Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ir-raġel li għandu l-kaxxa tal-kitba taʼ segretarju jirrappreżenta lil Ġesù Kristu. Hu l-wieħed li jimmarka lil dawk li se jsalvaw

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Fil-​viżjoni t’Eżekjel, ir-​raġel li għandu l-​kaxxa tal-​kitba taʼ segretarju lil min jirrappreżenta? U s-​sitt irġiel bl-​armi biex ifarrku bihom lil min jirrappreżentaw?

Dawn jirrappreżentaw il-​qawwiet fis-​sema li kienu involuti fil-​qerda taʼ Ġerusalemm u li se jkunu involuti wkoll fil-​qerda tad-​dinja mill-​agħar taʼ Satana f’Armageddon. Dan hu aġġustament fil-​fehma tagħna. Għala kien hemm bżonn taʼ dan l-​aġġustament?

Qabel is-​sena 607 QK, Ġeħova ta viżjoni lil Eżekjel dwar x’kien se jiġri lil Ġerusalemm qabel ma tiġi meqruda. Fil-​viżjoni, Eżekjel ra ħafna affarijiet mill-​agħar iseħħu hemm. Imbagħad, hu ra sitt irġiel li “kull wieħed minnhom kellu l-​arma tiegħu f’idu biex ifarrak biha. Magħhom kien hemm raġel liebes l-​għażel, u kellu l-​kaxxa tal-​kitba taʼ segretarju.” (Eżekjel 8:6-​12; 9:2, 3) Dan ir-​raġel intqallu biex jgħaddi minn nofs il-​belt u jagħmel “marka fuq ġbin dawk li qed jitniehdu u jokorbu minħabba l-​affarijiet mistkerrhin kollha li qed isiru f’nofsha.” Imbagħad lis-​sitt irġiel bl-​armi ntqalilhom biex joqtlu lil kull min kien fil-​belt li ma kellux il-​marka. (Eżekjel 9:4-​7) X’nistgħu nitgħallmu minn din il-​viżjoni? U r-​raġel li għandu l-​kaxxa tal-​kitba taʼ segretarju lil min jirrappreżenta?

Eżekjel kellu din il-​viżjoni fis-​sena 612 QK. Din kienet profezija li kellha l-​ewwel twettiq tagħha ħames snin wara, meta Ġeħova ppermetta l-​armata taʼ Babilonja biex teqred lil Ġerusalemm. B’dan il-​mod, Ġeħova uża l-​Babiloniżi biex jikkastiga lill-​poplu diżubbidjenti tiegħu. (Ġeremija 25:9, 15-​18) Imma xi ngħidu dwar il-​Lhud ġusti li ma qablux mal-​affarijiet ħżiena li kienu qed iseħħu fil-​belt? Ġeħova għamel ċert li jsalvaw.

Fil-​viżjoni, Eżekjel ma mmarka lil ħadd b’mod letterali jew ħa sehem fil-​qerda tal-​belt. Minflok, kienu l-​anġli li dderiġew il-​qerda taʼ Ġerusalemm. Għalhekk, din il-​profezija ttina opportunità biex naraw x’jiġri fis-​sema. Ġeħova qal lill-​anġli tiegħu biex jorganizzaw il-​qerda taʼ dawk mill-​agħar u biex jagħmlu ċert li dawk ġusti jsalvaw. *

Din il-​profezija se tiġi mwettqa wkoll fil-​futur. Aħna konna ngħidu li r-​raġel li għandu l-​kaxxa tal-​kitba taʼ segretarju jirrappreżenta l-​midlukin li għadhom ħajjin fuq l-​art. Aħna għedna wkoll li n-​nies kienu qed jiġu mmarkati għas-​salvazzjoni meta huma jisimgħu u jaċċettaw l-​aħbar tajba li aħna nippritkaw. Imma, reċentement, deher ċar li kellna bżonn inbiddlu l-​mod kif nispjegaw din il-​profezija. Minn Mattew 25:31-​33, aħna tgħallimna li Ġesù hu l-​wieħed li jiġġudika n-​nies. Dan se jagħmlu fil-​futur, matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. F’dak iż-​żmien, dawk li jiġu ġġudikati bħala nagħaġ se jsalvaw, imma dawk li jiġu ġġudikati bħala mogħoż se jinqerdu.

Allura, x’nitgħallmu mill-​viżjoni taʼ Eżekjel? Ħa nitgħallmu ħames lezzjonijiet:

  1. Qabel ma Ġerusalemm ġiet meqruda, Eżekjel, Ġeremija, u Isaija wissew il-​poplu dwar x’kien se jiġri lill-​belt. Dawn kienu bħal għassiesa. Illum, Ġeħova qed juża grupp żgħir taʼ wħud midlukin biex jgħallem il-​poplu tiegħu u biex iwissi nies oħrajn qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Fil-​fatt, il-​poplu kollu t’Alla, jiġifieri, il-​qaddejja taʼ dar Kristu, għandhom sehem f’dan ix-​xogħol taʼ twissija.—Mattew 24:45-​47.

  2. Eżekjel ma mmarkax lil dawk li kellhom isalvaw. Lanqas il-​poplu taʼ Alla llum ma jagħmlu dan. Huma sempliċement jippritkaw lill-​oħrajn u jwissuhom dwar x’se jiġri fil-​futur. Dan l-​ippritkar madwar id-​dinja qed isir bl-​għajnuna tal-​anġli.—Rivelazzjoni 14:6.

  3. Dawk li salvaw fi żmien Eżekjel, ma kellhomx marka letterali fuq ġbinhom. Bl-​istess mod, dawk li se jiġu salvati fi żmienna mhux se jkollhom marka letterali. X’għandhom jagħmlu n-​nies biex isalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira? Meta jisimgħu t-​twissija, għandhom jitgħallmu jimitaw lil Kristu, jiddedikaw lilhom infushom lil Alla, u jappoġġaw lil ħut Kristu billi jippritkaw l-​aħbar tajba. (Mattew 25:35-​40) Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, dawn se jirċievu l-​marka, jiġifieri, li se jiġu magħżula biex isalvaw.

  4. Ir-​raġel li għandu l-​kaxxa tal-​kitba jirrappreżenta lil Ġesù. Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġesù se jimmarka lill-​folla l-​kbira meta jiġġudikahom bħala nagħaġ. Imbagħad, se jkollhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem hawn fuq l-​art.—Mattew 25:34, 46. *

  5. Illum, is-​sitt irġiel bl-​armi biex ifarrku jirrappreżentaw l-​armati tas-​sema, li huma mmexxija minn Ġesù. Dalwaqt se jeqirdu lill-​umanità u jġibu fit-​tmiem il-​ħażen kollu.—Eżekjel 10:2, 6, 7; Rivelazzjoni 19:11-​21.

Il-​lezzjonijiet li nitgħallmu minn din il-​viżjoni jgħinuna nkunu fiduċjużi li Ġeħova mhux se jeqred lin-​nies ġusti flimkien maʼ dawk mill-​agħar. (2 Pietru 2:9; 3:9) Ukoll, il-​lezzjonijiet li tgħallimna jfakkruna li l-​ippritkar fi żmienna hu importanti ħafna. Kulħadd għandu bżonn jismaʼ t-​twissija qabel ma jiġi t-​tmiem!—Mattew 24:14.

^ par. 6 Dawk li ġew salvati, bħal Baruk (is-​segretarju taʼ Ġeremija), Għebed-​melek l-​Etjopjan, u r-​Rekabin, ma kellhomx marka letterali fuq ġbinhom. (Ġeremija 35:1-​19; 39:15-​18; 45:1-​5) Il-​marka simbolika sempliċiment fissret li huma kienu se jsalvaw.

^ par. 12 Il-​midlukin leali mhux se jkollhom bżonn jirċievu din il-​marka biex isalvaw. Minflok, se jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill jew qabel ma jmutu jew inkella qabel il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira.—Rivelazzjoni 7:1, 3.