Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Xi nies għala jaħsbu li Salm 12:7 jitkellem dwar “dak li jgħid Ġeħova” (vers 6), waqt li t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida titkellem dwar “il-batuti” (vers 5)?
Dak li jgħid Salm 12 juri li l-vers qed jitkellem dwar in-nies.
Salm 12:1-4 jgħid li “dawk li huma taʼ min jafdahom sparixxew minn fost in-nies.” Imbagħad fil-versi 5-7 jgħid:
“Ġeħova jgħid: ‘Peress li l-batuti huma maħqurin,
Peress li l-foqra qed jibku,
Jien se naġixxi u nsalvahom minn dawk li jmaqdruhom.’
Dak li jgħid Ġeħova hu perfett;
Kliemu hu bħal fidda rfinuta ġo forn tal-fuħħar, li ġiet imnaddfa sebaʼ darbiet.
Ġeħova, int se tipproteġi lil kull wieħed minnhom;
Se tipproteġihom minn dawn in-nies ħżiena.”
Vers 5 jitkellem dwar x’se jagħmel Alla għal batuti. Hu se jsalvahom.
Vers 6 jkompli li “dak li jgħid Ġeħova hu perfett;” “bħal fidda rfinuta.” Aħna hekk inħossuna dwar dak li jgħid Ġeħova.—Salm 18:30; 119:140.
Ara x’jgħid Salm 12:7: “Ġeħova, int se tipproteġi lil kull wieħed minnhom; se tipproteġihom minn dawn in-nies ħżiena.” Fuq min qed jitkellem?
Peress li vers 6 jitkellem dwar “dak li jgħid Ġeħova,” xi nies jaħsbu li fil-vers 7 jkompli jitkellem dwar “dak li jgħid Ġeħova.” Aħna nafu li Alla pproteġa l-Bibbja ħafna drabi minn għedewwa li pprovaw jeqirduha.—Is. 40:8; 1 Pt. 1:25.
Imma Ġeħova jipproteġi wkoll lin-nies li jsemmi vers 5. Hu se jibqaʼ jgħin u jsalva lill-“batuti” u l-“maħqurin.”—Ġob 36:15; Salm 6:4; 31:1, 2; 54:7; 145:20.
Mela vers 7 għal min qed jgħid?
Dak li naqraw fis-salm juri li qed jirreferi għan-nies.
Versi 1 u 2 jitkellmu dwar nies ħżiena li gidbu lill-qaddejja leali taʼ Ġeħova. Fil-vers taʼ wara naraw li Ġeħova se jiħodha kontra dawk li jgħidu affarijiet ħżiena. Minn dan is-salm nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħin lin-nies tiegħu għax dak li jgħid hu perfett.
Mela vers 7 qed jgħid li Ġeħova se jipproteġi lil dawk li ġew trattati ħażin mill-ħżiena.
It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tuża l-istess ħsieb li hemm f’kopji antiki taʼ min jafdahom tal-Iskrittura Ebrajka. Meta l-Iskrittura Ebrajka ġiet tradotta bil-Grieg, intużaw il-kliem “minnha” u “tipproteġina.” Għalhekk qed titkellem dwar uħud leali li huma batuti u maħqurin. Vers 7 jgħid ukoll li kull wieħed minn dawn in-nies leali se jiġu protetti min-nies ħżiena u li jinkuraġġixxu l-korruzzjoni. (Salm 12:7, 8) Fi traduzzjoni bl-Aramajk tal-Iskrittura Ebrajka l-ewwel parti taʼ dan il-vers tgħid: “Int, O Mulej, se tipproteġi lit-tajbin, se tipproteġihom minn dawn in-nies ħżiena għal dejjem.” Minn dan naraw ċar li Salm 12:7 mhux qed jitkellem dwar dak li jgħid Ġeħova.
Għalhekk dan il-vers jagħti tama lin-nies leali għax Alla se jgħinhom.