Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Wara li twieled Ġesù, Ġużeppi u Marija għala baqgħu f’Betlem minflok ma reġgħu marru Nazaret?

Il-Bibbja ma tgħidilniex. Imma ttina xi dettalji interessanti li juruna għala jistaʼ jkun ma reġgħux marru Nazaret.

Anġlu qal lil Marija li hi kien se jkollha tarbija. Meta Marija rċiviet dan il-messaġġ, hi u Ġużeppi kienu jgħixu Nazaret, post fil-Galilija fejn kien trabba Ġużeppi. (Lq. 1:26-31; 2:4) Iktar tard, meta telqu mill-Eġittu, reġgħu marru Nazaret. Ġesù kiber hemm u sar Nazzarenu. (Mt. 2:19-23) Għalhekk meta naħsbu f’Ġesù, Ġużeppi, u Marija, jiġina f’moħħna Nazaret.

Mara jisimha Eliżabetta, li kienet tgħix f’​Ġuda, kienet tiġi minn Marija. Eliżabetta kienet il-mara tal-qassis Żakkarija u mbagħad kellha tifel, lil Ġwanni l-Battista. (Lq. 1:5, 9, 13, 36) Marija marret għand Eliżabetta u għexet magħha tliet xhur f’​Ġuda. Imbagħad Marija reġgħet marret Nazaret. (Lq. 1:39, 40, 56) U għalhekk Marija kienet familjari maʼ dak il-post.

Maż-żmien, Ġużeppi obda l-liġi li n-nies għandhom “jiġu reġistrati.” Għalhekk, Ġużeppi vvjaġġa minn Nazaret għal Betlem, li kienet “il-belt taʼ David.” Betlem kienet il-post li, skont profezija, fih kellu jitwieled il-Messija. (Lq. 2:3, 4; 1 Sam. 17:15; 20:6; Mik. 5:2) Wara li Marija welldet lil Ġesù hemmhekk, Ġużeppi ma ridhiex tagħmel dak il-vjaġġ twil bit-tarbija biex jerġgħu jmorru Nazaret. Huma baqgħu Betlem, li kienet madwar disaʼ kilometri ’l bogħod minn Ġerusalemm. Għalhekk kien faċli għalihom biex jieħdu lit-tarbija fit-tempju u joffru l-offerta, kif kienet titlob il-Liġi.—Lev. 12:2, 6-8; Lq. 2:22-24.

L-anġlu t’Alla kien qal lil Marija li t-tifel tagħha kien se jirċievi “t-tron taʼ David” u jkun re. Allura jistaʼ jkun li Ġużeppi u Marija fehmu li kien importanti li Ġesù jitwieled fil-belt taʼ David. (Lq. 1:32, 33; 2:11, 17) Forsi ħasbu li jkun tajjeb li jibqgħu hemm u jistennew biex ikunu jafu xi jridhom jagħmlu Alla.

Aħna ma nafux kemm kienu ilhom f’Betlem meta waslu dawk l-irġiel li kienu jaqraw il-futur permezz tal-istilel. Imma sa dakinhar, il-familja kienu qed jgħixu f’dar. U Ġesù kien kiber, ma kienx għadu tarbija. (Mt. 2:11) Milli jidher, minflok ma marru lura Nazaret baqgħu jgħixu f’Betlem.

Erodi kkmanda biex “is-subien kollha minn sentejn ’l isfel tal-belt taʼ Betlem” jinqatlu. (Mt. 2:16) Anġlu qal lil Ġużeppi dwar dan. Għalhekk hu u Marija ħarbu b’Ġesù lejn l-Eġittu u baqgħu hemm sa ma miet Erodi. Iktar tard Ġużeppi ħa l-familja Nazaret. Għala ma reġgħux marru Betlem? Għax f’dak iż-żmien, it-tifel t’Erodi, Arkelaw, kien qed imexxi fil-Lhudija u kien raġel kattiv. Barra minn hekk, anġlu qal lil Ġużeppi b’dan il-periklu. F’Nazaret Ġużeppi setaʼ jrabbi lil Ġesù mingħajr biżaʼ bħala qaddej taʼ Ġeħova.—Mt. 2:19-22; 13:55; Lq. 2:39, 52.

Milli jidher, Ġużeppi miet qabel miet Ġesù, li permezz taʼ mewtu għamilha possibbli għal oħrajn biex imorru fis-sema. Għalhekk, Ġużeppi se jiġi rxoxtat fuq l-art. Ħafna se jkollhom iċ-ċans li jiltaqgħu miegħu u jsiru jafu iktar dettalji dwar għala hu u Marija baqgħu f’Betlem wara li twieled Ġesù.