Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Sorpriżi u Lezzjonijiet Sbieħ Għax Qdejna lil Ġeħova

Sorpriżi u Lezzjonijiet Sbieħ Għax Qdejna lil Ġeħova

META kont żgħir, kull darba li kont nara ajruplan kont nixtieq li nistaʼ nsiefer f’pajjiż ieħor. Imma kont naħseb li qatt mhu se jiġri.

Il-ġenituri tiegħi telqu mill-Estonja fit-Tieni Gwerra Dinjija u marru l-Ġermanja, fejn twelidt jien. Wara li twelidt, bdew jippreparaw biex immorru noqogħdu l-Kanada. L-ewwel post li konna noqogħdu fih kien kamra li fiha kienu jrabbu t-tiġieġ. Aħna konna fqar ħafna, imma għall-inqas dejjem kellna l-bajd x’nieklu.

Darba, ix-Xhieda taʼ Ġeħova lil ommi qrawlha Rivelazzjoni 21:3, 4. Meta semgħet il-versi, tant kienet ferħana li bdiet tibki. Ommi u missieri bdew jistudjaw il-Bibbja u wara ftit żmien kienu lesti biex jitgħammdu.

Minkejja li l-ġenituri ma kinux jafu ħafna Ingliż, huma għamlu ħafna biex jaqdu lil Ġeħova. Missieri kien jaħdem taʼ billejl f’fabbrika f’Sudbury, Ontario, imma kważi kull nhar taʼ Sibt kien jieħu lili u lil oħti ż-żgħira, Sylvia, għas-service. U kull ġimgħa konna nistudjaw It-Torri tal-Għassa bħala familja. Ommi u missieri għallmuni nħobb lil Ġeħova. Allura fl-1956, meta kelli għaxar snin, iddeċidejt li niddedika ħajti lil Ġeħova. L-imħabba li kellhom għal Ġeħova għadha tinkuraġġini biex nibqaʼ naqdih.

Meta spiċċajt l-iskola, ma bqajtx daqshekk iffokat biex naqdi lil Ġeħova. Ħsibt li jekk insir pijunier mhux se jkolli biżżejjed flus biex insiefer u ndur id-dinja. Bdejt naħdem maʼ stazzjon tar-radju, indoqq id-diski, u dan ix-xogħol kien jogħġobni ħafna. Imma peress li kont naħdem filgħaxijiet, bdejt infalli ħafna laqgħat u bdejt nagħmilha maʼ nies li ma jħobbux lil Ġeħova. Fl-aħħar, il-kuxjenza li trennjajt mill-Bibbja ġegħlitni nagħmel xi bidliet.

Jien mort noqgħod Oshawa, Ontario. Hemmhekk iltqajt maʼ Ray Norman, oħtu Lesli, u pijunieri oħra. U dawn kollha wrew interess fija. Meta rajt kemm kienu ferħanin erġajt bdejt naħseb fuq xi rrid nagħmel f’ħajti. Huma inkuraġġewni biex insir pijunier, u f’Settembru tal-1966, hekk għamilt. Jiena vera kont ferħan. Imma mbagħad, ġraw xi affarijiet li ma kontx qed nistenna u li biddluli ħajti.

META ĠEĦOVA JISTIEDNEK TAGĦMEL XI ĦAĠA, IPPROVA AGĦMILHA

Meta kont għadni l-iskola, applikajt għall-Betel taʼ Toronto, il-Kanada. Iktar tard meta kont pijunier, stidnuni biex immur naqdi f’Betel għal erbaʼ snin. Imma jien kelli grazzja maʼ Lesli, u bdejt nibżaʼ li jekk naċċetta, qatt mhu se nerġaʼ naraha. Wara li tlabt ħafna, iddeċidejt li mmur naqdi f’Betel, imma kont imdejjaq li mhux se nibqaʼ nara lil Lesli.

F’Betel jien ħdimt fil-laundry u iktar tard bħala segretarju. Sadanittant, Lesli bdiet taqdi bħala pijuniera speċjali f’Gatineau, Quebec. Spiss kont naħseb fiha u jekk ħadtx id-deċiżjoni t-tajba. Imbagħad irċivejt waħda mill-isbaħ sorpriżi f’ħajti. Ray, ħu Lesli, ġie mistieden biex jaqdi f’Betel. U bdejna noqogħdu fl-istess kamra! Dan għenni biex nerġaʼ nikkuntattja lil Lesli. Fis-27 taʼ Frar 1971, l-aħħar ġurnata tiegħi f’Betel, jien u Lesli żżewwiġna.

Meta bdejna x-xogħol tas-circuit fl-1975

Jien u Lesli ġejna inkarigati biex immorru naqdu f’kongregazzjoni bil-lingwa Franċiża, fi Quebec. Wara ftit snin meta kelli 28 sena, jien bqajt sorpriż li ġejt mistieden biex naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Jien ħsibt li kont wisq żgħir u li ma kellix esperjenza, imma l-kliem taʼ Ġeremija 1:7, 8 inkuraġġieni. Lesli kellha xi inċidenti bil-karozza u bdiet issibha diffiċli biex torqod. Għalhekk ħsibna li se jkun diffiċli ħafna għalina biex nagħmlu x-xogħol tas-circuit. Imma hi qaltli, “Jekk Ġeħova jistidinna biex nagħmlu xi ħaġa, għandna nipprovaw nagħmluha.” Aħna aċċettajna l-inkarigu u ħadna pjaċir nagħmlu x-xogħol tas-circuit għal 17-il sena.

Meta kont indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, kien ikolli ħafna x’nagħmel u mhux dejjem kien ikolli ħin biżżejjed għal Lesli. Kelli nitgħallem lezzjoni oħra. Darba waħda t-Tnejn filgħodu kmieni daqqet il-qanpiena. Ma kien hemm ħadd wara l-bieb. Kulma sibt kien basket li kien fih dvalja, ġobon, ħobż, flixkun inbid, tazzi, u nota li kienet tgħid, “Mur piknik mal-mara.” Kienet vera ġurnata sabiħa. Imma jiena għedt lil Lesli li kelli nipprepara xi taħditiet u ma stajniex immorru. Hi fehmitni imma ħassitha ftit imdejqa għax xtaqet tmur. Xħin kont se nibda nipprepara, il-kuxjenza tiegħi bdiet tniggiżni. Ħsibt dwar Efesin 5:25, 28. Dan il-vers fakkarni li Ġeħova jridni noqgħod attent kif nieħu ħsieb il-mara. Wara li tlabt, lil Lesli għedtilha, “Tlaqna,” u hi tgħidx kemm ħadet pjaċir. Imbagħad morna fejn xmara, ftaħna d-dvalja u kienet waħda mill-isbaħ ġranet li qattajna flimkien. Wara xorta kien irnexxieli nipprepara t-taħditiet.

Fis-circuit li kellna, minn British Columbia sa Newfoundland, kellna ħafna xogħol imma ħadna pjaċir nagħmluh. Issa kont qiegħed nivvjaġġa bħalma kont nixtieq nagħmel meta kont żgħir. Kont ħsibt biex napplika għall-Iskola taʼ Gilegħad, imma ma ridtx immur naqdi f’pajjiż ieħor. Kont naħseb li l-missjunarji kienu nies speċjali u li jien ma kontx nikkwalifika. Barra minn hekk, kont nibżaʼ li jibagħtuna f’pajjiż l-Afrika fejn kien hemm il-mard u l-gwerer. Jien kont ferħan il-Kanada.

STEDINA LI MA KONTX QED NISTENNA GĦALL-ESTONJA U L-PAJJIŻI VIĊIN

Nivvjaġġaw fl-Estonja u pajjiżi fil-viċin

Fl-1992, ix-Xhieda taʼ Ġeħova setgħu jerġgħu jibdew jippritkaw f’xi pajjiżi li kienu jagħmlu parti mill-Unjoni Sovjetika. Għalhekk, l-aħwa staqsewna jekk konniex lesti li mmorru naqdu bħala missjunarji fl-Estonja. Ma konniex qed nistennewha, imma tlabna dwarha. Erġajna ħsibna, ‘Jekk Ġeħova qed jistidinna biex nagħmlu xi ħaġa, m’għandniex nipprovaw nagħmluha?’ Aħna aċċettajna l-inkarigu u jien ħadt pjaċir li ma konniex sejrin l-Afrika.

Aħna mill-ewwel bdejna nitgħallmu l-lingwa tal-Estonja. Wara ftit xhur, qalulna biex nibdew nagħmlu x-xogħol tas-circuit. Kellna nżuru madwar 46 kongregazzjoni u xi gruppi fl-Estonja, il-Latvja, u l-Litwanja, kif ukoll f’Kaliningrad, ir-Russja. Dan kien ifisser li kellna nipprovaw nitgħallmu ftit mil-lingwa tagħhom, u ma kienx faċli. L-aħwa kienu ferħanin li aħna bdejna nipprovaw nitgħallmu l-lingwa tagħhom u huma għenuna. Fl-1999, fetaħ l-uffiċċju tal-fergħa fl-Estonja, u jien ġejt inkarigat biex naqdi fil-kumitat flimkien maʼ Toomas Edur, Lembit Reile, u Tommi Kauko.

Xellug: Nagħti taħdita f’konvenzjoni fil-Litwanja

Lemin: Il-Kumitat tal-Fergħa tal-Estonja, li beda fl-1999

Aħna sirna nafu ħafna aħwa li kienu ntbagħtu lejn is-Siberja. Minkejja li batew ħafna fil-ħabs u ma kinux mal-familji tagħhom, ma baqgħux iżommu f’qalbhom. Huma baqgħu ferħanin u ffokati fuq ix-xogħol tal-ippritkar. L-eżempju tagħhom għallimna li aħna nistgħu nissaportu u nkunu ferħanin anke meta niffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli.

Aħna ħdimna iebes għal ħafna snin u ma ħadniex ħafna ħin biex nistrieħu, allura Lesli bdiet tħossha għajjiena ħafna. Aħna ma indunajniex mill-ewwel li hi kienet qed tħossha għajjiena għax kellha marda jgħidulha fibromyalgia. F’dan iż-żmien, bdejna naħsbu bis-serjetà biex nerġgħu mmorru lura l-Kanada. Meta stidnuna biex immorru l-iskola tal-fergħa f’Patterson, New York, ma ħsibniex li stajna mmorru. Imma wara li tlabna ħafna dwarha, aċċettajna li mmorru. Ġeħova bierek id-deċiżjoni li ħadna. Waqt li konna qegħdin l-iskola, Lesli ngħatat il-kura li kellha bżonn. B’hekk, stajna nkomplu bil-ħajja tagħna.

SORPRIŻA ĠDIDA, F’KONTINENT DIFFERENTI

Fl-2008, meta konna l-Estonja, irċivejt telefonata mill-kwartieri ġenerali u staqsewna biex immorru naqdu fil-Kongo. Ma kontx qed nistennieha, u huma riduni ntihom risposta sal-għada. Għall-ewwel m’għedtilha xejn lil Lesli għax kont naf li mhux se jirnexxilha torqod billejl. Minflok, spiċċajt ma rqadtx jien għax qgħadt nitlob lil Ġeħova dwar x’kien qed jinkwetani jekk immorru l-Afrika.

L-għada meta għedt lil Lesli, għedna: “Ġeħova qed jistidinna biex immorru l-Afrika. Jekk ma mmorrux, kif se nkunu nafu jekk hux se nieħdu pjaċir u jekk hux se jirnexxilna?” Allura wara 16-il sena l-Estonja morna Kinshasa, il-Kongo. L-uffiċċju tal-fergħa kellu ġnien sabiħ u kien hemm il-kwiet. L-ewwel ħaġa li Lesli poġġiet fil-kamra kienet kard li kienet ilha għandha minn meta tlaqna mill-Kanada. Fuqha kellha miktub “Kunu ferħanin kull fejn tkunu.” U hekk ġara. Bdejna nieħdu pjaċir iktar naqdu lil Ġeħova meta ltqajna mal-aħwa, beda jkollna l-istudji tal-Bibbja, u rajna kemm nistgħu nieħdu pjaċir f’dan ix-xogħol. Maż-żmien, kellna l-privileġġ li nżuru l-fergħat fi 13-il pajjiż fl-Afrika. Stajna nitgħallmu dwar ħafna kulturi differenti u interessanti. Ma bqajtx ninkwieta li kont qiegħed l-Afrika u rringrazzjajt lil Ġeħova talli bagħatna naqdu hemm.

L-aħwa fil-Kongo tawna nieklu ħafna ikel differenti li ħsibt li ma kienx se jirnexxilna nieklu, bħall-insetti. Imma meta rajna lill-aħwa jikluhom, ipprovajniehom u għoġbuna.

Aħna vvjaġġajna lejn naħa oħra tal-pajjiż biex ninkuraġġixxu lill-aħwa u ntuhom dak li kellhom bżonn. F’dawn il-postijiet, xi gruppi tar-ribelli bdew jattakkaw il-villaġġi u jweġġgħu lin-nisa u lit-tfal. Ħafna mill-aħwa kellhom ftit affarijiet materjali. Imma aħna ġejna inkuraġġiti ħafna bil-fidi soda tagħhom fl-irxoxt, kemm kienu jħobbu lil Ġeħova, u l-lealtà tagħhom lejn l-organizzazzjoni tiegħu. Dan ġegħelna naħsbu dwar għala qed naqdu lil Ġeħova u biex insaħħu l-fidi tagħna fih. Ħafna mill-aħwa kienu tilfu d-djar tagħhom u l-ħaxix li kienu qed ikabbru. Dan fakkarni kemm nistgħu nitilfu l-affarijiet materjali malajr u li l-iktar ħaġa importanti hi l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Minkejja d-diffikultajiet li kienu jgħaddu minnhom, l-aħwa ma kinux igergru. L-attitudni tagħhom inkuraġġietna biex b’kuraġġ niffaċċjaw il-problemi li kellna.

Xellug: Nagħti taħdita lil grupp taʼ refuġjati

Lemin: Nieħdu l-mediċina u affarijiet li kellhom bżonn l-aħwa f’Dungu, il-Kongo

INKARIGU ĠDID FL-ASJA

Imbagħad kellna sorpriża oħra. Staqsewna biex immorru fil-fergħa taʼ Hong Kong. Aħna qatt ma immaġinajna li se mmorru noqogħdu l-Asja! Imma wara li rajna l-għajnuna taʼ Ġeħova f’kull inkarigu li kellna, aċċettajna. Fl-2013, bid-dmugħ f’għajnejna, tlaqna lill-ħbieb u s-sbuħija tal-Afrika mingħajr ma konna nafu x’se jiġri.

Il-belt taʼ Hong Kong kienet differenti ħafna, għax hija mimlija nies minn pajjiżi differenti. Iċ-Ċiniż kien diffiċli biex nitgħallmuh. Imma l-aħwa ferħu ħafna bina, u l-ikel t’hemm vera għoġobna. Fl-uffiċċju tal-fergħa x-xogħol beda jiżdied, imma fl-istess ħin il-prezz tal-bini beda jogħla malajr. Allura l-Ġemgħa li Tiggverna ddeċidiet li tbigħ ħafna mill-bini tal-fergħa. Iktar tard, fl-2015, bdejna naqdu fil-Korea t’Isfel, fejn għadna naqdu sal-lum. Kellna nitgħallmu lingwa diffiċli oħra, imma minkejja li ma nafux nitkellmuha sew, l-aħwa jinkuraġġuna billi jgħidulna li qed nagħmlu progress.

Xellug: Il-ħajja ġdida tagħna f’Hong Kong

Lemin: Il-fergħa tal-Korea

DAK LI TGĦALLIMNA

Mhux dejjem faċli biex tagħmel ħbieb ġodda imma rajna li jekk nistiednu lil oħrajn, ikun iktar faċli biex issir tafhom malajr. Aħna nnotajna li l-aħwa għandhom iktar affarijiet simili milli differenti bejniethom u li Ġeħova ħalaqna biex inkunu onesti u nħobbu lil xulxin.—2 Kor. 6:11.

Rajna kemm hu importanti li naċċettaw lin-nies kif jagħmel Ġeħova, u noqogħdu attenti għad-direzzjoni taʼ Ġeħova u l-imħabba li jurina. Kull meta konna nħossuna skuraġġiti jew li l-aħwa qed jinjorawna, konna naqraw il-kards u l-ittri inkuraġġanti mingħand il-ħbieb. Aħna rajna kif Ġeħova wieġeb it-talb tagħna, uriena li jħobbna, u inkuraġġiena.

Matul is-snin, jien u Lesli tgħallimna kemm hu importanti li nqattgħu l-ħin flimkien, anke meta jkollna ħafna x’nagħmlu. U rajna wkoll kemm hu importanti li nidħqu meta nagħmlu xi żball, speċjalment meta nkunu qed nitgħallmu lingwa ġdida. U kuljum, nipprovaw naħsbu f’xi ħaġa sabiħa li nistgħu nirringrazzjaw lil Ġeħova għaliha.

Jien qatt ma ħsibt li nistaʼ nkun missjunarju jew ngħix f’pajjiż ieħor. Jien esperjenzajt il-ferħ li tħoss meta tkun taf li bl-għajnuna taʼ Ġeħova tistaʼ tagħmel kollox. Jien niftakar f’dak li qal il-profeta Ġeremija: “Qarraqt bija, O Ġeħova.” (Ġer. 20:7) Hu tana ħafna sorpriżi sbieħ u barkiet li qatt ma stajna nimmaġinaw, anke qatagħli x-xewqa li nsiefer bl-ajruplan. Aħna morna f’iktar pajjiżi milli immaġinajt li se mmur meta kont żgħir, għax żorna uffiċċji tal-fergħa f’ħames kontinenti. Jien vera napprezza li Lesli kienet lesta li tissapportjani fl-inkarigi differenti tiegħi.

Aħna dejjem nipprovaw niftakru li kulma nagħmlu hu għax inħobbu lil Ġeħova. L-affarijiet tajbin li għandna llum juruna kemm se jkollna futur sabiħ meta Ġeħova ‘jiftaħ idu u jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Salm 145:16.