Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Qatt Ma Kont Waħdi”

“Qatt Ma Kont Waħdi”

HEMM ħafna affarijiet fil-ħajja li jistgħu jġegħluna nħossuna waħedna, bħal meta jmut xi ħadd li nħobbu, immorru ngħixu f’xi post ġdid, jew inħossu li qegħdin waħedna. Jien għaddejt minn dawn l-affarijiet kollha. Imma meta naħseb minn xiex għaddejt, illum nifhem li qatt ma kont waħdi. Ħa ngħidilkom għala.

L-EŻEMPJU TAL-ĠENITURI TIEGĦI

Ommi u missieri kienu Kattoliċi u kienu reliġjużi ħafna. Imma meta tgħallmu mill-Bibbja li l-isem t’Alla hu Ġeħova, huma bdew jaħdmu ħafna għalih. Missieri kien mastrudaxxa, u meta kien Kattoliku, kien jagħmel statwi tal-injam taʼ Ġesù. Imma meta tgħallem il-verità, waqaf jagħmilhom. Hu uża dak li kien jaf jagħmel biex jibdel is-sular t’isfel tad-dar tagħna fl-ewwel Sala tas-Saltna li kien hemm f’San Juan del Monte, f’Manila, il-​Filippini.

Mal-ġenituri u oħrajn fil-familja tiegħi

Jien twelidt fl-1952, u kelli sebaʼ aħwa ikbar minni, erbaʼ subien u tlett ibniet. Wara li twelidt, ommi u missieri bdew jgħallmuni dwar Ġeħova, eżatt bħalma kienu għamlu maʼ ħuti. Jien u nikber, missieri dejjem inkuraġġieni biex naqra kapitlu mill-Bibbja kuljum. U hu studja ħafna kotba tal-organizzazzjoni miegħi. Minn żmien għal ieħor ommi u missieri kienu jistiednu lill-indokraturi li jivvjaġġaw u xi aħwa li jaħdmu Betel biex joqogħdu għandna. Konna nieħdu pjaċir nisimgħu l-esperjenzi tagħhom. U l-esperjenzi li qalulna dejjem inkuraġġewna biex inpoġġu x-xogħol taʼ Ġeħova fl-ewwel post f’ħajjitna.

Ommi u missieri kienu eżempju vera tajjeb għalija għax dejjem kienu leali lejn Ġeħova. Wara li ommi mietet b’marda, jien u missieri bdejna naqdu bħala pijunieri fl-1971. Imma meta kelli 20 sena, fl-1973, missieri miet ukoll. Vera ħassejtni waħdi. Imma t-tama li hemm fil-Bibbja għenitni nibqaʼ sod. Għenitni biex nibqaʼ pożittiv minflok ma nkun imdejjaq iżżejjed u b’hekk stajt nibqaʼ qrib Ġeħova. (Lhud 6:19) Ftit wara li miet missieri, jien bdejt naqdi bħala pijunier speċjali fuq gżira jisimha Coron, fin-naħa taʼ Palawan.

WAĦDI WAQT INKARIGI DIFFIĊLI

Kelli 21 meta mort Coron. Peress li dejjem għext f’belt, ma stajtx nemmen li Coron kienet gżira li ma tantx kellha dawl u ilma, u vera kien hemm ftit karozzi u muturi. Għalkemm kien hemm xi ftit aħwa f’din il-gżira, ma kienx hemm pijunieri u ġieli kien ikolli noħroġ service waħdi. Fl-ewwel xahar vera kont nimmissja lill-familja u l-ħbieb tiegħi. Billejl ġieli kont noħroġ barra u nħares lejn l-istilel u kien jaqbadni l-biki. Xtaqt li nieqaf naqdi bħala pijunier speċjali u nerġaʼ mmur id-dar.

Meta kont inħossni waħdi kont niftaħ qalbi maʼ Ġeħova u ngħidlu eżatt kif inħossni. Kont niftakar f’punti inkuraġġanti li tgħallimt mill-Bibbja u mill-pubblikazzjonijiet tagħna bħal Salm 19:14. Jien fhimt li iktar ma nimmedita dwar il-kwalitajiet u dak li għamel Ġeħova iktar se narah bħala “l-Blata tiegħi u Dak li Jeħlisni.” L-artiklu “You Are Never Alone” a f’​It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż għenni ħafna. Jien qrajtu kemm-il darba. Meta kont inkun waħdi kont inħoss li qiegħed maʼ Ġeħova u dan kien ħin speċjali li stajt nitlob, nistudja, u nimmedita.

Ftit wara li wasalt Coron, jien bdejt naqdi bħala anzjan. Peress li kont l-uniku anzjan fil-kongregazzjoni, kull ġimgħa kont nagħmel l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, il-Laqgħa tas-Servizz, l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, u l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa. Barra minn hekk, kont nagħti t-taħdita pubblika kull ġimgħa. Peress li kelli dawn l-affarijiet kollha x’nagħmel, ma rġajtx ħassejtni waħdi!

Is-service li kont qed nagħmel f’Coron kellu riżultati tajbin għax xi ftit mill-istudenti tal-Bibbja li kelli tgħammdu. Imma kelli xi sfidi wkoll. Ġieli kien ikolli nimxi n-nofstanhar taʼ filgħodu biex nasal fuq it-territorju, u lanqas kont inkun naf fejn se norqod meta nasal. It-territorju li kellna kien jinkludi ħafna gżejjer iżgħar. Biex nasal għalihom kont nivvjaġġa f’dgħajsa żgħira f’baħar imqalleb avolja ma kontx naf ngħum! Imma f’dawn l-isfidi kollha li kelli, Ġeħova ħa ħsiebi u għenni. Maż-żmien indunajt li Ġeħova kien qed jippreparani għal żmien iktar diffiċli fl-inkarigu il-ġdid li kien se jkolli.

IL-PAPUA NEW GUINEA

Fl-1978, jien ġejt assenjat biex immur il-Papua New Guinea, pajjiż ’il fuq mill-Awstralja. Il-Papua New Guinea hu pajjiż mimli muntanji u fih kważi daqs Spanja. Jien kont impressjonat meta sirt naf li t-tliet miljun persuna li kienu jgħixu hemm kienu jitkellmu b’iktar minn 800 lingwa. Imma għall-inqas ħafna min-nies kienu jafu jitkellmu l-Melanesian Pidgin, jew Tok Pisin.

Jien ġejt assenjat f’kongregazzjoni tal-Ingliż f’Port Moresby. Imma mbagħad mort f’kongregazzjoni tat-Tok Pisin u ħadt kors biex nitgħallem il-lingwa. Dak li kont qed nitgħallem fil-kors bdejt nużah fuq is-service u dan għenni biex nitgħallem il-lingwa iktar malajr. Ftit taż-żmien wara, tajt l-ewwel taħdita pubblika tiegħi bit-Tok Pisin. Imma l-ikbar sorpriża għalija kienet li f’inqas minn sena li kont wasalt il-Papua New Guinea, bdejt naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet għall-kongregazzjonijiet li jitkellmu bit-Tok Pisin f’territorji differenti.

Peress li kien hemm ħafna kongregazzjonijiet ’il bogħod minn xulxin, kelli norganizza ħafna assembleat tas-circuit u kelli nivvjaġġa ħafna wkoll. Għall-ewwel kont inħossni waħdi għax kont f’pajjiż ġdid, b’lingwa ġdida u n-nies kienu mdorrijin jagħmlu l-affarijiet b’mod differenti minni. Ma stajtx inżur il-kongregazzjonijiet billi nuża karozza minħabba l-muntanji. Allura kważi kull ġimgħa kelli nuża ajruplan biex nivvjaġġa u ġieli kont inkun l-uniku passiġġier fuqu u kien ikun qisu ħa jaqaʼ biċċiet. Dawk il-vjaġġi bl-ajruplan kienu jistressjawni daqs meta kont nivvjaġġa bid-dgħajsa!

Ftit nies kellhom telefown allura kont nikkomunika mal-aħwa billi nuża l-ittri. Imma l-biċċa l-kbira kont nasal qabel l-ittri li nkun bgħatt u kien ikolli nistaqsi lin-nies tal-post fejn kienu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma kull meta kont niltaqaʼ mal-aħwa dejjem kienu japprezzaw ħafna dak li kont nagħmel u kienu juruni kemm iħobbuni. B’hekk kont niftakar għala kont qed nagħmel dawk is-sagrifiċċji. Kont inħoss li Ġeħova kien qed jgħinni b’ħafna modi u l-ħbiberija tiegħi miegħu kibret ħafna.

Fl-ewwel laqgħa li kont qed nattendi fuq il-gżira jisimha Bougainville, ġiet koppja titbissem fuqi u staqsietni, “Tiftakar min aħna?” Dak il-ħin bdejt niftakar li jien kont tajthom xhieda meta wasalt Port Moresby. Jien kont bdejt nistudja l-Bibbja magħhom imma mbagħad staqsejt lil ħu minn hemmhekk biex ikompli hu jistudja magħhom. Issa t-tnejn li huma kienu mgħammdin. Din kienet waħda mill-barkiet li Ġeħova tani matul it-tliet snin li għamilt Papua New Guinea.

FAMILJA ŻGĦIRA

Jien u Adel

Qabel ma tlaqt minn Coron fl-1978, iltqajt maʼ oħt jisimha Adel, li kienet tħobbu ħafna lil Ġeħova. Hi kienet taqdi bħala pijuniera regulari u fl-istess ħin kienet qed trabbi lit-tfal tagħha, Samuel u Shirley. Kienet ukoll qed tieħu ħsieb lil ommha, li kienet kbira fl-età. Imbagħad f’Mejju tal-1981, erġajt mort il-​Filippini biex niżżewweġ lil Adel. Wara li żżewwiġna, aħna qdejna bħala pijunieri regulari u ħadna ħsieb lill-familja tagħna.

Naqdi f’Palawan maʼ Adel u mat-tfal tagħna, Samuel u Shirley

Avolja kelli familja, fl-1983 erġajt bdejt naqdi bħala pijunier speċjali u ntbgħatt fl-inħawi taʼ Palawan, fuq il-gżira jisimha Linapacan. Bħala familja morna noqogħdu fuq din il-gżira fejn ma kienx hemm Xhieda. Omm Adel mietet xi sena wara. Imma aħna bqajna ffokati fuq li naqdu lil Ġeħova u dan għenna biex ma nħossuniex imdejqin iżżejjed. Aħna tant kellna studji tal-Bibbja li xtaqu jibdew jattendu l-laqgħat, li ma damx ma kellna bżonn Sala tas-Saltna. Allura bnejna waħda aħna. Tliet snin biss wara li wasalna vera konna ferħanin meta rajna 110 persuni għat-Tifkira. Ħafna minnhom tgħammdu wara li tlaqna.

Fl-1986, intbgħatt biex naqdi fil-gżira taʼ Culion, li fiha kien hemm grupp taʼ nies morda bil-ġdiem. Ftit ġranet wara, Adel ukoll bdiet taqdi bħala pijuniera speċjali. Għall-ewwel ma konniex komdi nippritkaw lil dawn in-nies għax konna nibżgħu li nittieħdu. Imma l-aħwa li kienu jgħixu fuq dik il-gżira qalulna li n-nies kienu qed jirċievu l-kura u allura ċ-ċans li taqbadna din il-marda kien żgħir. Xi ftit minn dawn in-nies bdew jiġu għal-laqgħat fid-dar taʼ oħt. Ma domniex ma drajna u maż-żmien bdejna nieħdu pjaċir nitkellmu maʼ nies li kienu jħossuhom li Alla u nies oħra ma jħobbuhomx. Kienet xi ħaġa vera sabiħa li naraw lil nies b’marda serja jifirħu għax jitgħallmu li xi darba jistaʼ jkollhom saħħa perfetta.—Luqa 5:​12, 13.

It-tfal tagħna ma damux ma draw il-ħajja f’Culion. Jien u Adel konna stidinna lil żewġ aħwa nisa żgħażagħ minn Coron biex jiġu magħna ħalli t-tfal tagħna jkollhom ħbieb tajbin. Samuel, Shirley, u dawn iż-żewġ aħwa nisa kienu qed imorru tajjeb fuq is-service. Huma bdew jistudjaw maʼ ħafna tfal u jien u Adel konna qed nistudjaw mal-ġenituri tagħhom. Fil-fatt, kien hemm żmien li konna qed nistudjaw maʼ 11-il familja. Maż-żmien tant kellna studji tal-Bibbja li qed jagħmlu progress li stajna nibdew kongregazzjoni ġdida!

Għall-ewwel jien kont l-uniku anzjan f’dawk in-naħat. Allura l-uffiċċju tal-fergħa staqsewni biex nagħmel il-laqgħat taʼ kull ġimgħa għat-tmien pubblikaturi li kien hemm f’Culion. Imbagħad qaluli biex nagħmel l-istess mad-disaʼ pubblikaturi li kien hemm f’villaġġ jismu Marily, li biex nasal għalih kelli naqbad dgħajsa u nivvjaġġa tliet sigħat. Wara l-laqgħat f’Marily, jien u l-familja konna nimxu fil-muntanji għal ħafna sigħat biex nagħmlu xi studji tal-Bibbja li kellna f’villaġġ jismu Halsey.

Maż-żmien tant ġew nies fil-verità f’Marily u Halsey li bnejna Sala tas-Saltna f’kull wieħed minn dawn il-villaġġi. Bħalma ġara f’Linapacan, l-aħwa u dawk li kienu interessati fil-verità pprovdew il-materjal li kien hemm bżonn għall-bini u għenuna fix-xogħol. Is-sala f’Marily setgħet tesaʼ 200 persuna u peress li setgħet tikber, stajna nagħmlu l-assembleat hemmhekk.

ŻMIEN IKRAH F’ĦAJTI U KIF ERĠAJT SIBT IL-FERĦ

Fl-1993 meta t-tfal kienu kibru, jien u Adel bdejna nagħmlu x-xogħol tas-circuit fil-​Filippini. Imbagħad fis-sena 2000 jien mort l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali ħalli niġi ttrennjat biex inkun għalliem għal dik l-iskola. Jien ma kontx inħossni kapaċi għal dak l-inkarigu imma Adel dejjem inkuraġġietni. Hi kienet tfakkarni li Ġeħova kien ħa jtini s-saħħa li għandi bżonn biex nagħmel dan l-inkarigu ġdid. (Flp. 4:13) Hi kienet taf li dak li qed tgħid hu vera għax Ġeħova kien għenha biex tkompli fl-inkarigu tagħha waqt li kellha problemi taʼ saħħa.

Fl-2006 meta kont qed naqdi bħala għalliem, sirna nafu li Adel kellha l-Parkinson’s. Din ma konniex qed nistennewha. Jien issuġġerejt biex nieqfu mill-inkarigu li kellna ħalli nieħu ħsiebha. Imma hi qaltli, “Ejja nsibu tabib li jistaʼ jgħinni fil-marda li għandi u naf li Ġeħova ħa jgħinna nkomplu.” Fis-sitt snin taʼ wara, Adel baqgħet taqdi lil Ġeħova mingħajr qatt ma gergret. Meta ma setgħetx tibqaʼ timxi, hi kienet tagħmel is-service billi tuża l-wheelchair. U meta ma setgħetx tibqaʼ titkellem, hi kienet tikkummenta waqt il-laqgħat billi tuża kelma jew tnejn. Sakemm mietet fl-2013, Adel baqgħet tirċievi messaġġi mingħand l-aħwa li jgħidulha kemm kienu japprezzaw l-isforzi li kienet qed tagħmel. Jien kont qattajt 30 sena mal-mara leali tiegħi u li kienet taf tħobb, allura meta mietet erġajt bdejt inħossni mdejjaq u waħdi.

Adel xtaqitni nkompli fl-inkarigu tiegħi, allura jien hekk għamilt. Jien rajt li jkolli ħafna x’nagħmel u dan għenni biex ma nkunx daqshekk imdejjaq. Mill-2014 sal-2017, jien kelli l-inkarigu li nżur kongregazzjonijiet li jitkellmu bit-Tagalog f’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna kien ristrett. Wara ġejt assenjat biex inżur kongregazzjonijiet tat-Tagalog fit-Tajwan, fl-Istati Uniti, u fil-Kanada. Fl-2019, jien kont għalliem fl-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna bl-Ingliż fl-Indja u t-Tajlandja. Kont ferħan ħafna b’dawn l-inkarigi kollha li kelli. L-iktar li nkun ferħan huwa meta jkolli ħafna x’nagħmel fix-xogħol taʼ Ġeħova.

DEJJEM SE JKOLLNA L-GĦAJNUNA LI GĦANDNA BŻONN

F’kull inkarigu ġdid li jkolli, dejjem insir inħobb l-aħwa li niltaqaʼ magħhom, u allura meta jkolli mmur xi mkien ieħor insibha diffiċli ħafna biex nitlaq. Meta jiġri hekk, jien nafda kompletament f’Ġeħova. Dejjem esperjenzajt is-sapport tiegħu, u dan għenni biex naċċetta l-bidliet li jiġu. Illum qed naqdi bħala pijunier speċjali fil-​Filippini. Jien drajt fil-kongregazzjoni l-ġdida u l-aħwa saru qishom familja li jieħdu ħsiebi u jissapportjawni. Jien vera kburi b’Samuel u Shirley li qed jimitaw l-eżempju tajjeb t’ommhom.—3 Ġw. 4.

Il-kongregazzjoni saret familja li tieħu ħsiebi

Jien esperjenzajt ħafna affarijiet diffiċli fil-ħajja, u anki rajt lill-mara tiegħi tbati u tmut b’marda kerha ħafna. Kelli nadatta għal ħafna ċirkustanzi ġodda. Imma jien rajt li Ġeħova “mhux ’il bogħod minna.” (Atti 17:27) Ġeħova dejjem lest biex jgħin u jinkuraġġixxi lill-qaddejja leali tiegħu anke jekk ikunu f’pajjiżi ’l bogħod. (Isa. 59:1) Ġeħova, il-Blata tiegħi, kien miegħi matul ħajti kollha u jien vera napprezza dak li għamel miegħi. Jien qatt ma kont waħdi.

a Ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 taʼ Settembru 1972, pp. 521-527.