Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25

Anzjani—Tgħallmu minn Gidegħon

Anzjani—Tgħallmu minn Gidegħon

“Qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar Gidegħon.”—EBR. 11:32.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Skont l​-1 Pietru 5:2, liema xogħol importanti għandhom jagħmlu l-anzjani?

 L-ANZJANI għandhom jieħdu ħsieb lin-nagħaġ prezzjużi taʼ Ġeħova. Dawn l-aħwa leali japprezzaw li Ġeħova jafdahom biex jgħinu lill-aħwa, u huma jaħdmu iebes biex ikunu “rgħajja li jirgħuhom tassew.” (Ġer. 23:4; aqra l​-1 Pietru 5:2.) Aħna vera napprezzaw li għandna rġiel bħal dawn fil-kongregazzjonijiet tagħna!

2. Xi anzjani liema sfidi jiffaċċjaw?

2 L-anzjani jkollhom ħafna sfidi waqt li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom. Pereżempju, l-anzjani jridu jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Anzjan fl-Istati Uniti jismu Tony kellu jitgħallem ikun modest u joqgħod attent kemm jaċċetta xogħol. Hu qal: “Meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19, ipprovajt nagħmel iżjed xogħol biex norganizza l-laqgħat u l-ministeru. Imma dejjem kien ikun hemm iktar xogħol x’nagħmel. Imbagħad tant beda jkolli x’nagħmel li ma bqajtx inħalli ħin biex naqra l-Bibbja, nistudja, u nitlob.” Ilir, anzjan fil-Kosovo, kellu sfida differenti. Meta kien hemm il-gwerra fil-pajjiż, sabha diffiċli biex jobdi d-direzzjoni tal-organizzazzjoni. Hu jgħid: “Meta l-uffiċċju tal-fergħa tani inkarigu biex ngħin lill-aħwa li kienu f’post perikoluż, ma kontx naf hux se nibqaʼ kuraġġuż. Bdejt nibżaʼ, u d-direzzjoni li tawni għalija ma kinitx tagħmel sens.” Missjunarju fl-Asja jismu Tim sabha diffiċli biex ilaħħaq mal-affarijiet taʼ kuljum. Hu jgħid: “Kultant ħassejtni għajjien wisq biex ngħin lill-aħwa.” X’jistaʼ jgħin lill-anzjani li għandhom sfidi simili?

3. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju tal-Imħallef Gidegħon?

3 L-anzjani jistgħu jitgħallmu mill-Imħallef Gidegħon. (Ebr. 6:12; 11:32) Hu kien jipproteġi u jieħu ħsieb lin-nies t’Alla. (Mħ. 2:16; 1 Kron. 17:6) Bħal Gidegħon, l-anzjani għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb lin-nies t’Alla fi żmien diffiċli. (Atti 20:28; 2 Tim. 3:1) Aħna nistgħu nitgħallmu mill-modestja, l-umiltà, u l-ubbidjenza taʼ Gidegħon. Matul l-inkarigu tiegħu, hu kellu jissaporti ħafna affarijiet. Kemm jekk aħna anzjani u kemm jekk le, nistgħu nitgħallmu napprezzaw iktar l-anzjani. Aħna nistgħu ngħinu lil dawn l-aħwa li jaħdmu iebes biex jieħdu ħsiebna fil-kongregazzjoni.—Ebr. 13:17.

META JKUN DIFFIĊLI BIEX TIBQAʼ MODEST U UMLI

4. Gidegħon kif wera li kien modest u umli?

4 Gidegħon kien modest u umli. b Meta anġlu taʼ Ġeħova qal lil Gidegħon li ġie magħżul biex isalva lil Iżrael mill-Midjanin, dan ir-raġel umli wieġbu: “Il-familja tiegħi mhix importanti f’Manasse, u jien l-iktar wieħed insinifikanti f’dar missieri.” (Mħ. 6:15) Hu ħaseb li ma kienx kapaċi jagħmel l-inkarigu, imma Ġeħova kien ċert li setaʼ jagħmlu. Gidegħon irnexxielu jagħmel l-inkarigu tiegħu bl-għajnuna taʼ Ġeħova.

5. Meta jistaʼ jkun diffiċli għal anzjan biex ikun modest u umli?

5 L-anzjani jagħmlu li jistgħu biex f’kollox juru li huma modesti u umli. (Mik. 6:8; Atti 20:18, 19) Huma ma jiftaħrux dwar x’jafu jagħmlu jew kemm għamlu, u ma jħossuhomx li ma jiswew għal xejn minħabba xi żbalji li għamlu. Imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għal anzjan biex jibqaʼ umli u modest. Pereżempju, jistaʼ jaċċetta ħafna xogħol u mbagħad ikun diffiċli biex jagħmlu. Jew jistaʼ jkun diffiċli biex jibqaʼ umli meta n-nies jitkellmu negattiv dwaru jew ifaħħruh. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn Gidegħon?

Meta anzjan ikun lest li jitlob l-għajnuna, bħal meta jkun qed jorganizza l-iskeda għall-ippritkar bit-trolley, ikun qed jimita l-eżempju taʼ Gidegħon (Ara paragrafu 6)

6. L-anzjani x’jistgħu jitgħallmu minn Gidegħon dwar il-modestja? (Ara l-istampa.)

6 Itlob l-għajnuna. Xi ħadd modest jaf li hemm xi affarijiet li ma jistax jagħmilhom. Gidegħon wera li kien modest għax talab l-għajnuna mingħand oħrajn. (Mħ. 6:27, 35; 7:24) Anzjan tajjeb hekk jagħmel. Tony li semmejna qabel jgħid: “Minħabba l-mod kif trabbejt, kont naċċetta xogħol iktar milli niflaħ. Allura ddeċidejt li fil-qima bħala familja nitkellem dwar il-modestja u nara x’taħseb il-mara tiegħi. Rajt ukoll il-vidjow Ħarreġ, afda, u ddelega lil ħaddieħor, bħalma jagħmel Ġesù fuq jw.org.” Tony beda jgħid lil oħrajn biex jgħinuh fix-xogħol li kellu jagħmel. X’kien ir-riżultat? Tony jgħid: “Ix-xogħol fil-kongregazzjoni qed isir u jien għandi iktar ħin biex insaħħaħ il-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova.”

7. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon meta oħrajn jikkritikawhom? (Ġakbu 3:13)

7 Tirrabjax jekk xi ħadd jikkritikak. Sfida oħra li jiffaċċjaw l-anzjani hi meta oħrajn jikkritikawhom. Għal darb’oħra, l-eżempju taʼ Gidegħon jistaʼ jgħinhom. Hu kien jaf li kellu n-nuqqasijiet tiegħu, għalhekk meta l-Efrajmin ħaduha kontrih baqaʼ kalm. (Mħ. 8:1-3) Hu ma wiġibhomx bir-rabja. Hu wera li kien umli billi qagħad jismagħhom u tkellem magħhom bil-ħlewwa. B’hekk, huma kkalmaw. Anzjan tajjeb jimita lil Gidegħon billi jismaʼ sew u jwieġeb bil-ħlewwa meta oħrajn jikkritikawh. (Aqra Ġakbu 3:13.) B’hekk jgħin biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni.

8. L-anzjani x’għandhom jagħmlu meta l-aħwa jfaħħruhom? Agħti eżempju.

8 Faħħar lil Ġeħova. Meta Gidegħon rebaħ lill-Midjanin u oħrajn faħħruh, hu ta l-krettu lil Ġeħova. (Mħ. 8:22, 23) Irġiel li għandhom ir-responsabbiltajiet kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon? Huma għandhom jagħtu l-krettu lil Ġeħova għal dak li jirnexxilhom jagħmlu. (1 Kor. 4:6, 7) Pereżempju, jekk anzjan ikun jaf jgħallem tajjeb u l-aħwa jfaħħruh, jistaʼ jgħid li l-istruzzjonijiet huma mill-Kelma t’Alla u li aħna nitgħallmu mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Kultant ikun tajjeb li l-anzjani jaraw jekk hux qed jiġbdu l-attenzjoni lejhom. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ anzjan jismu Timothy. Meta beda jaqdi bħala anzjan, kien jieħu pjaċir jagħti t-taħditiet. Hu jgħid: “Kont nibda b’introduzzjonijiet twal u nuża eżempji b’ħafna dettalji. L-aħwa spiss kienu jfaħħruni minħabba fihom. Imma minflok ma kienu qed jiffokaw fuq il-Bibbja u Ġeħova, kienu qed jiffokaw fuqi.” Maż-żmien, Timothy induna li kellu bżonn ibiddel il-mod kif jgħallem biex l-aħwa ma jiffokawx iżżejjed fuqu. (Prov. 27:21) X’kien ir-riżultat? Hu jkompli jgħid: “Issa, l-aħwa jgħiduli li t-taħdita għenithom jegħlbu xi problema, jissaportu prova, jew jersqu eqreb lejn Ġeħova. Meta nismaʼ dawn il-kummenti nieħu ħafna iktar pjaċir milli meta kienu joqogħdu jfaħħru lili.”

META JKUN DIFFIĊLI BIEX TOBDI JEW TURI KURAĠĠ

Gidegħon obda u naqqas is-suldati fl-armata. Hu għażel 300 mitt raġel li wrew li kienu attenti (Ara paragrafu 9)

9. X’għamilha diffiċli għal Gidegħon biex jobdi lil Ġeħova u jkun kuraġġuż? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

9 Wara li Gidegħon ġie magħżul biex imexxi lill-Iżraelin, hu kellu juri kuraġġ u jobdi. Hu kellu jkisser l-artal li kien għamel missieru biex iqim lil Bagħal, u dan kien inkarigu perikoluż. (Mħ. 6:25, 26) Iktar tard, wara li Gidegħon għaqqad armata, Ġeħova qallu darbtejn biex inaqqas is-suldati. (Mħ. 7:2-7) U fl-aħħar, Ġeħova qallu biex jattakka lill-armata taʼ kontrih matul il-lejl.—Mħ. 7:9-11.

10. Għala jistaʼ jkun diffiċli għal anzjan biex jobdi?

10 L-anzjani għandhom ikunu ‘lesti li jobdu.’ (Ġak. 3:17) Anzjan ubbidjenti jkun lest li jagħmel dak li tgħid l-Iskrittura u jobdi d-direzzjoni li jirċievi mill-organizzazzjoni t’Alla. B’hekk hu jkun t’eżempju tajjeb għal oħrajn. Imma kultant jistaʼ jkun diffiċli għalih biex jobdi. Pereżempju, hu forsi jirċievi ħafna direzzjonijiet u jkun diffiċli biex ilaħħaq magħhom. Xi kultant jistaʼ jaħseb li ċertu direzzjoni ma tagħmilx sens. Jew jingħata inkarigu li bih jistaʼ jiġi arrestat. L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon u jkunu ubbidjenti f’sitwazzjonijiet bħal dawn?

11. X’jistaʼ jgħin lill-anzjani biex ikunu ubbidjenti?

11 Ismaʼ sew id-direzzjoni u applikaha. Alla qal lil Gidegħon kif għandu jeqred l-artal taʼ missieru. Ġeħova qallu wkoll biex jibni artal ġdid u liema annimal kellu joffri bħala sagrifiċċju. Gidegħon ma ddubitax mill-istruzzjonijiet li tah Ġeħova. Hu għamel eżatt bħalma qallu. Illum, l-anzjani jirċievu l-istruzzjonijiet mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova permezz tal-ittri, l-avviżi, u direzzjonijiet oħra li jipproteġu lill-aħwa u jgħinuhom jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. Aħna nħobbu lill-anzjani tagħna għax huma jobdu d-direzzjoni li jirċievu mill-organizzazzjoni. B’hekk, il-kongregazzjoni kollha tibbenefika.—Salm 119:112.

12. L-anzjani kif jistgħu japplikaw Ebrej 13:17 meta l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tgħidilhom biex jagħmlu l-affarijiet b’modi differenti?

12 Kun lest li taddatta għall-bidliet. Ftakar li Ġeħova qal lil Gidegħon biex jibgħat lura d-dar kważi lis-suldati kollha. (Mħ. 7:8) Hu setaʼ ħaseb: ‘Din id-direzzjoni tajba? Se taħdem?’ Imma hu xorta obda. Illum l-anzjani jimitaw lil Gidegħon billi jobdu meta l-organizzazzjoni tgħidilhom biex jagħmlu xi ħaġa b’mod differenti. (Aqra Ebrej 13:17.) Pereżempju, fl-2014 il-Ġemgħa li Tiggverna bidlet il-mod kif jinġabru d-donazzjonijiet għall-proġetti taʼ kostruzzjoni taʼ Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat. Fil-passat, l-organizzazzjoni kienet issellef il-flus lill-kongregazzjonijiet biex jibnu. U l-kongregazzjonijiet kienu jerġgħu jagħtu l-flus lura lill-organizzazzjoni. (2 Kor. 8:12-14) Imma issa, l-organizzazzjoni tuża l-kontribuzzjonijiet tal-kongregazzjonijiet kollha madwar id-dinja biex tibni Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat fejn ikun hemm bżonn. Dan jistaʼ jsir anki jekk kongregazzjoni tkun tistaʼ tagħti vera ftit bħala kontribuzzjoni. Meta José sar jaf b’din il-bidla, hu ma kienx ċert jekk kinitx se taħdem. Hu ħaseb: ‘Lanqas Sala tas-Saltna waħda mhi se tinbena. Fejn ngħix jien ma jsirux hekk l-affarijiet.’ X’għen lil José jaċċetta d-direzzjoni? Hu jkompli jgħid: “Il-kliem taʼ Proverbji 3:5, 6 fakkarni li rrid nafda f’Ġeħova. U r-riżultat kien tal-għaġeb! Issa mhux talli qed nibnu iktar Swali tas-Saltna imma tgħallimna nagħtu kontribuzzjonijiet b’modi differenti ħalli b’hekk kulħadd ikollu ndaqs.”

Anki meta x-xogħol tagħna ma jkunx jistaʼ jsir, xorta nistgħu nkunu kuraġġużi u nagħtu xhieda (Ara paragrafu 13)

13. (a) Gidegħon minn xiex kien ċert? (b) L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon? (Ara l-istampa.)

13 Kun kuraġġuż u agħmel dak li jrid Ġeħova. Gidegħon obda lil Ġeħova anki meta beżaʼ u l-inkarigu tiegħu kien perikoluż. (Mħ. 9:17) Wara li Ġeħova aċċertah li kien se jgħinu, Gidegħon kien ċert li Ġeħova kien se jgħinu jieħu ħsieb lill-poplu tiegħu. Anzjani li jgħixu fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir jimitaw lil Gidegħon. Huma b’kuraġġ jieħdu ħsieb il-laqgħat u l-ministeru minkejja li jistgħu jiġu arrestati, interrogati, jitilfu x-xogħol tagħhom, jew jiffaċċjaw il-vjolenza. c Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira (it-tribulazzjoni l-kbira), l-anzjani se jkollhom bżonn il-kuraġġ biex jobdu l-istruzzjonijiet li se jirċievu, avolja dawn jistgħu jpoġġuhom fil-periklu. Pereżempju, jistaʼ jkun li nirċievu struzzjonijiet dwar kif nippritkaw il-messaġġ taʼ ġudizzju u x’għandna nagħmlu biex insalvaw mill-attakk taʼ Gog taʼ Magog.—Eżek. 38:18; Riv. 16:21.

META JKUN DIFFIĊLI BIEX TISSAPORTI

14. Għala kien diffiċli għal Gidegħon biex jibqaʼ jissaporti?

14 Bħala mħallef, Gidegħon kellu jaħdem iebes. Meta l-Midjanin ħarbu matul il-ġlieda, Gidegħon ġera warajhom mill-Wied taʼ Ġeżragħel sax-Xmara Ġordan, fejn x’aktarx it-triq kienet kollha siġar. (Mħ. 7:22) Gidegħon waqaf jiġri warajhom? Le! Minkejja li kienu għajjenin, hu u t-300 suldat qasmu x-Xmara Ġordan u baqgħu jiġru warajhom. Fl-aħħar, huma qabdu lill-Midjanin u rebħulhom.—Mħ. 8:4-12.

15. Xi kultant għala jistaʼ jkun diffiċli għal anzjan biex jibqaʼ jissaporti?

15 Xi kultant, anzjan jistaʼ jħossu għajjien ħafna fiżikament, mentalment, jew emozzjonalment minħabba li jieħu ħsieb il-kongregazzjoni u l-familja tiegħu. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon?

Bi mħabba l-anzjani rnexxielhom jgħinu lil ħafna aħwa (Ara paragrafi 16-17)

16-17. X’għen lil Gidegħon biex jissaporti, u l-anzjani minn xiex jistgħu jkunu ċerti? (Isaija 40:28-31) (Ara l-istampa.)

16 Kun ċert li Ġeħova se jgħinek. Gidegħon straħ fuq Ġeħova għall-għajnuna u ma kienx iddiżappuntat. (Mħ. 6:14, 34) Darba waħda, Gidegħon u l-irġiel tiegħu kienu qed jiġru wara żewġ rejiet Midjanin waqt li x’aktarx kienu rekbin fuq l-iġmla. (Mħ. 8:12, 21) Imma Alla għen lill-Iżraelin biex jaqbduhom u jirbħu l-ġlieda. L-anzjani wkoll jistgħu jistrieħu fuq Ġeħova għall-għajnuna, il-Wieħed li “ma jegħjiex.” Hu se jagħtihom is-saħħa li jkollhom bżonn.—Aqra Isaija 40:28-31.

17 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Matthew, membru tal-HLC (Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet). X’għenu jissaporti? Matthew jgħid: “Jien esperjenzajt il-kliem taʼ Filippin 4:13. Spiss, meta kont inħossni għajjien u ma nistax inkompli, kont nitlob lil Ġeħova minn qalbi biex jagħtini s-saħħa ħalli nkun nistaʼ ngħin lill-aħwa. F’dawk il-mumenti ħassejt lil Ġeħova jagħtini s-saħħa li kelli bżonn biex nibqaʼ nissaporti.” Bħal Gidegħon, l-anzjani jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb lin-nies taʼ Ġeħova, minkejja li mhux dejjem faċli. Bla dubju, huma għandhom ikunu modesti u jifhmu li mhux dejjem jistgħu jagħmlu dak kollu li jixtiequ. Imma jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova se jismaʼ t-talb tagħhom u jagħtihom is-saħħa li jkollhom bżonn biex jibqgħu jissaportu.—Salm 116:1; Flp. 2:13.

18. Bħalma rajna, l-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon?

18 L-anzjani jistgħu jitgħallmu ħafna mill-eżempju taʼ Gidegħon. Huma għandhom ikunu modesti u jaraw kemm jifilħu jagħmlu xogħol. Iridu joqogħdu attenti wkoll meta oħrajn jikkritikawhom jew ifaħħruhom. Huma jridu jkunu ubbidjenti u kuraġġużi speċjalment issa li qegħdin ngħixu fl-aħħar tal-aħħar jiem. U jridu jkunu ċerti li f’kull problema li jiffaċċjaw, Ġeħova jistaʼ jagħtihom is-saħħa biex jgħinhom. Kemm napprezzaw ix-xogħol iebes li jagħmlu l-anzjani u se nibqgħu napprezzawhom!—Flp. 2:29.

GĦANJA 120 Imitaw il-ħlewwa taʼ Kristu

a Ġeħova għażel lil Gidegħon biex imexxi u jipproteġi lill-poplu tiegħu matul żmien diffiċli. Gidegħon għamel dan l-inkarigu b’mod leali għal madwar 40 sena. Imma matul dawn is-snin, hu kellu ħafna sfidi. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif l-eżempju tiegħu jistaʼ jgħin lill-anzjani meta jkollhom l-isfidi.

b Il-modestja u l-umiltà huma żewġ kwalitajiet simili. Aħna nuru li aħna modesti meta ma naħsbux dwarna nfusna żżejjed u nifhmu li hemm affarijiet li ma nistgħux nagħmlu. Aħna nkunu umli meta nirrispettaw lil oħrajn u nqisuhom importanti iktar minna. (Flp. 2:3) Normalment, xi ħadd modest ikun umli wkoll.

c Ara l-artiklu “Kompli qim lil Ġeħova meta l-attivitajiet kollha tagħna jkunu projbiti” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Lulju 2019, pp. 10-11, para. 10-13.