Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23

GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova

Ġeħova Jridna Nkunu l-Mistidnin Tiegħu

Ġeħova Jridna Nkunu l-Mistidnin Tiegħu

“It-tinda tiegħi tkun fuqhom, u jien insir Alla tagħhom.”EŻEK. 37:27.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nifhmu xi jfisser li nkunu mistidnin fit-tinda taʼ Ġeħova u kif jieħu ħsiebna.

1-2. Ġeħova għal xiex jistidinhom lill-qaddejja leali tiegħu?

 KIF twieġeb kieku xi ħadd isaqsik, ‘Ġeħova min hu għalik?’ Forsi twieġeb, ‘Ġeħova hu Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib.’ Jew tistaʼ taħseb f’xi kliem ieħor biex tiddeskrivi lil Ġeħova. Imma qatt ħsibt li Ġeħova hu xi ħadd li stiednek fit-tinda tiegħu?

2 Ir-Re David qabbel lil Ġeħova ma’ xi ħadd li jistieden, u l-qaddejja tiegħu mal-mistidnin. David qal: “Ġeħova, min jistaʼ jkun mistieden fit-tinda tiegħek? Min jistaʼ jgħix fuq il-muntanja qaddisa tiegħek?” (Salm 15:1) Minn dan il-vers naraw li aħna nistgħu nkunu l-mistidnin taʼ Ġeħova, jiġifieri l-ħbieb tiegħu. Kemm hi stedina sabiħa mingħand Ġeħova!

ĠEĦOVA JRIDNA NKUNU L-MISTIDNIN TIEGĦU

3. Min kien l-ewwel mistieden taʼ Ġeħova, u kif kienu jħossuhom dwar xulxin?

3 Qabel Ġeħova beda joħloq kollox, kien waħdu. Imbagħad hu ħalaq lil Ibnu Ġesù. Hu kien l-ewwel mistieden fit-tinda tiegħu. Ġeħova kien ferħan b’Ġesù u kien iħobbu “b’mod speċjali.” Min-naħa tiegħu, Ġesù ‘kien jieħu pjaċir quddiemu l-ħin kollu.’—Prov. 8:30.

4. Maż-żmien, Ġeħova lil min stieden fit-tinda tiegħu?

4 Imbagħad Ġeħova ħalaq l-anġli, u xtaqhom ikunu l-mistidnin tiegħu wkoll. Il-Bibbja tgħid li l-anġli huma “t-tfal t’Alla” u huma ferħanin miegħu. (Ġob 38:7; Dan. 7:10) Għal ħafna żmien, il-mistidnin taʼ Ġeħova kienu dawk li jgħixu miegħu fis-sema biss. Iktar tard ħalaq lill-bnedmin, u anki huma setgħu jsiru l-mistidnin tiegħu. Xi wħud minnhom kienu Enok, Noè, Abraham, u Ġob. Il-Bibbja turi li huma kienu l-ħbieb taʼ Ġeħova għax kienu jobduh.—Ġen. 5:24; 6:9; Ġob 29:4; Is. 41:8.

5. X’nitgħallmu mill-profezija t’​Eżekjel 37:​26, 27?

5 Ġeħova għadu jistieden lin-nies sal-lum il-ġurnata. (Aqra Eżekjel 37:​26, 27.) Pereżempju, mill-profezija taʼ Eżekjel naraw li Ġeħova jixtieq li jkollu ħbiberija b’saħħitha man-nies tiegħu. Hu jwiegħed li ħa jagħmel “patt taʼ paċi” magħhom. Fil-fatt, il-profezija t’​Eżekjel titkellem għal żmien meta dawk magħżulin biex ikunu fis-sema ma’ Ġesù u dawk li ħa jgħixu fuq l-art se jkunu “merħla waħda.” (Ġw. 10:16) Dan qiegħed jiġri bħalissa!

NGĦIXU FEJN NGĦIXU ĠEĦOVA JIEĦU ĦSIEBNA

6. Kif tistaʼ tiġi mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova, u fejn qiegħda din it-tinda?

6 Fiż-żmien meta nkitbet il-Bibbja, tinda kienet post fejn xi ħadd setaʼ jistrieħ u kienet tagħti protezzjoni. Xi ħadd mistieden f’tinda kien jistenna li min stiednu se jieħu ħsiebu sew. Meta aħna niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova, ikun qisu dħalna fit-tinda tiegħu bħala mistidnin. (Salm 61:4) Hu jagħtina kull m’għandna bżonn biex nibqgħu ħbieb tiegħu u taʼ aħwa oħra li wkoll huma ħbieb taʼ Ġeħova. Imma din it-tinda mhux qiegħda f’post wieħed biss. Forsi xi darba sifirt u ltqajt mal-aħwa f’xi konvenzjoni speċjali. Dawn l-aħwa wkoll huma ferħanin li qegħdin fit-tinda taʼ Ġeħova. Allura, din it-tinda qiegħda kull fejn hemm nies leali lejn Ġeħova.—Riv. 21:3.

7. Kif nafu li dawk leali li mietu għadhom mistidnin fit-tinda taʼ Ġeħova? (Ara l-istampa.)

7 Imma xi ngħidu għall-aħwa leali li mietu? Għadhom mistidnin fit-tinda taʼ Ġeħova? Iva! Għax il-Bibbja turi li Ġeħova jiftakar kull dettall dwarhom, u allura bħallikieku għadhom ħajjin għalih. Fil-fatt, Ġesù qal: “Dwar li l-mejtin se jiġu mqajmin, anki Mosè tkellem dwarhom fir-rakkont dwar l-għollieqa, meta rrefera għal Ġeħova bħala ‘l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.’ Hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin, għax għalih kollha ħajjin.”—Lq. 20:​37, 38.

Anki dawk li mietu leali għadhom mistidnin fit-tinda t’Alla (Ara paragrafu 7)


KIF NIBBENEFIKAW IMMA XI RRIDU NAGĦMLU

8. Dawk li qegħdin fit-tinda taʼ Ġeħova kif jibbenefikaw?

8 Bħalma tinda tistaʼ tipproteġina mit-temp, it-tinda taʼ Ġeħova tistaʼ tipproteġina mill-affarijiet li jagħmlu ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. Din it-tinda tistaʼ wkoll tagħtina tama għall-futur. Jekk nibqgħu ħbieb ma’ Ġeħova, Satana mhux se jagħmlilna ħsara li tibqaʼ għal dejjem. (Salm 31:23; 1 Ġw. 3:8) U fid-dinja l-ġdida, Ġeħova se jkompli jipproteġina spiritwalment u anki mill-mewt.—Riv. 21:4.

9. Ġeħova x’jistenna mill-mistidnin tiegħu?

9 Nistgħu nkunu ferħanin li qegħdin fit-tinda taʼ Ġeħova, għax b’hekk jistaʼ jkollna ħbiberija b’saħħitha miegħu li tibqaʼ għal dejjem. Imma xi rridu nagħmlu biex nibqgħu mistidnin tiegħu? Aħseb dwar dan: Jekk tkun mistieden għand xi ħadd u tkun taf li jixtieqek tneħħi ż-żarbun, mhux se tiddejjaq tneħħih. Bl-istess mod, irridu nkunu nafu x’jixtieqna nagħmlu Ġeħova biex nibqgħu mistidnin fit-tinda tiegħu. Peress li nħobbuh ħafna, nagħmlu dak li hemm bżonn biex ‘nogħġbuh għalkollox.’ (Kol. 1:10) Barra minn hekk, inżommu f’moħħna li avolja Ġeħova hu l-Ħabib tagħna, hu Missierna u Alla tagħna wkoll. Għalhekk, hemm bżonn nirrispettawh ħafna. (Salm 25:14) Mela jekk aħna nirrispettawh, qatt mhu se nagħmlu xi ħaġa li nistgħu nweġġgħuh biha. Aħna dejjem irridu ‘nkunu modesti’ meta naqduh.—Mik. 6:8.

ĠEĦOVA MA KELLUX PREFERENZI MAL-IŻRAELIN

10-11. Il-mod kif Ġeħova mexa mal-Iżraelin fid-deżert, kif juri li m’għandux preferenzi?

10 Ġeħova qatt ma juri preferenzi mal-mistidnin tiegħu. (Rum. 2:11) Dan nistgħu narawh minn kif mexa mal-Iżraelin meta kienu fid-deżert.

11 Wara li ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu, Ġeħova inkariga lill-qassisin u l-Leviti biex jaħdmu fit-tabernaklu. Imma lil dawk li kellhom dan ix-xogħol jew li kienu jgħixu viċin tat-tabernaklu, Ġeħova kien jieħu ħsiebhom aħjar? Le! Għax Ġeħova qatt ma juri preferenzi.

12. Meta l-Iżraelin kienu fid-deżert, Ġeħova kif wera li m’għandux preferenzi? (Eżodu 40:38) (Ara l-istampa.)

12 L-Iżraelin kollha setgħu jkunu ħbieb tajbin taʼ Ġeħova, anki jekk ma kinux jaħdmu fit-tabernaklu jew jgħixu ’l bogħod minnu. Pereżempju, huma kollha setgħu jaraw il-kolonna tas-sħab u l-kolonna tan-nar fuq it-tabernaklu. (Aqra Eżodu 40:38.) Meta kienet timxi, anki dawk li kienu joqogħdu ’l bogħod setgħu jindunaw. U b’hekk, setgħu jippakkjaw l-affarijiet, iżarmaw il-kampijiet, u jitilqu mal-oħrajn. (Num. 9:​15-23) L-Iżraelin kollha setgħu jisimgħu l-ħoss taż-żewġ trumbetti tal-fidda li kienu juru li jridu jitilqu u jmorru f’post ieħor. (Num. 10:2) Dan ifisser li dawk li kienu joqogħdu viċin it-tabernaklu ma kinux iktar ħbieb taʼ Ġeħova mill-oħrajn. L-Iżraelin kollha setgħu jkunu mistidnin taʼ Ġeħova u jkunu ċerti li se jieħu ħsiebhom u jipproteġihom. Bħall-Iżraelin, illum, ngħixu fejn ngħixu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna, jieħu ħsiebna, u jipproteġina.

Ġeħova poġġa t-tabernaklu fin-nofs tal-kamp tal-Iżraelin, u dan wera li ma kienx juri preferenzi (Ara paragrafu 12)


ĠEĦOVA LLUM MA JURIX PREFERENZI

13. Illum Ġeħova kif ma jurix preferenzi?

13 Xi aħwa jgħixu viċin tal-kwartieri ġenerali jew xi uffiċċju tal-fergħa. U oħrajn jaqdu fihom. B’hekk, ikunu jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet li jkun hemm u jagħmluha mal-aħwa li qed jieħdu ħsieb. Hemm aħwa oħra li jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet jew f’xi servizz full-time speċjali ieħor. Imma anki jekk m’intix taqdi b’dan il-mod, xorta tistaʼ tkun ċert li int mistieden taʼ Ġeħova, u li hu jafek sew, iħobbok, u jieħu ħsiebek. (1 Pt. 5:7) Ġeħova jagħti l-ikel spiritwali, id-direzzjoni u jipproteġi lil kull wieħed minna.

14. Ġeħova b’liema mod ieħor ma jurix preferenzi?

14 Mod ieħor kif Ġeħova ma jurix preferenzi hu billi għamilha possibbli għan-nies kollha biex jaqraw il-Bibbja. Fil-bidu, il-Bibbja nkitbet bi tliet lingwi: bl-Ebrajk, bl-Aramajk, u bil-Grieg. Min jaf jaqra b’dawn it-tliet lingwi għandu ħbiberija iżjed mill-qrib ma’ Ġeħova minn oħrajn? Le.—Mt. 11:25.

15. Kif nistgħu naraw li Ġeħova ma jurix preferenzi? (Ara l-istampa.)

15 Għal Ġeħova mhuwiex importanti kemm in-nies ikollhom skola jew jekk jafux jaqraw il-Bibbja bil-lingwi oriġinali. Hu jagħti l-għerf tiegħu lil kulħadd. Allura, il-Bibbja hi tradotta b’eluf taʼ lingwi. B’hekk, nies mid-dinja kollha jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u jsiru l-ħbieb tiegħu.—2 Tim. 3:​16, 17.

Peress li l-Bibbja nistgħu naqrawha b’eluf taʼ lingwi naraw li Ġeħova ma jurix preferenzi (Ara paragrafu 15)


IBQAʼ OGĦĠOB LIL ĠEĦOVA

16. Skont Atti 10:​34, 35, kif nistgħu nibqgħu nogħġbu lil Ġeħova?

16 Hu privileġġ sabiħ li tkun mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova. M’hemm ħadd li hu ospitabbli u jħobbna daqsu. U hu ma jurix preferenzi. Mhuwiex importanti għal Ġeħova minn fejn aħna, kemm għandna skola jew żmien, jew jekk aħniex raġel jew mara. Hu jaċċetta bħala mistidnin lil dawk kollha li jobduh.—Aqra Atti 10:​34, 35.

17. X’se nistudjaw fl-artiklu li jmiss?

17 F’​Salm 15:​1, David saqsa: “Ġeħova, min jistaʼ jkun mistieden fit-tinda tiegħek? Min jistaʼ jgħix fuq il-muntanja qaddisa tiegħek?” Fl-istess salm, David iwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Fl-artiklu li jmiss se naraw xi rridu nagħmlu biex nogħġbu lil Ġeħova u nibqgħu ħbieb tiegħu.

GĦANJA 32 Żomm int ma’ Ġeħova!