ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 28
Ir-Rispett Kbir Lejn Alla Se Jgħinek Issa u fil-Futur
“Min jimxi b’mod rett jibżaʼ minn Ġeħova.”—PROV. 14:2.
GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1-2. Bħal Lot, il-Kristjani liema problemi qed jiffaċċjaw?
META naraw il-ħażen li qed jagħmlu n-nies, inħossuna bħalma ħassu Lot. Hu kien jaf li Missieru tas-sema jobgħod il-ħażen, allura “kien imnikket ferm bil-kondotta laxka u bla rażan taʼ nies li kienu jisfidaw il-liġi.” (2 Pt. 2:7, 8) Peress li Lot kien jirrispetta u jħobb ħafna lil Alla, hu kien jobgħod l-affarijiet immorali li kienu jagħmlu n-nies taʼ madwaru. Aħna wkoll imdawrin b’nies li ma jimpurtahomx mil-livelli taʼ Ġeħova. Minkejja dan, aħna xorta nistgħu nibqgħu nodfa moralment jekk nibqgħu nħobbu lil Alla u nitgħallmu nirrispettawh ħafna.—Prov. 14:2.
2 Ġeħova jgħinna nagħmlu dan permezz tal-inkuraġġiment li nsibu fil-ktieb taʼ Proverbji. Il-Kristjani kollha, irġiel u nisa, kbar u żgħar jistgħu jibbenefikaw ħafna jekk jikkunsidraw il-pariri tajbin li fih.
IR-RISPETT KBIR LEJN ALLA JIPPROTEĠINA
3. Skont Proverbji 17:3, x’inhi raġuni waħda għala għandna nipproteġu lil qalbna? (Ara l-istampa.)
3 Raġuni importanti għala nipproteġu lil qalbna hi għax Ġeħova jeżamina l-qalb. Dan ifisser li hu jistaʼ jara dak li ma jarawx in-nies u jaf x’tip taʼ persuna aħna. (Aqra Proverbji 17:3.) Hu se jħobbna jekk aħna nibqgħu naħsbu fuq il-pariri tiegħu li jistgħu jgħinuna ngħixu għal dejjem. (Ġw. 4:14) Meta nagħmlu dan aħna qatt mhu se nweġġgħu minħabba l-ħażen u l-gideb taʼ Satana u n-nies ħżiena. (1 Ġw. 5:18, 19) Meta nersqu eqreb taʼ Ġeħova, l-imħabba u r-rispett tagħna lejh se jikbru. Minħabba li ma rridux nweġġgħu lil Missierna, aħna se nobogħdu anki l-ħsieb li nagħmlu xi ħaġa ħażina. Meta tiġina t-tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, aħna ngħidu, ‘Kif nistaʼ nweġġaʼ apposta lil xi ħadd li tant iħobbni?’—1 Ġw. 4:9, 10.
4. Il-biżaʼ minn Alla kif għenet lil Marta ma tagħmilx xi ħaġa ħażina?
4 Marta, oħt fil-Kroazja li kienet se taqaʼ fl-immoralità, kitbet: “Sibtha diffiċli biex nikkontrolla l-ħsibijiet tiegħi u niġġieled ix-xewqa biex nagħmel il-ħażin. Imma l-biżaʼ minn Ġeħova pproteġietni.” b Kif? Billi ħasbet sew dwar il-konsegwenzi li kienet se tbati jekk tagħmel xi ħaġa immorali. Aħna nistgħu nagħmlu bħalha. L-agħar ħaġa li tistaʼ tiġrilna hi li nweġġgħu lil Ġeħova u ma nkunux nistgħu naqduh għal dejjem.—Ġen. 6:5, 6.
5. X’tistaʼ titgħallem mill-esperjenza taʼ Leo?
5 Meta aħna nirrispettaw ħafna lil Ġeħova, mhux se nagħmluha maʼ nies li jagħmlu affarijiet ħżiena. Leo, li jgħix il-Kongo tgħallem din il-lezzjoni. Erbaʼ snin wara li tgħammed, beda jagħmilha maʼ nies li jagħmlu affarijiet ħżiena. Hu ħaseb li jekk ma jagħmilx l-affarijiet ħżiena bħalhom ma jkunx qed jidneb kontra Ġeħova. Imma ma damx ħafna biex beda jixrob l-alkoħol u jagħmel affarijiet immorali bħal sħabu. Imbagħad beda jaħseb dwar dak li kienu għallmuh il-ġenituri tiegħu u kemm kien ferħan meta kien jaqdi lil Ġeħova. Leo x’għamel? Hu reġaʼ beda jagħmel dak li hu tajjeb. Bl-għajnuna tal-anzjani reġaʼ beda jaqdi lil Ġeħova. Illum hu ferħan u qed jaqdi bħala anzjan u pijunier speċjali.
6. X’se niddiskutu minn Proverbji kapitlu 9?
6 Ejja nikkunsidraw Proverbji kapitlu 9, li fih naqraw dwar żewġ nisa. Waħda tirrappreżenta l-għerf u l-oħra tirrappreżenta l-bluha. (Għal eżempji fejn il-Bibbja tiddeskrivi l-affarijiet bħallikieku kienu nies, ara Rumani 5:14; Galatin 4:24.) Waqt li nagħmlu dan, ftakar li d-dinja taʼ Satana moħħha fis-sess immorali u l-pornografija. (Efes. 4:19) Għalhekk, hu importanti ħafna li nkomplu nkabbru r-rispett tagħna lejn Alla u naħarbu minn dak li hu ħażin. (Prov. 16:6) Ilkoll kemm aħna, nisa u rġiel, nistgħu nibbenefikaw mill-pariri li nsibu f’dan il-kapitlu. Iż-żewġ nisa jistiednu “lil kulmin għandu qalbu belha” billi jgħidulhom: ‘Ejjew, kulu miegħi d-dar.’ (Prov. 9:1, 5, 6, 13, 16, 17) Imma r-riżultat taż-żewġ stediniet hu differenti ħafna.
TAĊĊETTAX L-ISTEDINA TAL-MARA STUPIDA
7. Skont Proverbji 9:13-18, x’jiġrilhom dawk li jaċċettaw l-istedina tal-mara stupida? (Ara l-istampa.)
7 Aħseb dwar l-istedina tal-“mara stupida.” (Aqra Proverbji 9:13-18.) Bla mistħija, hi tistieden lil dawk “bla esperjenza” biex jidħlu d-dar tagħha u jieklu magħha. Dawn x’jiġrilhom? Vers 18 jgħid: “Dawk bla qawwa fil-mewt qegħdin hemm.” Forsi tiftakar kliem simili li nsibu f’xi kapitli qabel. Hemm iwissina dwar “il-mara stranġiera” u “l-mara barranija.” U naqraw: “Darha tinżel lejn il-mewt.” (Prov. 2:11-19) Proverbji 5:3-10 wkoll iwissina dwar “mara stranġiera” li “saqajha neżlin lejn il-mewt.”
8. Liema deċiżjoni rridu nieħdu?
8 Dawk li jisimgħu lill-“mara stupida” jridu jaraw x’se jagħmlu. Se jaċċettaw l-istedina tagħha jew le? Kultant aħna nistgħu niffaċċjaw sitwazzjoni simili. X’se nagħmlu jekk xi ħadd jipprova jġegħelna nagħmlu xi ħaġa immorali jew jekk mingħajr ma nkunu qed nistennew naraw stampi pornografiċi?
9-10. X’inhuma xi raġunijiet għala ma nagħmlux immoralità sesswali?
9 Hemm raġunijiet tajbin ħafna għala għandna nevitaw l-immoralità sesswali. Il-“mara stupida” tgħid: “L-ilmijiet misruqin huma ħelwin.” X’inhuma “l-ilmijiet misruqin”? Il-Bibbja tqabbel is-sess bejn raġel u mara miżżewġin mal-ilma. (Prov. 5:15-18) Koppja miżżewġa jistgħu jieħdu pjaċir bir-relazzjoni sesswali taʼ bejniethom. Dan hu differenti mill-“ilmijiet misruqin.” Dawn jistgħu jirreferu għal sess immorali. Nies li jagħmlu l-immoralità spiss jagħmlu dan fil-moħbi bħal ħalliel li jipprova jisraq. “L-ilmijiet misruqin” jistgħu jidhru ħelwin għal dawk li jaħsbu li ħadd mhu se jkun jaf b’dak li jagħmlu. Imma huma qed jidħqu bihom infushom għax Ġeħova jara kollox. Jekk nitilfu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, inkunu tlifna l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna u żgur ma tkunx xi ħaġa ħelwa u taʼ pjaċir.—1 Kor. 6:9, 10.
10 Barra minn hekk, l-immoralità sesswali ġġiegħlek tistħi, tħossok ma tiswa għal xejn, iġġib tqala mhux mistennija, u tkisser il-familji. Mela jkun tajjeb li ma naċċettawx l-istedina tal-mara stupida. Minbarra li ma jibqgħux ħbieb taʼ Ġeħova, ħafna nies immorali jimirdu b’mard li jistgħu jmutu bih. (Prov. 7:23, 26) Vers 18 taʼ kapitlu 9 jispiċċa: “Dawk li stidnithom jidħlu ġewwa jinsabu fil-postijiet baxxi tal-Qabar.” Mela ħafna għala jaċċettaw l-istedina tagħha jekk twassal għal ħafna problemi?—Prov. 9:13-18.
11. Il-pornografija għala tagħmel ħafna ħsara?
11 Xi ħaġa li tħajjar lil ħafna nies biex jaċċettaw l-istedina tagħha hi l-pornografija. Ħafna jaħsbu li ma fiha xejn ħażin li tara l-pornografija. Imma din tagħmel il-ħsara, iġġiegħel in-nies jitilfu r-rispett lejhom infushom u lejn oħrajn, u hi vizzju li diffiċli biex taqtgħu. Meta n-nies jaraw ritratti immorali, ikun diffiċli biex jinsewhom. U l-pornografija ma tgħinx lin-nies ineħħu x-xewqat ħżiena imma żżidhom. (Kol. 3:5; Ġak. 1:14, 15) Ħafna nies li jaraw il-pornografija jispiċċaw jagħmlu affarijiet immorali.
12. Kif nuru li qegħdin attenti biex ma narawx ritratti immorali?
12 Bħala Kristjani, x’għandna nagħmlu jekk titlaʼ stampa pornografika mingħajr ma nkunu qed nistennew? Mill-ewwel m’għandniex nibqgħu nħarsu lejha. Jekk niftakru li l-iżjed ħaġa importanti għalina hi l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, se jkun iktar faċli għalina biex ma nibqgħux inħarsu lejha. Anki xi ritratti li mhumiex pornografiċi jistgħu jdaħħlulna ħsibijiet ħżiena. Għala m’għandniex narawhom? Għax aħna lanqas biss irridu naħsbu li nagħmlu xi ħaġa immorali. (Mt. 5:28, 29) Anzjan mit-Tajlandja jismu David jgħid: “Jien insaqsi lili nnifsi: ‘Jekk ir-ritratti mhumiex eżatt forma taʼ pornografija, Ġeħova se jieħu pjaċir bija jekk nibqaʼ nħares lejhom?’ Dan ir-raġunar jgħinni nieħu deċiżjonijiet tajbin.”
13. X’se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
13 Aħna nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin jekk nibżgħu li nagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ lil Ġeħova. Ir-rispett kbir lejn Ġeħova “hu l-bidu ta’ l-għerf.” (Prov. 9:10) Dan nistgħu narawh fil-bidu taʼ Proverbji kapitlu 9 fejn “l-għerf veru” jiġi mqabbel maʼ mara oħra.
AĊĊETTA L-ISTEDINA TAL-MARA GĦARFA
14. Fi Proverbji 9:1-6 dwar liema stedina naqraw?
14 Aqra Proverbji 9:1-6. Hawnhekk naqraw dwar stedina minn Ġeħova, li ħalaqna u li hu l-iktar wieħed għaref. (Prov. 2:6; Rum. 16:27) Il-versi jsemmu dar kbira b’sebaʼ kolonni. Dan jurina li Ġeħova hu ġeneruż u jaċċetta lil kull min jixtieq japplika l-għerf tiegħu f’ħajtu.
15. Alla x’jistidinna nagħmlu?
15 Ġeħova hu ġeneruż u jtina ħafna affarijiet. Dawn il-kwalitajiet nistgħu narawhom fil-mara li tirrappreżenta “l-għerf veru” fi Proverbji kapitlu 9. Dawn il-versi jgħidu li l-mara stiednet lin-nies biex imorru għandha u jieklu ikla li ppreparat hi. (Prov. 9:1, 2, ntt.) Fil-versi 4 u 5, il-mara li tirrappreżenta l-għerf tgħid ‘lil kull min għandu qalbu belha, “Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi.”’ Għala għandna naċċettaw din l-istedina? Ġeħova jrid li t-tfal tiegħu jkollhom l-għerf u jkunu protetti. Ma jridniex nitgħallmu wara li nkunu batejna minħabba l-iżbalji tagħna. Għalhekk “hu jaħżen l-għaqal għar-retti.” (Prov. 2:7) Meta aħna nirrispettaw ħafna lil Ġeħova, se nkunu rridu nogħġbuh. Aħna nisimgħu l-pariri tajbin tiegħu u lesti li nobduhom.—Ġak. 1:25.
16. L-imħabba u r-rispett lejn Alla kif għenu lil Alain biex jieħu deċiżjoni tajba, u x’kien ir-riżultat?
16 Ara kif Alain ħa deċiżjoni tajba peress li jirrispetta ħafna lil Alla. Hu anzjan fil-kongregazzjoni u jaħdem bħala għalliem fi skola. Hu jgħid: “Ħafna mill-għalliema l-oħra jaħsbu li jistgħu jitgħallmu mill-films tal-pornografija.” Imma Alain kien jaf li dan mhux vera. Hu qal: “Peress li nħobb u nirrispetta ħafna lil Ġeħova, ma rridx nara dawn il-films. Jien spjegajtilhom għala ma rridx narahom.” Hu obda l-parir tal-“għerf veru” biex iħalli l-abbiltà li jifhem tiggwidah. (Prov. 9:6) Minħabba l-eżempju t’Alain, xi għalliema qed jistudjaw il-Bibbja u jmorru l-laqgħat.
17-18. Liema affarijiet tajbin se jkollhom in-nies li jaċċettaw l-istedina tal-“għerf veru,” u x’se jkollhom fil-futur? (Ara l-istampa.)
17 Ġeħova jurina kif jistaʼ jkollna futur sabiħ billi juża l-eżempju taʼ dawn iż-żewġ nisa. Dawk li jaċċettaw l-istedina tal-“mara stupida” jipprovaw jieħdu pjaċir b’affarijiet immorali. Imma ma jindunawx li dak li qed jagħmlu issa se jeffettwalhom il-futur u se jwassalhom għall-mewt.—Prov. 9:13, 17, 18.
18 Min jaċċetta l-istedina tal-mara li tirrappreżenta “l-għerf veru” se jkollu futur differenti ħafna. Il-mistidnin tagħha huma ferħanin għax għandhom dak kollu li għandhom bżonn biex jibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova. (Is. 65:13) Permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova jgħid: “Isimgħuni sew, u kulu dak li hu tajjeb, u ħa titgħaxxaq ferm ruħkom b’ikel rikk.” (Is. 55:1, 2) Aħna qed nitgħallmu nħobbu dak li jħobb Ġeħova u nobogħdu dak li jobgħod. (Salm 97:10) U aħna ferħanin għax qed nistiednu lil oħrajn biex jitgħallmu mill-“għerf veru.” Aħna qisna l-qaddejja li qed jgħajtu “minn fuq il-qċaċet taʼ l-għoljiet tal-belt: ‘Kulmin hu bla esperjenza, ħa jdur ’l hawn.’” L-għerf veru mhux biss jistaʼ jgħin lilna u lil dawk li jisimgħuna issa, imma jekk inħallu l-abbiltà li nifhmu tiggwidana, se ngħixu għal dejjem.—Prov. 9:3, 4, 6.
19. Skont Ekkleżjasti 12:13, 14, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu? (Ara l-kaxxa “ Ir-Rispett Kbir Lejn Alla Jgħinna.”)
19 Aqra Ekkleżjasti 12:13, 14. Il-biżaʼ t’Alla se tipproteġina u tgħinna biex nibqgħu nodfa moralment u qrib tiegħu f’dawn l-aħħar jiem ħżiena. Peress li nħobbu u nirrispettaw lil Ġeħova b’qalbna kollha, aħna nkomplu nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies biex ifittxu “l-għerf veru” u jitgħallmu minnu.
GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun
a Il-Kristjani għandhom jitgħallmu jkollhom il-biżaʼ t’Alla. Din il-biżaʼ se tipproteġi lil qalbna u tgħinna biex ma naqgħux għall-immoralità sesswali u l-pornografija. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw Proverbji kapitlu 9 fejn jiddeskrivi żewġ nisa. Waħda tirrappreżenta l-bluha u l-oħra l-għerf. Il-parir li nsibu fi Proverbji kapitlu 9 jistaʼ jgħinna issa u fil-futur.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.