Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kwalità li togħġob lil Alla—Iktar prezzjuża mid-djamanti

Kwalità li togħġob lil Alla—Iktar prezzjuża mid-djamanti

In-​nies iqisu d-​djamanti bħala ħaġar prezzjuż ħafna. Xi djamanti jiswew miljuni taʼ dollari. Imma hemm xi ħaġa li Alla jqisha iktar prezzjuża mid-​djamanti jew minn xi ħaġar ieħor?

Haykanush, li hi pubblikatriċi mhux mgħammda fl-​Armenja, sabet passaport viċin id-​dar tagħha. Ġewwa l-​passaport kien hemm xi debit kards u ammont kbir taʼ flus. Hi qalet lil żewġha, li wkoll kien pubblikatur mhux mgħammed, dwar dak li kienet sabet.

Il-​koppja kellhom qagħda finanzjarja gravi u kellhom id-​dejn. Imma ddeċidew li jieħdu l-​flus fl-​indirizz li kien hemm fuq il-​passaport. Ir-​raġel li kien tilfu baqaʼ mbellah, u anki l-​familja tiegħu. Haykanush u żewġha spjegaw li huma kienu onesti minħabba dak li kienu qed jitgħallmu mill-​Bibbja. Imbagħad, użaw din l-​opportunità biex jitkellmu dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova u biex jagħtu xi letteratura lill-​familja.

Il-​familja riedet tagħti lil Haykanush xi flus bħala rigal, imma l-​pubblikatriċi ma riditx taċċetta. L-​għada, il-​mara marret għand Haykanush u żewġha, u biex turi kemm kienet grata, insistiet li Haykanush taċċetta ċurkett tad-​djamanti.

Bħal dik il-​familja, ħafna nies jibqgħu mistagħġba għall-​onestà li Haykanush u żewġha wrew. Imma Ġeħova baqaʼ mistagħġeb? Kif qies l-​onestà tagħhom? L-​onestà tagħhom kienet worth it?

KWALITAJIET IKTAR PREZZJUŻI MINN AFFARIJIET MATERJALI

It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet mhumiex diffiċli. Għala? Il-​qaddejja t’Alla jafu li għandhom jimitaw il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. Meta jagħmlu hekk, ikun iktar prezzjuż għalih mid-​djamanti, deheb, jew affarijiet materjali oħra. Iva, dak li jqis Ġeħova bħala prezzjuż hu differenti minn kif iqisuh il-​maġġorparti tan-​nies. (Isaija 55:8, 9) U l-​qaddejja tiegħu jħossu li l-​isforzi tagħhom biex jimitaw il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova huma prezzjużi ħafna.

Aħna nistgħu naraw dan minn dak li tgħid il-​Bibbja dwar id-​dixxerniment u l-​għerf. Proverbji 3:13-​15 jgħid: “Hieni l-​bniedem li sab l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dixxerniment, għax jekk ikollok l-​għerf bħala qligħ ikun aħjar mill-​fidda, u li jkollok lilu bħala dħul aħjar mid-​deheb. Huwa iktar prezzjuż mill-​qroll, u l-​affarijiet l-​oħrajn kollha li titgħaxxaq bihom ma jiswewx daqsu.” B’mod ċar, Ġeħova japprezza kwalitajiet bħal dawn iktar minn kwalunkwe teżori materjali oħrajn.

U xi ngħidu dwar l-​onestà?

Ġeħova nnifsu hu onest. Hu “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) U hu nebbaħ l-​appostlu Pawlu biex jikteb lill-​Kristjani Ebrej fl-​ewwel seklu: “Ibqgħu itolbu għalina, għax aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, peress li nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.

Ġesù Kristu ħallielna eżempju tajjeb tal-​onestà. Pereżempju, meta l-​Qassis il-​Kbir Kajfa qal, “Inġiegħlek taħlef bl-​Alla l-​ħaj biex tgħidilna jekk intix il-​Kristu, Bin Alla!,” Ġesù Kristu kien onest u identifika lilu nnifsu bħala l-​Messija. Hu qal il-​verità għalkemm kien jaf li s-​Sinedriju setaʼ jakkużah li kien qed jidgħi u li dan setaʼ jwassal għall-​mewt tiegħu.—Mattew 26:63-​67.

Xi ngħidu għalina? Se nibqgħu onesti jekk inkunu f’pożizzjoni fejn nistgħu nibbenefikaw materjalment billi ma ngħidux il-​fatti kollha jew billi nbiddlu xi ftit mill-​fatti?

L-​ISFIDA TAʼ LI NKUNU ONESTI

Jistaʼ jkun diffiċli biex xi ħadd ikun onest f’dawn l-​aħħar jiem meta ħafna “jħobbu lilhom infushom” u “jħobbu l-​flus.” (2 Timotju 3:2) Meta jkun hemm kriżi finanzjarja jew meta jkun diffiċli biex dak li jkun isib xogħol, ħafna ma jaħsbuhiex darbtejn biex jisirqu, iqarrqu, jew jagħmlu xi affarijiet oħra b’mod diżonest. Dan it-​tip taʼ ħsieb tant hu komuni li ħafna jaħsbu li l-​uniku mod biex jibbenefikaw b’mod materjali hu billi jkunu diżonesti. Anki xi Kristjani ħadu dawn it-​tipi taʼ deċiżjonijiet u minħabba li għamlu “qligħ diżonest” spiċċaw tilfu r-​reputazzjoni tajba li kellhom fil-​kongregazzjoni.—1 Timotju 3:8; Titu 1:7.

Madankollu, il-​maġġorparti tal-​Kristjani, jimitaw lil Ġesù. Huma jirrealizzaw li meta jkollhom kwalitajiet bħal dawk t’Alla, dan ikun iktar importanti minn kwalunkwe ġid materjali jew benefiċċju. Huwa għalhekk li Kristjani żgħażagħ ma jqarrqux biex ikollhom riżultati tajbin fl-​iskola. (Proverbji 20:23) L-​onestà mhux dejjem tirriżulta fi premju, bħalma kellha Haykanush. Minkejja dan, li nkunu onesti hu ġust f’għajnejn Alla, u meta nagħmlu hekk jippermettilna li jkollna kuxjenza nadifa, xi ħaġa verament taʼ valur.

L-​eżempju taʼ Gagik juri dan. Hu jgħid: “Qabel sirt Kristjan, kont qed naħdem maʼ kumpanija kbira, fejn is-​sid kien jevita li jħallas it-​taxxa billi jirrapporta biss ammont żgħir mill-​profitt tal-​kumpanija. Bħala direttur maniġerjali, kont mistenni li nasal għal ‘ftehim’ mal-​awditur tat-​taxxa billi nxaħħmu ħalli jagħlaq għajnejh għas-​serq li ħadet drawwa tagħmel il-​kumpanija. B’hekk, kelli r-​reputazzjoni li nkun diżonest. Meta tgħallimt il-​verità, waqaft minn dan ix-​xogħol għalkemm kelli paga tajba ħafna. Minflok, ftaħt in-​negozju tiegħi stess. Mill-​ewwel irreġistrajt il-​kumpanija tiegħi b’mod legali u ħallast it-​taxxi kollha dovuti.”—2 Korintin 8:21.

Gagik jgħid: “Id-​dħul tiegħi naqas kważi bin-​nofs, u allura kienet taʼ sfida biex nipprovdi għall-​familja. Madankollu, issa nħossni iktar ferħan. Għandi kuxjenza nadifa quddiem Ġeħova. Jien eżempju tajjeb għaż-​żewġ uliedi subien, u kkwalifikajt għall-​privileġġi fil-​kongregazzjoni. Fost l-​awdituri u oħrajn li ninnegozja magħhom issa għandi reputazzjoni taʼ raġel onest.”

ĠEĦOVA JGĦINNA

Ġeħova jħobb lil dawk li jġibulu tifħir meta jimitaw il-​kwalitajiet mill-​isbaħ tiegħu, fosthom l-​onestà. (Titu 2:10) U meta nagħmlu dan, hu jwiegħed li jgħinna. Hu nebbaħ lis-​Sultan David biex jgħid: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż.”—Salm 37:25.

L-​esperjenza taʼ Rut, li kienet leali, tagħti prova taʼ dan. Hi b’lealtà għexet mal-​kunjata tagħha, Nagħomi, minflok ma ħallietha waħedha għax kienet xjaħet. Rut marret l-​Iżrael, fejn setgħet tqim lill-​Alla l-​veru. (Rut 1:16, 17) Hi kienet onesta u kienet taħdem iebes biex tiġbor milli jkun fadal fl-​għelieqi, billi kienet issegwi l-​arranġament tal-​Liġi għall-​foqra. U simili għal dak li David esperjenza iktar tard, Ġeħova qatt m’abbanduna lil Rut u Nagħomi. (Rut 2:2-​18) Apparti minn hekk, Ġeħova għamel ħafna iktar milli sempliċiment ipprovda lil Rut affarijiet materjali. Hu għażilha biex tkun parti mil-​linja tal-​familja tas-​Sultan David u anki tal-​Messija mwiegħed!—Rut 4:13-​17; Mattew 1:5, 16.

Għandu mnejn ikun diffiċli ħafna għal xi qaddejja taʼ Ġeħova biex jaqilgħu biżżejjed flus għall-​affarijiet bażiċi tagħhom. Madankollu, minflok ma jipprovaw isibu soluzzjoni faċli li hi diżonesta, huma jaħdmu iebes u b’mod diliġenti. Billi jagħmlu hekk, huma juru li l-​kwalitajiet mill-​isbaħ t’Alla, inkluż l-​onestà, huma iktar prezzjużi għalihom minn kwalunkwe ħaġa materjali oħra.—Proverbji 12:24; Efesin 4:28.

Bħal Rut, il-​Kristjani madwar id-​dinja wrew fidi fil-​qawwa taʼ Ġeħova li tistaʼ tgħinhom. Huma jafdaw għalkollox fil-​Wieħed li wiegħed: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Għal darba wara l-​oħra, Ġeħova wera li hu jistaʼ u se jgħin lil dawk li huma onesti l-​ħin kollu. Hu dejjem żamm kelmtu biex jipprovdi l-​affarijiet bażiċi għall-​qaddejja tiegħu.—Mattew 6:33.

Iva, in-​nies għandhom mnejn japprezzaw id-​djamanti u affarijiet materjali oħra. Imma aħna nistgħu nkunu ċerti li Missierna tas-​smewwiet japprezza ħafna meta aħna nkunu onesti u jkollna kwalitajiet tajbin oħra. Fil-​fatt hu japprezzahom bil-​wisq iktar minn kwalunkwe ħaġra jew djamant!

Meta nkunu onesti, inkunu nistgħu nitkellmu man-nies fil-ministeru b’kuxjenza nadifa