Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 26

Kun Preparat għall-Jum taʼ Ġeħova

Kun Preparat għall-Jum taʼ Ġeħova

“Jum Ġeħova ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl.” —1 TESS. 5:2.

GĦANJA 143 Ibqaʼ ħabrek, għasses, u stenna

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. X’għandna nagħmlu biex insalvaw fil-jum taʼ Ġeħova?

 META l-Bibbja titkellem dwar “jum Ġeħova,” tirreferi għal meta Ġeħova se jeqred l-għedewwa tiegħu u jsalva lin-nies tiegħu. Fil-passat, Ġeħova kkastiga lil xi nazzjonijiet. (Is. 13:1, 6; Eżek. 13:5; Sof. 1:8) Fi żmienna, “jum Ġeħova” se jibda meta l-gvernijiet jeqirdu lil Babilonja l-Kbira, u jispiċċa bil-gwerra t’Armageddon. Biex insalvaw irridu nippreparaw minn issa. Ġesù għallimna li mhux biss għandna nippreparaw għaż-“żmien taʼ tbatija kbira,” jiġifieri t-tribulazzjoni l-kbira, imma għandna dejjem inkunu lesti għalih.—Mt. 24:21; Lq. 12:40.

2. L-1 Tessalonikin kif jistaʼ jgħinna?

2 Fl-ewwel ittra li l-appostlu Pawlu kiteb lit-Tessalonikin, hu uża xi eżempji biex jgħin lill-Kristjani jibqgħu lesti għall-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova. Pawlu kien jaf li l-jum taʼ Ġeħova ma kienx se jasal f’dak iż-żmien. (2 Tess. 2:1-3) Imma hu inkuraġġixxa lill-aħwa biex ikunu lesti għalih qisu ġej l-għada. Il-parir tiegħu jgħodd għalina wkoll. Ejja niddiskutu x’qal dwar: (1) kif se jasal il-jum taʼ Ġeħova, (2) min se jinqered, u (3) x’għandna nagħmlu biex insalvaw.

KIF SE JASAL IL-JUM TAʼ ĠEĦOVA?

Meta l-appostlu Pawlu kiteb l-1 Tessalonikin, uża xi eżempji biex nibbenefikaw minnhom (Ara paragrafu 3)

3. Jum Ġeħova kif ġej bħal ħalliel billejl? (Ara l-istampa.)

3 “Bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tess. 5:2) Dan hu l-ewwel eżempju taʼ kif Pawlu ddeskriva kif se jasal il-jum taʼ Ġeħova. Il-ħallelin spiss jidħlu jisirqu malajr u dan jagħmluh billejl meta n-nies ma jkunux qed jistennewhom. Il-jum taʼ Ġeħova wkoll se jiġi f’daqqa waħda, meta ħafna nies ma jkunux qed jistennewh. Jistaʼ jkun li anki l-Kristjani veri ma jkunux qed jistennew li l-affarijiet jiġru daqshekk malajr. Imma aħna mhux se ninqerdu bħalma se jiġrilhom il-ħżiena.

4. Il-jum taʼ Ġeħova kif inhu bħal weġgħa tal-ħlas?

4 “Bħall-weġgħa tal-ħlas fuq mara tqila.” (1 Tess. 5:3) Mara li tkun qed tistenna tarbija ma tkunx taf il-ħin meta se twelled. Imma hi tkun ċerta li se twelled. U meta jagħlqilha ż-żmien, l-uġigħ jiġi f’daqqa u ma tkunx tistaʼ żżomm it-tarbija milli titwieled. Bl-istess mod, aħna ma nafux il-ħin u l-ġurnata meta ġej il-jum taʼ Ġeħova. Imma ċerti li se jiġi u ċerti li l-ġudizzju t’Alla fuq in-nies ħżiena se jiġi f’daqqa u mhux se jeħilsuha.

5. Iż-żmien taʼ tbatija kbira kif inhu bħal meta jisbaħ?

5 Bħal meta jisbaħ. Fit-tielet eżempju, Pawlu jerġaʼ jitkellem dwar ħallelin li qed jisirqu billejl. Imma din id-darba hu jqabbel il-jum taʼ Ġeħova ma’ meta jisbaħ. (1 Tess. 5:4) Il-ħallelin billejl jistgħu tant ikunu ffokati, li ma jindunawx li għaddej il-ħin. Id-dawl taʼ meta jisbaħ jiġi meta ma jkunux qed jistennew u jinqabdu. B’mod simili, iż-żmien taʼ tbatija kbira se jikxef lil dawk li jibqgħu jagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Alla. Aħna għandna nkunu lesti billi ma nagħmlux affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, u billi nagħmlu “kull xorta taʼ tjubija u ġustizzja u verità.” (Efes. 5:8-12) Imbagħad Pawlu uża żewġ eżempji biex jiddeskrivi lil dawk li mhux se jsalvaw.

MIN SE JINQERED FIL-JUM TAʼ ĠEĦOVA?

6. Il-biċċa l-kbira tan-nies b’liema mod huma reqdin? (1 Tessalonikin 5:6, 7)

6 “Min jorqod.” (Aqra l​-1 Tessalonikin 5:6, 7.) Pawlu qabbel lil dawk li se jinqerdu fil-jum taʼ Ġeħova ma’ nies reqdin. Huma ma jafux x’qed jiġri madwarhom u li għaddej iż-żmien. Allura mhux se jindunaw meta tiġri xi ħaġa importanti, u għalhekk ma jagħmlu xejn. Il-biċċa l-kbira tan-nies illum huma bħal nies reqdin. (Rum. 11:8) Huma ma jemmnux li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” u li ż-żmien taʼ tbatija kbira dalwaqt ġej. Meta jkun hemm xi bidla kbira fid-dinja, xi nies jibda jinteressahom il-messaġġ tas-Saltna. Imma ħafna jerġgħu jorqdu minflok ma jibqgħu mqajmin. Anki ħafna li jemmnu li Alla xi darba se jagħmel ġudizzju jaħsbu li baqaʼ ħafna biex dan jiġri. (2 Pt. 3:3, 4) Imma kull ġurnata li tgħaddi jkun iktar importanti għalina li nibqgħu mqajmin.

7. Dawk li se jinqerdu minn Ġeħova kif huma bħal nies fis-sakra?

7 “Min jisker.” L-appostlu Pawlu qabbel lil dawk li se jinqerdu minn Alla ma’ nies fis-sakra. Min ikun fis-sakra ma jirreaġixxix malajr għal dak li jkun qed jiġri u ma jiħux deċiżjonijiet tajbin. B’mod simili, il-ħżiena ma jagħtux kas taʼ dak li jwissina Alla. Huma jagħżlu li jgħixu ħajja li se twassalhom għall-qerda. Imma l-Bibbja tgħid lill-Kristjani biex jibqgħu f’sensihom. (1 Tess. 5:6) Studjuż tal-Bibbja qal li xi ħadd li jibqaʼ attent jibqaʼ kalm u f’sensih. Hu jkun jistaʼ jaħseb sew u jieħu deċiżjonijiet tajbin. Għala għandna nibqgħu kalmi u attenti? Biex ma nidħlux fil-kwistjonijiet li jkunu għaddejjin fid-dinja. Iktar ma nersqu qrib il-jum taʼ Ġeħova iktar se niġu sforzati biex nidħlu f’dawn il-kwistjonijiet. Imma m’għandniex għalfejn ninkwetaw kif se naġixxu. L-ispirtu t’Alla se jgħinna nibqgħu kalmi, attenti, u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Lq. 12:11, 12.

X’NISTGĦU NAGĦMLU BIEX INKUNU LESTI GĦALL-JUM TAʼ ĠEĦOVA?

Aħna nibqgħu lesti għall-jum taʼ Ġeħova billi nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama, minkejja li ħafna nies ma jagħtux kas (Ara paragrafi 8, 12)

8. L​-1 Tessalonikin 5:8 maʼ xiex iqabbel il-kwalitajiet li għandna bżonn biex nibqgħu mqajmin u attenti? (Ara l-istampa.)

8 ‘Ilbsu l-kurazza u l-elmu.’ Pawlu jqabbilna ma’ suldati attenti u preparati għall-gwerra. (Aqra l​-1 Tessalonikin 5:8.) In-nies jistennew li meta jkun hemm gwerra, suldat dejjem ikun lest biex imur jiġġieled. B’mod simili, aħna nibqgħu lesti għall-jum taʼ Ġeħova billi nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama. Dawn il-kwalitajiet se jgħinuna ħafna.

9. Il-fidi kif tipproteġina?

9 Il-kurazza kienet tipproteġi qalb is-suldat. Il-fidi u l-imħabba jipproteġu l-qalb spiritwali tagħna. Dawn jgħinuna biex nibqgħu naqdu lil Alla u nobdu lil Ġesù. Il-fidi tgħinna nkunu ċerti li jekk infittxu lil Ġeħova b’qalbna kollha hu se jippremjana. (Ebr. 11:6) Se tgħinna wkoll biex nibqgħu leali lejn il-Mexxej tagħna, Ġesù, anki meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Aħna nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna billi nitgħallmu mill-eżempji t’aħwa fi żmienna li baqgħu leali minkejja l-persekuzzjoni jew problemi taʼ flus. U nistgħu nevitaw il-periklu li nħobbu l-flus u l-affarijiet materjali billi nimitaw lill-aħwa li qed jgħixu ħajja sempliċi biex ipoġġu s-Saltna l-ewwel. b

10. L-imħabba għal Alla u għan-nies kif tgħinna nibqgħu nippritkaw?

10 L-imħabba wkoll hi importanti biex nibqgħu mqajmin u attenti. (Mt. 22:37-39) Meta nħobbu lil Alla, se nkunu nistgħu nibqgħu nippritkaw minkejja l-problemi li jistgħu jinqalgħulna. (2 Tim. 1:7, 8) Peress li nħobbu lin-nies li ma jħobbux lil Ġeħova, aħna nibqgħu nippritkaw fit-territorju tagħna, anki permezz tat-telefown u l-ittri. Aħna ma naħsbux li n-nies qatt mhu se jinbidlu u jagħmlu t-tajjeb.—Eżek. 18:27, 28.

11. L-imħabba għall-aħwa kif tgħinna? (1 Tessalonikin 5:11)

11 Aħna nħobbu wkoll lill-aħwa u nuru li nħobbuhom billi ‘nfarrġu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’ (Aqra l​-1 Tessalonikin 5:11.) Bħal suldati li jgħinu lil xulxin fi ġlieda, aħna ninkuraġġixxu lil xulxin. Fi gwerra, suldat jistaʼ jweġġaʼ lil sieħbu bi żball. B’mod simili, aħna ġieli nweġġgħu lil ħutna imma mhux apposta jew biex inpattuhielhom. (1 Tess. 5:13, 15) Aħna nuru l-imħabba wkoll billi nirrispettaw l-aħwa li qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. (1 Tess. 5:12) Meta Pawlu kiteb din l-ittra, il-kongregazzjoni f’Tessalonika kienet ilha inqas minn sena li bdiet. Wisq probabbli, l-anzjani ma kellhomx esperjenza u setgħu għamlu l-iżbalji. Imma l-aħwa xorta kellhom jirrispettawhom. Hekk kif iż-żmien taʼ tbatija kbira joqrob, jistaʼ jkollna bżonn nafdaw id-direzzjoni tal-anzjani tal-kongregazzjoni iktar milli qed nagħmlu bħalissa. Jistaʼ jkun li ma nkunux nistgħu nirċievu d-direzzjoni mingħand l-aħwa fil-kwartieri ġenerali jew l-uffiċċju tal-fergħa. Allura hu importanti li nitgħallmu nħobbu u nirrispettaw lill-anzjani minn issa. Jiġri x’jiġri, ejja nibqgħu attenti u ma niffokawx fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom. Minflok għandna niftakru li Ġeħova qed juża lil Ġesù biex jiggwida lil dawn l-irġiel leali.

12. It-tama kif tipproteġi lil moħħna?

12 L-istess bħalma elmu jipproteġi ras is-suldat, it-tama tagħna tipproteġi lil moħħna u tgħinna naħsbu tajjeb. Meta jkollna tama soda, nindunaw li dak li toffrilna d-dinja ma jiswa xejn. (Flp. 3:8) It-tama tgħinna biex nibqgħu kalmi u ma nippanikjawx. Wallace u Laurinda, li jaqdu l-Afrika, hekk ġralhom. Fi tliet ġimgħat, it-tnejn li huma tilfu wieħed mill-ġenituri tagħhom. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, ma setgħux imorru lura l-pajjiż tagħhom biex ikunu mal-familja. Wallace kiteb: “It-tama tal-irxoxt tgħinni niftakar fihom, mhux kif kienu qabel mietu, imma kif se jkunu meta jiġu rxoxtati fid-dinja l-ġdida. Din it-tama tgħinni wkoll meta nħossni mdejjaq.”

13. X’nistgħu nagħmlu biex ikollna l-ispirtu qaddis?

13 “Titfux in-nar taʼ l-ispirtu.” (1 Tess. 5:19) L-appostlu Pawlu qabbel l-ispirtu qaddis ma’ nar ġo fina. Meta jkollna l-ispirtu t’Alla, ikollna xewqa kbira biex nagħmlu dak li hu tajjeb u ħeġġa biex naħdmu għal Ġeħova. (Rum. 12:11) X’nistgħu nagħmlu biex nirċievu l-ispirtu qaddis? Nistgħu nitolbu għalih, nistudjaw il-Kelma t’Alla, u nkunu parti mill-organizzazzjoni li hi mmexxija mill-ispirtu qaddis. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed naħdmu biex ikollna “l-frott taʼ l-ispirtu.”—Gal. 5:22, 23.

Saqsi lilek innifsek, ‘Dak li nagħmel juri li rrid inkompli nirċievi l-ispirtu t’Alla?’ (Ara paragrafu 14)

14. Biex nibqgħu nirċievu l-ispirtu t’Alla, x’m’għandniex nagħmlu? (Ara l-istampa.)

14 Meta Alla jagħtina l-ispirtu qaddis, irridu noqogħdu attenti li ma ‘nitfux in-nar taʼ l-ispirtu.’ Alla jagħti l-ispirtu tiegħu biss lil dawk li ma jaħsbux fuq affarijiet ħżiena u jagħmlu t-tajjeb. Alla jieqaf jagħtina l-ispirtu tiegħu jekk nibqgħu naħsbu fuq affarijiet ħżiena u nagħmluhom. (1 Tess. 4:7, 8) Biex nirċievu l-ispirtu qaddis ma rridux nitkellmu negattiv dwar il-profeziji. (1 Tess. 5:20) Il-profeziji huma messaġġi li Ġeħova jtina permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. Dawn jinkludu profeziji dwar il-jum taʼ Ġeħova u ż-żminijiet kritiċi li qed ngħixu fihom. Aħna ma naħsbux li l-jum taʼ Ġeħova, jiġifieri Armageddon, mhux se jiġi fi żmienna. Minflok aħna nuru li qed nistennew li se jiġi dalwaqt billi kuljum nagħmlu ħafna “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” u nibqgħu nodfa moralment.—2 Pt. 3:11, 12.

“AĊĊERTAW RUĦKOM MINN KOLLOX”

15. X’nistgħu nagħmlu biex ma nemmnux informazzjoni ħażina u l-gideb tad-demonji? (1 Tessalonikin 5:21)

15 Dalwaqt, l-għedewwa t’Alla b’xi mod se jgħidu: “Paċi u sigurtà!” (1 Tess. 5:3) Madwar id-dinja se jkun hawn ħafna gideb ġej mid-demonji, u ħafna nies se jemmnuh. (Riv. 16:13, 14) Aħna x’se nagħmlu? Jekk ‘naċċertaw ruħna minn kollox’ mhux se nemmnuh. (Aqra l​-1 Tessalonikin 5:21.) Il-kelma bil-Grieg għal “aċċertaw” kienet tintuża biex tiddeskrivi l-mod kif in-nies jittestjaw affarijiet bħad-deheb u l-fidda biex ikunu ċerti li mhumiex foloz. Allura aħna rridu nittestjaw dak li nisimgħu jew naqraw biex naraw jekk hux veru. Dan kien importanti għat-Tessalonikin, u se jkun iktar importanti għalina iżjed ma nersqu qrib iż-żmien taʼ tbatija kbira. Minflok ma nemmnu kulma nisimgħu, aħna naħsbu sew u nqabblu dak li naqraw jew nisimgħu ma’ dak li tgħid il-Bibbja u l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk m’aħniex se nemmnu l-gideb tad-demonji.—Prov. 14:15; 1 Tim. 4:1.

16. Liema tama għandna, u x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

16 Aħna nafu li n-nies taʼ Ġeħova bħala grupp se jsalvaw miż-żmien taʼ tbatija kbira (mit-tribulazzjoni l-kbira). Imma ma nafux x’se jiġri lil kull wieħed minna b’mod individwali. (Ġak. 4:14) Però jekk nibqgħu leali, kemm jekk ngħaddu miż-żmien taʼ tbatija kbira u kemm jekk immutu qabel, Ġeħova se jippremjana bil-ħajja taʼ dejjem. Il-midlukin se jkunu ma’ Kristu fis-sema u n-nagħaġ oħrajn se jkunu fil-ġenna tal-art. Ejja nibqgħu ffokati fuq it-tama sabiħa li għandna u nkunu lesti għall-jum taʼ Ġeħova!

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

a Fl-1 Tessalonikin kapitlu 5, insibu xi eżempji li jgħallmuna dwar il-jum taʼ Ġeħova li ġej dalwaqt. X’inhu dan il-“jum,” u kif se jasal? Min se jsalva? Min se jinqered? U kif nistgħu nkunu ppreparati? F’dan l-artiklu se naraw x’qal l-appostlu Pawlu u nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.