Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħalli int lill-Fuħħari l-Kbir isawrek?

Tħalli int lill-Fuħħari l-Kbir isawrek?

“Ara! Bħat-​tafal f’id il-​fuħħari, hekk intom f’idi.”—ĠEREMIJA 18:6.

GĦANJIET: 60, 22

1, 2. Alla għala kkunsidra lil Danjel bħala “raġel maħbub ħafna,” u kif nistgħu nkunu ubbidjenti bħal Danjel?

META l-​Lhud ittieħdu fil-​belt taʼ Babilonja, raw li kienet mimlija idoli u nies li kienu jqimu lil spirti mill-​agħar. Minkejja dan, Lhud leali, bħal pereżempju Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu, irrifjutaw li jiġu msawrin min-​nies taʼ Babilonja. (Danjel 1:6, 8, 12; 3:16-​18) Danjel u l-​ħbieb tiegħu aċċettaw lil Ġeħova bħala l-​Fuħħari tagħhom u komplew iqimu lilu biss. Għalkemm Danjel għex f’ambjent ħażin għal kważi ħajtu kollha, anġlu t’Alla qal li kien “raġel maħbub ħafna.”—Danjel 10:11, 19.

2 Fi żminijiet Bibliċi, fuħħari setaʼ jagħżel li jitfaʼ u jagħfas it-​tafal ġo forma ħalli jifformah kif jixtieq hu. Illum il-​ġurnata, l-​aduraturi veri jafu li Ġeħova hu l-​Mexxej tal-​univers u għandu l-​awtorità li jsawwar il-​ġnus. (Aqra Ġeremija 18:6.) Alla għandu l-​awtorità wkoll li jsawwar lil kull wieħed u waħda minna. Madanakollu, Ġeħova ma jġiegħel lil ħadd jinbidel. Minflok, iridna nkunu lesti li nħalluh isawwarna. F’dan l-​artiklu, se nitgħallmu dwar kif nistgħu nibqgħu bħal tafal artab f’idejn Alla. Se niddiskutu t-​tliet mistoqsijiet li ġejjin: (1) Kif nistgħu nevitaw tendenzi li jistgħu jġegħluna nirrifjutaw il-​parir t’Alla u nsiru bħal tafal iebes? (2) Kif nistgħu niżviluppaw kwalitajiet li jgħinuna nibqgħu ubbidjenti u bħal tafal artab? (3) Il-​ġenituri Kristjani kif jistgħu jaħdmu m’Alla meta jsawru lil uliedhom?

EVITA TENDENZI LI JISTGĦU JWEBBSU L-​QALB

3. Liema tendenzi jistgħu jwebbsu l-​qalb? Agħti eżempju.

3 Proverbji 4:23 jgħid: “Iktar minn kull ħaġa oħra li għandek tħares, ħares lil qalbek, għax minn ġo fiha ġejjin is-​sorsi tal-​ħajja.” Biex qalbna ma ssirx iebsa, irridu nevitaw tendenzi negattivi bħalma huma l-​kburija, l-​ipprattikar tad-​dnub, u n-​nuqqas taʼ fidi. Jekk ma noqogħdux attenti, dawn jistgħu jwassluna biex inkunu diżubbidjenti u ribellużi. (Danjel 5:1, 20; Ebrej 3:13, 18, 19) Hekk ġara lis-​Sultan Użżija taʼ Ġuda. (Aqra t-​2 Kronaki 26:3-​5, 16-​21.) Għall-​ewwel, Użżija kien ubbidjenti u kellu relazzjoni tajba m’Alla, u għalhekk Alla tah is-​saħħa. Imma “malli sar b’saħħtu, qalbu tkabbret.” Tant kibritlu rasu li pprova jaħraq l-​inċens fit-​tempju avolja l-​qassisin biss setgħu jagħmlu dan. Meta l-​qassisin qalulu li dak li kien qed jagħmel ma kienx sew, Użżija rrabja ħafna! Ġeħova umilja lis-​sultan kburi, u laqtu bil-​ġdiem għall-​bqija taʼ ħajtu.—Proverbji 16:18.

4, 5. X’jistaʼ jiġri jekk ma noqogħdux attenti għall-​kburija? Agħti eżempju.

4 Jekk ma nevitawx il-​kburija, nistgħu nibdew naħsbu li aħna aħjar minn ħaddieħor u forsi nibdew ninjoraw il-​parir li ningħataw mill-​Bibbja. (Proverbji 29:1; Rumani 12:3) Hekk ġara lil anzjan li jismu Jim. Hu ma qabilx mal-​anzjani l-​oħra fil-​kongregazzjoni dwar ċerta sitwazzjoni. Jim jgħid: “Għedtilhom li ma kinux qed juru mħabba u tlaqt mil-​laqgħa.” Xi sitt xhur wara, bidel il-​kongregazzjoni imma ma ġiex maħtur bħala anzjan hemmhekk. Jim ħadha bi kbira. Tant kien konvint li kellu raġun li waqaf jaqdi lil Ġeħova u kien inattiv għal 10 snin. Hu jgħid li kien kburi u li beda jwaħħal f’Ġeħova għal dak li kien qed jiġri. Għal snin sħaħ, l-​aħwa kienu jżuruh u jipprovaw jgħinuh, imma Jim irrifjuta l-​għajnuna tagħhom.

5 Jim jgħid: “Moħħi ma setax jieqaf jhewden kemm l-​oħrajn kienu żbaljati f’għajnejja.” L-​eżempju tiegħu jurina li l-​kburija tistaʼ ġġegħelna niddefendu l-​imġiba mhix tajba tagħna. Meta jiġri dan, ma nibqgħux bħal tafal artab. (Ġeremija 17:9) Ġieli ġejt imweġġaʼ minn xi ħu jew oħt? Qatt ħassejtek iddispjaċut għax tlift xi privileġġ? Kif irreaġixxejt? Sirt kburi, jew irrealizzajt li l-​iktar affarijiet importanti huma li tagħmel paċi maʼ ħutek u li tibqaʼ leali lejn Ġeħova?—Aqra Salm 119:165; Kolossin 3:13.

6. X’jistaʼ jiġri jekk niħduha drawwa li nidinbu?

6 Meta individwu jkompli jidneb u anki jaħbi dak li jkun qed jagħmel, jistaʼ jkun iktar diffiċli għalih biex jaċċetta l-​pariri t’Alla. Imbagħad jistaʼ jsir eħfef għalih biex jidneb. Ħu qal li maż-​żmien l-​imġiba mhix xierqa tiegħu lanqas baqgħet iddejqu xejn. (Ekkleżjasti 8:11) Ħu ieħor, li għal xi żmien kellu l-​vizzju li jara l-​pornografija, iktar tard qal: “Irrealizzajt li bdejt nikkritika lill-​anzjani.” Id-​drawwa tiegħu ħassritlu r-​relazzjoni li kellu maʼ Ġeħova. Meta oħrajn skoprew x’kien qed jagħmel, ingħata l-​għajnuna mill-​anzjani. Huwa minnu li lkoll kemm aħna imperfetti. Imma jekk noqogħdu nikkritikaw lil dawk li jagħtuna l-​pariri jew jekk inġibu l-​iskużi meta nagħmlu xi ħaġa ħażina minflok ma nitolbu lil Alla biex jaħfrilna u jgħinna, qalbna tistaʼ trabbi l-​kallu.

L-​Iżraelin diżubbidjenti mietu fid-​deżert minħabba l-​ebusija taʼ qalbhom u minħabba n-​nuqqas taʼ fidi

7, 8. (a) L-​Iżraelin tal-​qedem kif urew li qalbhom kienet ibbieset minħabba n-​nuqqas taʼ fidi? (b) X’nitgħallmu minn dan?

7 Meta Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu, huma rawh jagħmel ħafna mirakli tal-​għaġeb. Minkejja dan, hekk kif qorbu lejn l-​Art Imwiegħda, qalbhom ibbieset. Għala? Għax ma kellhomx fidi f’Alla. Minflok ma fdaw f’Ġeħova, bdew jibżgħu u jilmentaw kontra Mosè. Saħansitra riedu jmorru lura l-​Eġittu, fejn qabel kienu lsiera! Ġeħova ħassu mweġġaʼ ħafna u qal: “Kemm se jdumu dawn in-​nies ma jurunix rispett?” (Numri 14:1-​4, 11; Salm 78:40, 41) Dawn l-​Iżraelin mietu fid-​deżert minħabba l-​ebusija taʼ qalbhom u minħabba n-​nuqqas taʼ fidi.

8 Illum il-​ġurnata, aħna ninsabu qrib ħafna tad-​dinja l-​ġdida, u l-​fidi tagħna qed tgħaddi minn prova. Allura, irridu neżaminaw il-​kwalità tal-​fidi tagħna. Kif nistgħu nkunu ċerti li hi b’saħħitha? Nistgħu neżaminaw il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 6:33. Saqsi lilek innifsek: ‘Il-​miri u d-​deċiżjonijiet tiegħi juru biċ-​ċar li tassew nemmen kliem Ġesù? Se nitlef il-​laqgħat jien jew ma noħroġx fis-​servizz biex naqlaʼ iktar flus? X’se nagħmel jekk l-​impjieg tiegħi jitlob iktar mill-​ħin u l-​enerġija tiegħi? Se nħalli din id-​dinja ssawwarni u forsi twaqqafni milli naqdi lil Ġeħova?’

9. Għala għandna ‘nibqgħu ngħarblu’ jekk aħniex fil-​fidi, u kif nistgħu nagħmlu dan?

9 Jekk ma nsegwux dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​ħbiberiji ħżiena, il-​qtugħ mis-​sħubija, jew id-​divertiment, qalbna tistaʼ tibbies. X’għandek tagħmel jekk jibda jiġrilek hekk? B’mod urġenti jkollok teżamina l-​fidi tiegħek! Il-​Bibbja tgħid: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) Kun onest miegħek innifsek, u uża l-​Kelma t’Alla regolarment biex tikkoreġi l-​mod kif taħseb.

IBQAʼ KUN BĦAL TAFAL ARTAB

10. X’jistaʼ jgħinna nkunu bħal tafal artab f’idejn Ġeħova?

10 Biex jgħinna nibqgħu nkunu bħal tafal artab, Alla tana Kelmtu, il-​kongregazzjoni Kristjana, u l-​ministeru. Meta kuljum naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuqha, dan se jgħinna nkunu bħal tafal artab li jkun faċli biex jinħadem f’idejn Ġeħova. Ġeħova kkmanda lis-​slaten tal-​Iżrael biex jagħmlu kopja tal-​Liġi t’Alla bil-​miktub u jaqrawha kuljum. (Dewteronomju 17:18, 19) L-​appostli kienu jafu li kien importanti ħafna għall-​ministeru tagħhom li jaqraw l-​Iskrittura u jimmeditaw fuqha. Huma użaw siltiet mill-​Iskrittura Ebrajka mijiet taʼ drabi fil-​kitbiet tagħhom, u meta ppritkaw lin-​nies, huma inkuraġġewhom jużaw l-​Iskrittura wkoll. (Atti 17:11) B’mod simili, aħna wkoll naraw li hu importanti li naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuqha. (1 Timotju 4:15) Dan jgħinna nibqgħu umli, u b’hekk Ġeħova jkun jistaʼ jsawwarna.

Uża l-provvedimenti t’Alla biex jgħinuk tibqaʼ bħal tafal artab (Ara paragrafi 10-13)

11, 12. Ġeħova kif jistaʼ juża l-​kongregazzjoni Kristjana biex isawwarna skont il-​bżonnijiet individwali tagħna? Agħti eżempju.

11 Ġeħova jaf x’għandu bżonn kull wieħed u waħda minna, u hu juża l-​kongregazzjoni Kristjana biex isawwarna. Jim, li ssemma qabel, beda jbiddel l-​attitudni tiegħu meta anzjan wera interess fih. Jim jgħid: “Lanqas darba ma waħħal fija għas-​sitwazzjoni li kont fiha u lanqas ma kkritikani. Minflok, baqaʼ pożittiv u wera li verament ried jgħinni.” Wara li għaddew xi tliet xhur, l-​anzjan stieden lil Jim jattendi laqgħa. Jim jgħid li l-​kongregazzjoni laqgħetu b’qalb tajba u li l-​imħabba tagħhom għenitu jbiddel il-​mod taʼ kif kien qed jaħseb. Beda jara li s-​sentimenti tiegħu ma kinux l-​iktar ħaġa importanti. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni taʼ Jim u martu inkuraġġewh, u bil-​mod il-​mod reġaʼ beda jaqdi lil Ġeħova. Jim ibbenefika wkoll meta qara l-​artikli “Jehovah m’Għandux Ħtija” u “Aqdi lil Jehovah Lealment,” li jinsabu fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Frar 1993.

12 Maż-​żmien, Jim reġaʼ sar anzjan. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, hu għen lil aħwa oħra jsolvu problemi simili u jsaħħu l-​fidi tagħhom. Hu jgħid li ħaseb li kellu relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova imma fil-​fatt ma kellux! Jiddispjaċih li ħalla l-​kburija ġġiegħlu jiffoka fuq in-​nuqqasijiet t’oħrajn minflok ma jiffoka fuq l-​affarijiet iktar importanti.—1 Korintin 10:12.

Meta nimitaw lil Kristu, in-​nies jinġibdu lejn il-​messaġġ tagħna u jafu jbiddlu l-​attitudni tagħhom lejna

13. Il-​ministeru tal-​għalqa jistaʼ jgħinna nikkultivaw liema kwalitajiet, u dan jistaʼ jwassal għal liema benefiċċji?

13 Il-​ministeru tal-​għalqa wkoll jistaʼ jsawwarna u jgħinna nsiru nies aħjar. Kif? Meta nippritkaw l-​aħbar tajba, irridu nuru kwalitajiet bħal pereżempju l-​umiltà u l-​aspetti differenti tal-​frott tal-​ispirtu t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Aħseb dwar il-​kwalitajiet tajbin li l-​ministeru għenek tiżviluppa. Meta nimitaw lil Kristu, in-​nies jinġibdu lejn il-​messaġġ tagħna u jafu jbiddlu l-​attitudni tagħhom lejna. Pereżempju, żewġ Xhieda fl-​Awstralja pprovaw jippritkaw lil mara f’darha, imma rrabjat ħafna u kienet maledukata magħhom. Però, ix-​Xhieda tawha widen b’rispett. Iktar tard, il-​mara ddispjaċieha għall-​mod kif ġabet ruħha u kitbet ittra lill-​uffiċċju tal-​fergħa. Skużat ruħha għall-​imġiba tagħha. Hi tgħid: “Kemm kont belha li kelli quddiemi tnejn minn nies li qed ixandru l-​Kelma t’Alla u jien minfuq bgħatthom ’l hemm b’dak il-​mod.” Minn din l-​esperjenza nistgħu naraw kemm hu taʼ valur li nużaw il-​ħlewwa meta nkunu qed nippritkaw. Iva, il-​ministeru tagħna jgħin lil oħrajn, imma jgħin lilna wkoll biex intejbu l-​personalità tagħna.

AĦDEM M’ALLA META SSAWWAR LIL ULIEDEK

14. X’għandhom jagħmlu l-​ġenituri jekk tassew iridu jkunu effettivi f’li jifformaw lil uliedhom?

14 Il-​biċċa l-​kbira mit-​tfal żgħar huma umli u ħerqanin li jitgħallmu. (Mattew 18:1-​4) Għalhekk, ikun għaqli li l-​ġenituri jgħinu lil uliedhom waqt li għadhom żgħar biex jitgħallmu dwar il-​verità u jsiru jħobbuha. (2 Timotju 3:14, 15) Sabiex il-​ġenituri jkollhom suċċess, l-​ewwel għandhom iħobbu l-​verità huma stess u japplikaw dak li tgħid il-​Bibbja f’ħajjithom stess. Meta l-​ġenituri jagħmlu dan, ikun eħfef biex uliedhom isiru jħobbu l-​verità. Ukoll, it-​tfal se jifhmu li meta jingħataw dixxiplina mill-​ġenituri tagħhom, dan juri li huma maħbubin minnhom u minn Ġeħova.

15, 16. Il-​ġenituri kif għandhom juru li jafdaw f’Alla jekk it-​tifel jew it-​tifla tiġi maqtugħa mis-​sħubija?

15 Anki meta l-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom il-​verità, xi tfal xorta jitilqu lil Ġeħova jew jiġu maqtugħin mis-​sħubija. Jekk jiġri dan, il-​familja tbati ħafna. Oħt fl-​Afrika t’Isfel tgħid: “Meta ħija ġie maqtugħ mis-​sħubija kien bħallikieku miet. Ħassejt qalbi ħa tinqasam!” Imma hi u l-​ġenituri tagħha x’għamlu? Huma segwew l-​istruzzjonijiet li nsibu fil-​Bibbja. (Aqra l-​1 Korintin 5:11, 13.) Il-​ġenituri kienu jafu li billi jobdu l-​parir t’Alla, kulħadd kien se jibbenefika. U fehmu li l-​fatt li ġie maqtugħ mis-​sħubija hu att taʼ dixxiplina u taʼ mħabba mingħand Ġeħova. Allura, kienu jikkuntattjawh biss minħabba xi sitwazzjoni verament neċessarja fil-​familja.

16 L-​iben kif ħassu? Iktar tard hu qal: “Kont naf li l-​familja tiegħi ma kinux jobogħduni, imma li kienu qed jobdu lil Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu.” Qal ukoll: “Meta tkun imġiegħel titlob bil-​ħrara lil Ġeħova biex jaħfirlek u jgħinek, tirrealizza kemm għandek bżonnu.” Immaġina l-​ferħ tal-​familja meta dan iż-​żagħżugħ ġie lura għand Ġeħova! Iva, se nkunu ferħanin u se jkollna suċċess meta dejjem nobdu lil Alla.—Proverbji 3:5, 6; 28:26.

Meta aħna nkunu umli u dejjem nobdu lil Ġeħova, se nkunu maħbubin ħafna minnu

17. Għala għandna nkunu dejjem sottomessi lejn Ġeħova, u kif se nibbenefikaw jekk nagħmlu hekk?

17 Il-​profeta Isaija bassar li l-​Lhud f’Babilonja kienu se jindmu u jgħidu: “O Ġeħova, int Missierna. Aħna t-​tafal, u int il-​Fuħħari tagħna; u aħna lkoll xogħol idejk.” Ukoll, kienu se jitolbu bil-​ħrara lil Ġeħova: “Tibqax tiftakar l-​iżball tagħna għal dejjem. Ħares, issa, jekk jogħġbok: aħna lkoll il-​poplu tiegħek.” (Isaija 64:8, 9) Meta aħna nkunu umli u dejjem nobdu lil Ġeħova, inkunu maħbubin ħafna minnu, bħalma kien Danjel. Ġeħova se jkompli jsawwarna permezz taʼ Kelmtu, l-​ispirtu tiegħu, u l-​organizzazzjoni tiegħu, ħalli fil-​futur insiru ‘wlied perfetti t’Alla.’—Rumani 8:21.