dnubiet tagħna l-iżjed ’il bogħod minna. Dan jgħinna nkunu ċerti minn kemm jaħfrilna!
7. Ġeħova x’jagħmel bid-dnubiet tagħna? (Mikea 7:18, 19)
7 Vera li Ġeħova jieħu d-dnubiet tagħna ’l bogħod, imma jibqaʼ jiftakarhom? Le. Ir-Re Ħeżekija qal: “Int tfajt dnubieti kollha wara dahrek.” (Isa. 38:9, 17) Dan juri li Ġeħova jarmi d-dnubiet taʼ dawk li jindmu u qatt ma jerġaʼ jħares lejhom. Allura, id-dnubiet ikunu qishom qatt ma ġraw. Il-Bibbja tagħti eżempju sabiħ ieħor f’Mikea 7:18, 19. (Aqra.) Hemmhekk tgħid li Ġeħova jixħet id-dnubiet f’qiegħ il-baħar. Fi żmien il-Bibbja, meta xi ħadd kien jarmi xi ħaġa fil-baħar qatt ma kien jerġaʼ jsibha.
8. X’tgħallimna s’issa?
8 Bl-eżempji li rajna nistgħu nifhmu li meta Ġeħova jaħfrilna, hu jneħħi d-dnub tagħna għalkollox u ma jkunx hemm għalfejn inħossuna ħażin. Ir-Re David qal: “Ferħanin huma dawk li l-iżbalji tagħhom inħafrulhom u li dnubiethom intesew. Ferħan hu dak li Ġeħova ma jitlobx kont tad-dnub tiegħu.” (Rum. 4:6-8) Din hi maħfra taʼ vera!
ĠEĦOVA JĦASSAR ID-DNUB
9. Il-Bibbja kif tgħinna nifhmu li Ġeħova jaħfrilna kompletament?
9 Permezz tal-fidwa, Ġeħova jistaʼ jħassar id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. Il-Bibbja tgħinna nifhmu dan billi tgħid li Ġeħova jaħsel u jlaħlaħ id-dnubiet tagħna. B’hekk, hu jnaddafna kompletament. (Slm. 51:7; Isa. 4:4; Ġer. 33:8) Dwar dan l-eżempju, hu jgħid: “Għalkemm dnubietkom ikunu bħall-iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-silġ; għalkemm ikunu ħomor bħad-drapp krimżi, se jsiru bħas-suf.” (Isa. 1:18) Normalment tkun vera diffiċli biex tnaddaf il-ħwejjeġ minn xi tebgħa ħamra. Imma bl-eżempju li rajna, Ġeħova qed jgħidilna li hu jnaddafna mid-dnub għalkollox, tant li ma jibqax jidher.
10. X’eżempju ieħor hemm fil-Bibbja li jurina kemm Ġeħova hu lest li jaħfrilna?
10 Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, id-dnub hu mqabbel ukoll maʼ “dejn.” (Mat. 18:32-35) Kull darba li nagħmlu dnub, qisu qed nagħmlu iktar dejn maʼ Ġeħova. Peress li nagħmlu ħafna żbalji, aħna għandna ħafna dejn miegħu. Imma meta jaħfrilna, hu jħassar dak id-dejn li jkollna kompletament u ma jkunx irid li nħallsuh lura. Kemm hu eżempju sabiħ li jurina kemm għandna nkunu ferħanin meta Ġeħova jaħfrilna.
11. Ġeħova b’liema mod ieħor “iħassar id-dnubiet” tagħna? (Atti 3:19)
11 Ġeħova jħassar id-dnub tagħna b’mod ieħor. (Aqra Atti 3:19.) Biex inġibu eżempju, immaġina li għandek tagħti xi flus lil xi ħadd. Biex jurik li ħafirlek id-dejn, hu jagħmel linja fuq l-ammont li hemm miktub li għandek tagħtih. Imma l-ammont taħt dik il-linja xorta jkun għadu jidher. Li tħassar xi ħaġa għalkollox hu differenti ħafna. Fi żmien il-Bibbja kienu jiktbu b’linka li stajt tħassarha b’biċċa mxarrba bl-ilma. Allura, meta xi ħadd kien “iħassar” xi dejn, ma kienx jibqaʼ jidher u ħadd ma setaʼ jara x’kien hemm miktub. Kien ikun qisu qatt ma kien hemm dejn. Kemm għandna għal xiex inkunu ferħanin li meta Ġeħova jħassar id-dnubiet tagħna jkun qisu qatt ma ġraw!—Slm. 51:9.
12. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ sħaba ħoxna?
12 Ejja naraw mod ieħor taʼ kif Ġeħova jħassar id-dnubiet tagħna. Il-Bibbja tgħid: “Se nħassar il-ksur tal-liġi tiegħek bħal bi sħaba, u dnubietek bħal bi sħab oħxon.” (Isa. 44:22) Meta Ġeħova jaħfrilna, hu qisu juża sħaba ħoxna biex jaħbi d-dnubiet tagħna u ma jibqgħux jidhru.
13. Kif tħossok meta Ġeħova jaħfirlek?
13 X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji li rajna? Nitgħallmu li meta Ġeħova jaħfrilna, ma rridux nibqgħu nħossuna ħażin dwar l-iżbalji tagħna. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù ħallas għad-dnubiet kollha tagħna. U meta Ġeħova jkun ħafrilna, għalih ikun qisu qatt m’għamilna xejn ħażin. Din hi l-maħfra vera li jtina Ġeħova meta nindmu minn dak li nkunu għamilna.
ĠEĦOVA JERĠAʼ JAĊĊETTANA BĦALA L-ĦBIEB TIEGĦU
14. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħa jaħfrilna kompletament? (Ara wkoll l-istampi.)
14 Meta Ġeħova jaħfrilna, nistgħu nkunu ċerti li hu se jerġaʼ jkun ħabib tagħna, u dan jgħinna biex ma nħossuniex ħażin. M’hemmx għalfejn ninkwetaw li hu għadu rrabjat jew nibżgħu li jixtieq jikkastigana. Hu qatt mhu se jagħmel hekk. Għala nistgħu nkunu ċerti? Ġeħova qallu hekk lil Ġeremija: “Naħfrilhom l-iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) L-appostlu Pawlu qal xi ħaġa simili: “Ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom.” (Lhud 8:12) Imma dan il-kliem xi jfisser?
15. Xi jfisser li Ġeħova ma jibqax jiftakar fid-dnubiet tagħna?
15 Il-kelma “jiftakar” fil-Bibbja mhux dejjem tfisser li xi ħadd jaħseb dwar xi ħaġa li ġrat fil-passat. Din tistaʼ tfisser li xi ħadd jagħmel xi ħaġa. Il-ħalliel li kien hemm ħdejn Ġesù, qabel miet qal: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” (Luqa 23:42, 43) Hu ma kienx sempliċiment qed jistaqsih biex jiftakar fih, imma biex jagħmel xi ħaġa għalih. Allura Ġesù qal lil dan ir-raġel li kien se jirxoxtah. Mela meta Ġeħova jgħid li mhux se jiftakar id-dnubiet tagħna, ifisser li jkun ħafrilna u mhux se jikkastigana.
16. Il-Bibbja ma’ xiex tqabbilna?
16 Il-Bibbja tagħti eżempju ieħor biex tgħinna nifhmu kif inħossuna meħlusin meta jaħfrilna Ġeħova. Din tgħid li peress li aħna imperfetti, aħna qisna “lsiera tad-dnub.” Imma meta Ġeħova jaħfrilna, aħna nkunu ġejna “meħlusin mid-dnub.” (Rum. 6:17, 18; Riv. 1:5) Peress li nafu li Ġeħova ħafrilna, nistgħu nkunu ferħanin bħal meta lsir jiġi meħlus.
17. Meta Ġeħova jaħfrilna kif ikun qisu qed ifejjaqna? (Isaija 53:5)
17 Aqra Isaija 53:5. L-aħħar eżempju li se naraw hu li nistgħu nqabblu lilna nfusna maʼ nies li għandhom marda serja. Permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Ġeħova qisu fejjaqna minn din il-marda. (1 Pt. 2:24) Meta nidinbu nagħmlu ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Imma permezz tal-fidwa, hu jistaʼ jaħfrilna u b’hekk nerġgħu nkunu ħbieb tiegħu. Eżatt bħalma xi ħadd li jfiq minn xi marda jħossu vera ferħan, aħna ferħanin għax jistaʼ jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova.
XI JFISSER LI ĠEĦOVA JAĦFRILNA?
18. X’tgħallimna mill-eżempji dwar il-maħfra taʼ Ġeħova? (Ara wkoll il-kaxxa “Kif Ġeħova Jaħfrilna.”)
18 X’tgħallimna mill-eżempji li rajna? Meta Ġeħova jaħfrilna jkun qisu d-dnubiet qatt ma ġraw u hu żgur mhux se jikkastigana għalihom fil-futur. Allura, jistaʼ jerġaʼ jkollna ħbiberija tajba maʼ Missierna tas-sema. Din il-maħfra hi rigal li jtihulna għax iħobbna u hu ġeneruż, u mhux għax għandna dritt għalih.—Rum. 3:24.
19. (a) Għal xiex għandna nkunu ferħanin? (Rumani 4:8) (b) X’se naraw fl-artiklu li jmiss?
19 Aqra Rumani 4:8. Kemm għandna għal xiex inkunu ferħanin li Ġeħova ‘jaħfrilna mill-qalb’! (Slm. 130:4) Imma biex Ġeħova jaħfrilna rridu nagħmlu xi ħaġa importanti. Ġesù qal: “Jekk ma taħfrux lil ħaddieħor, lanqas Missierkom mhu se jaħfrilkom.” (Mat. 6:14, 15) Allura hu importanti li nimitaw lil Ġeħova u naħfru lil oħrajn. Fl-artiklu li jmiss se naraw kif nistgħu nagħmlu dan.
GĦANJA 46 Niżżuk ħajr Ġeħova
a Il-mod kif intużat il-kelma maħfra bl-Ebrajk turi li din hi l-maħfra vera. U din il-maħfra li juri Ġeħova hi differenti minn kif in-nies juru l-maħfra. Ħafna Bibbji ma jsemmux dan id-dettall importanti f’Salm 130:4, imma t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa ssemmih.