Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 5

“L-Imħabba li Għandu l-Kristu Ġġegħelna”

“L-Imħabba li Għandu l-Kristu Ġġegħelna”

“L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna . . . biex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom.”—2 KOR. 5:14, 15.

GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. (a) Kif nistgħu nħossuna meta naħsbu dwar il-ħajja taʼ Ġesù u dak li għamel għalina? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

 META jmut xi ħadd li nħobbu, nimmissjawh ħafna! Għall-ewwel, forsi nħossu ħafna wġigħ meta naħsbu fiż-żmien taʼ qabel miet, speċjalment jekk kien qed ibati. Imma meta jgħaddi ż-żmien, u nibdew naħsbu dwar xi ħaġa li qalilna jew għamel għalina biex jinkuraġġina jew biex idaħħaqna, nistgħu nibdew inħossuna ferħanin.

2 Bl-istess mod, aħna nħossuna mdejqin meta naqraw dwar it-tbatija u l-mewt taʼ Ġesù. Matul iż-żmien tat-Tifkira aħna nieħdu l-ħin biex naħsbu sew kemm hu importanti s-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (1 Kor. 11:24, 25) Imma, aħna nieħdu pjaċir naħsbu dwar l-affarijiet li Ġesù qal u għamel meta kien fuq l-art. Aħna nħossuna inkuraġġiti meta naħsbu dwar dak li qed jagħmel bħalissa u dak li se jagħmel għalina fil-futur. Kif se naraw f’dan l-artiklu, meta nimmeditaw fuq dawn l-affarijiet u l-imħabba li għandu għalina, se niġu mmotivati biex nuru l-apprezzament tagħna.

L-APPREZZAMENT JIMMOTIVANA BIEX INĦOBBU IKTAR LIL ĠESÙ

3. Għala għandna napprezzaw is-sagrifiċċju taʼ Ġesù?

3 Meta naħsbu dwar il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù, aħna napprezzaw dak li għamel għalina. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu għallem lin-nies dwar l-affarijiet tajbin li se tagħmel is-Saltna t’Alla. Aħna nieħdu pjaċir b’dak li tgħallem il-Bibbja dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù u l-barkiet li nistgħu ngawdu. Aħna napprezzaw il-fidwa għax b’hekk nistgħu nkunu ħbieb maʼ Ġeħova u Ġesù. Dawk li jemmnu f’Ġesù għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem u li jerġgħu jaraw lill-maħbubin tagħhom li mietu. (Ġw. 5:28, 29; Rum. 6:23) Aħna m’għamilna xejn biex ikun ħaqqna dawn il-barkiet u qatt ma nistgħu npattu għal dak li Alla u Kristu għamlu għalina. (Rum. 5:8, 20, 21) Imma aħna nistgħu nuruhom kemm napprezzaw. Kif?

Li timmedita fuq l-eżempju taʼ Marija l-Maddalena kif jimmotivak biex turi iktar apprezzament? (Ara paragrafi 4-5)

4. Marija l-Maddalena kif uriet l-apprezzament tagħha għal dak li għamel għaliha Ġesù? (Ara l-istampa.)

4 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Marija l-Maddalena. Hi kienet qed tbati ħafna għax kellha sebaʼ demonji. Forsi ħasset li ħadd ma jistaʼ jgħinha. Mela immaġina kemm ħassitha ferħana meta Ġesù ħelisha minn dawn id-demonji! L-apprezzament tagħha mmotivaha biex issir dixxiplu taʼ Ġesù u tuża l-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet tagħha biex tgħinu fil-ministeru tiegħu. (Lq. 8:1-3) Għalkemm Marija apprezzat ħafna dak li Ġesù għamel għaliha, hi forsi ma kinitx taf dak li kien se jagħmel għaliha fil-futur. Hu kien se jagħti ħajtu għall-bnedmin kollha “biex kulmin jeżerċita l-fidi fih” ikollu l-ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 3:16) Imma Marija wriet l-apprezzament tagħha billi kienet leali lejn Ġesù. Meta Ġesù kien qed ibati fuq iz-zokk tat-tortura, hi baqgħet viċin tiegħu għax kien jimpurtaha minnu u riedet tinkuraġġixxi lil dawk li kienu hemmhekk. (Ġw. 19:25) Wara li Ġesù miet, Marija u żewġ nisa oħra ħadu fwejjaħ aromatiċi fil-qabar tiegħu. (Mk. 16:1, 2) Ġeħova ta lil Marija privileġġ mill-isbaħ talli baqgħet leali lejn Ġesù. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hi ltaqgħet miegħu u kellmitu. Ftit mill-appostli biss kellhom dan il-privileġġ.—Ġw. 20:11-18.

5. Kif nistgħu nuru li napprezzaw kulma għamlu Ġeħova u Ġesù għalina?

5 Aħna wkoll nistgħu nuru kemm napprezzaw dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. Dan nistgħu nagħmluh billi nużaw il-ħin, l-enerġija, u l-flus biex naqdu lil Ġeħova. Pereżempju, nistgħu ngħinu biex nibnu postijiet fejn naqdu lil Ġeħova u nieħdu ħsiebhom.

L-IMĦABBA LEJN ĠEĦOVA U ĠESÙ TIMMOTIVANA BIEX INĦOBBU LILL-OĦRAJN

6. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù għala hu rigal personali?

6 Meta naħsbu fuq kemm iħobbuna Ġeħova u Ġesù, aħna niġu mmotivati biex inħobbuhom ukoll. (1 Ġw. 4:10, 19) Meta naraw li Ġesù miet għalina b’mod personali, se nħobbuhom iżjed. L-appostlu Pawlu kien jafu dan, u wera kemm japprezza meta kiteb l-ittra lill-Galatin. Hu qalilhom: ‘L-Iben t’Alla ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.’ (Gal. 2:20) Peress li Ġesù miet għalina, Ġeħova jistaʼ jiġbdek lejh biex tkun il-ħabib tiegħu. (Ġw. 6:44) Ma jagħmlekx ferħan li Ġeħova ra xi ħaġa tajba fik u ħallas prezz kbir biex tkun tistaʼ ssir il-ħabib tiegħu? Dan ma jġegħlekx tħobbhom iktar lil Ġeħova u lil Ġesù? Għalhekk ikun tajjeb li nsaqsu, ‘Din l-imħabba x’timmotivani nagħmel?’

L-imħabba tagħna lejn Alla u Kristu timmotivana biex nippritkaw lil kulħadd (Ara paragrafu 7)

7. Bħalma naraw fl-istampa, kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù? (2 Korintin 5:14, 15; 6:1, 2)

7 L-imħabba lejn Alla u Kristu timmotivana biex nuru mħabba lejn oħrajn. (Aqra t-2 Korintin 5:14, 15; 6:1, 2.) Mod wieħed kif nuru din l-imħabba hu billi nippritkaw kemm nistgħu. Aħna nitkellmu maʼ kulħadd, anke maʼ nies minn pajjiżi differenti. Nitkellmu wkoll maʼ nies sinjuri u taʼ skola u maʼ nies fqar u mhux taʼ skola. B’hekk inkunu qed nagħmlu dak li jixtieq Ġeħova għax hu “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Tim. 2:4.

8. Kif nistgħu nuru li nħobbu lill-aħwa?

8 Aħna nuru wkoll li nħobbu lil Alla u lil Kristu billi nħobbu lil ħutna. (1 Ġw. 4:21) Aħna jimpurtana ħafna minnhom u ngħinuhom meta jkunu għaddejjin mill-problemi. Aħna ninkuraġġuhom meta jħossuhom imdejqin jew jitilfu lil xi ħadd li jħobbu u mmorru narawhom meta jkunu morda. (2 Kor. 1:3-7; 1 Tess. 5:11, 14) Aħna nibqgħu nitolbu għalihom għax nafu li “t-talb bil-ħerqa tal-ġust għandu qawwa kbira.”—Ġak. 5:16.

9. X’inhu mod ieħor kif nuru li nħobbu lil ħutna?

9 Mod ieħor kif nuru li nħobbu lill-aħwa hu billi naħdmu iebes biex inżommu l-paċi bejnietna. Aħna nipprovaw nimitaw il-mod kif Ġeħova jaħfer lill-oħrajn. Ġeħova kien lest li jħalli lil Ibnu jmut għad-dnubiet tagħna. Allura aħna m’għandniex inkunu lesti li naħfru lil ħutna meta jweġġgħuna? Aħna ma rridux inkunu bħall-ilsir kattiv li semma Ġesù. Wara li sidu ħafirlu dejn kbir, hu ma riedx jaħfer il-ftit dejn li sieħbu kellu miegħu. (Mt. 18:23-35) Jekk għandek xi problema maʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni, tistaʼ tieħu l-inizjattiva biex tagħmel paċi qabel it-Tifkira? (Mt. 5:23, 24) Jekk tagħmel hekk, tkun qed turi li tħobb lil Ġeħova u lil Ġesù.

10-11. L-anzjani kif jistgħu juru li jħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù? (1 Pietru 5:1, 2)

10 L-anzjani kif juru li jħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù? Xi ħaġa importanti li għandhom jagħmlu hi li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-aħwa. (Aqra l-1 Pietru 5:1, 2.) Ġesù wera lill-appostlu Pietru kemm dan kien importanti. Wara li qal li ma jafx lil Ġesù għal tliet darbiet, Pietru żgur xtaq jurih kemm kien iħobbu. Wara li ġie rxoxtat, Ġesù staqsa lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” Nistgħu nkunu ċerti li Pietru għamel li setaʼ biex juri li jħobb lil Ġesù. Ġesù qallu: “Irgħa n-nagħaġ ċkejknin tiegħi.” (Ġw. 21:15-17) Matul ħajtu kollha, Pietru wera li jħobb lil Ġesù billi ħa ħsieb lin-nagħaġ tiegħu.

11 Anzjani, fi żmien it-Tifkira kif tistgħu turu li dak li Ġesù qal lil Pietru hu importanti għalikom? Tistgħu turu kemm tħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù billi tinkuraġġixxu lill-aħwa u tgħinu lil dawk inattivi jerġgħu lura għand Ġeħova. (Eżek. 34:11, 12) Tistgħu wkoll tinkuraġġixxu l-istudenti tal-Bibbja u nies interessati biex jattendu t-Tifkira. Aħna rridu nilqgħuhom għax nixtiequ li anke huma jsiru dixxipli taʼ Ġesù.

L-IMĦABBA GĦAL KRISTU TGĦINNA NKUNU KURAĠĠUŻI

12. Dak li qal Ġesù fil-lejl taʼ qabel miet għala jtina l-kuraġġ? (Ġwanni 16:32, 33)

12 Fil-lejl taʼ qabel miet, Ġesù lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Fid-dinja qed ikollkom it-tribulazzjoni, imma agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.” (Aqra Ġwanni 16:32, 33.) X’għen lil Ġesù biex jibqaʼ kuraġġuż meta l-għedewwa tiegħu heddewh, u biex jibqaʼ leali sal-mewt? Hu straħ fuq Ġeħova. Hu kien jaf li d-dixxipli tiegħu se jgħaddu minn xi ħaġa simili, allura qal lil Ġeħova biex jieħu ħsiebhom. (Ġw. 17:11) Dan għala jtina l-kuraġġ? Għax Ġeħova hu b’saħħtu ħafna iżjed mill-għedewwa tagħna. (1 Ġw. 4:4) Hu jara kollox. Aħna konvinti li jekk nistrieħu fuq Ġeħova, hu se jgħinna ma nibżgħux u nkunu kuraġġużi.

13. Ġużeppi minn Arimatija kif wera l-kuraġġ?

13 Aħseb fl-eżempju taʼ Ġużeppi minn Arimatija. Il-Lhud kienu jirrispettawh ħafna. Hu kien membru tas-Sinedriju, l-ogħla qorti Lhudija. Imma meta Ġesù kien qed jipprietka, Ġużeppi ma kienx kuraġġuż. Ġwanni qal li “kien dixxiplu taʼ Ġesù, imma bil-moħbi għax kien jibżaʼ mil-Lhud.” (Ġw. 19:38) Minkejja li Ġużeppi kien interessat fil-messaġġ tas-Saltna, hu ma weriex lill-oħrajn li kellu fidi f’Ġesù. Probabbli hu kien jibżaʼ li n-nies mhux se jibqgħu jirrispettawh. Imma l-Bibbja tgħidilna li wara li miet Ġesù, Ġużeppi “għamel il-kuraġġ biex jidħol quddiem Pilatu u talbu l-ġisem taʼ Ġesù.” (Mk. 15:42, 43) Ġużeppi ma baqax jaħbi li kien dixxiplu taʼ Ġesù.

14. X’tistaʼ tagħmel jekk tibżaʼ minn x’jaħsbu n-nies dwarek?

14 Ġieli tibżaʼ bħalma ġralu Ġużeppi? Meta tkun l-iskola jew ix-xogħol, ġieli tistħi tgħid lill-oħrajn li int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova? Qed iżżomm lura milli tibda tipprietka jew titgħammed għax tibżaʼ minn x’jaħsbu oħrajn dwarek? Tħallix din il-biżaʼ twaqqfek milli tagħmel dak li hu tajjeb. Itlob lil Ġeħova mill-qalb. Għidlu jtik il-kuraġġ biex tagħmel dak li jixtieq hu. Meta tara kif Ġeħova jwieġeb it-talb tiegħek, se ssir iktar kuraġġuż.—Is. 41:10, 13.

IL-FERĦ JIMMOTIVANA NAQDU LIL ĠEĦOVA MINGĦAJR MA NIĠU SKURAĠĠITI

15. Wara li Ġesù deher lid-dixxipli, il-ferħ tagħhom x’għenhom jagħmlu? (Luqa 24:52, 53)

15 Id-dixxipli kienu mdejqin ħafna meta miet Ġesù. Immaġinak fis-sitwazzjoni tagħhom. Huma mhux biss tilfu l-ħabib tagħhom, imma wkoll ħassewhom bla tama. (Lq. 24:17-21) Imma meta raw lil Ġesù, hu għenhom jifhmu kif kien wettaq il-profeziji tal-Bibbja. Hu tahom ukoll xogħol importanti x’jagħmlu. (Lq. 24:26, 27, 45-48) Sa 40 ġurnata wara, meta Ġesù telaʼ s-sema, id-dixxipli ma baqgħux imdejqin imma kienu vera ferħanin. Dan għax kienu jafu li Ġesù kien ħaj u se jgħinhom fix-xogħol li tahom. Il-ferħ tagħhom għenhom biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova.—Aqra Luqa 24:52, 53; Atti 5:42.

16. Kif nistgħu nimitaw id-dixxipli taʼ Ġesù?

16 Kif nistgħu nimitaw lid-dixxipli taʼ Ġesù? Aħna nistgħu nieħdu pjaċir naqdu lil Ġeħova mhux fi żmien it-Tifkira biss, imma s-sena kollha. Dan ifisser li rridu npoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajjitna. Pereżempju, ħafna rranġaw l-iskeda tax-xogħol biex ikunu jistgħu jippritkaw, imorru l-laqgħat, u jistudjaw bħala familja b’mod regolari. Xi wħud iddeċidew li jgħixu ħajja sempliċi ħalli jkunu jistgħu jgħinu iżjed fil-kongregazzjoni jew imorru jaqdu fejn hemm iżjed bżonn. Għandna bżonn nissaportu biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. Imma jekk inpoġġu s-Saltna l-ewwel, hu jwegħedna li se jberikna b’ħafna modi.—Prov. 10:22; Mt. 6:32, 33.

Fi żmien it-Tifkira ħu l-ħin biex timmedita dwar x’għamlu Ġeħova u Ġesù għalik (Ara paragrafu 17)

17. X’int determinat li tagħmel fi żmien it-Tifkira? (Ara l-istampa.)

17 Aħna nħarsu ’l quddiem biex it-Tlieta, 4 tʼApril, nattendu t-Tifkira. Imma tistenniex sa dakinhar biex taħseb dwar il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù u l-imħabba li wrewna hu u Ġeħova. Aħseb dwar dawn l-affarijiet kemm tistaʼ qabel u wara t-Tifkira. Pereżempju, ħu l-ħin biex taqra u timmedita fuq iċ-ċart “L-aħħar ġimgħa taʼ Ġesù fuq l-art,” f’Appendiċi B12 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida. Int u taqra dwar il-ħajja taʼ Ġesù, fittex rakkonti mill-Bibbja li jżidulek l-apprezzament, l-imħabba, il-kuraġġ, u l-ferħ. Imbagħad aħseb x’tistaʼ tagħmel biex turi l-apprezzament tiegħek. Tistaʼ tkun ċert li Ġesù se japprezza ħafna kulma tagħmel biex tiftakar fih waqt it-Tifkira.—Riv. 2:19.

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

a Matul iż-żmien tat-Tifkira, aħna rridu naħsbu sew dwar il-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù. Irridu naħsbu wkoll dwar l-imħabba li hu u Missieru wrew magħna. Meta nagħmlu hekk, se niġu mmotivati biex nuru li aħna napprezzaw dak li għamlu għalina. F’dan l-artiklu, se niddiskutu modi kif nuru l-apprezzament tagħna għall-fidwa u nuru l-imħabba tagħna għal Ġeħova u Ġesù. Se nitgħallmu wkoll kif nistgħu niġu mmotivati biex inħobbu lill-aħwa, inkunu kuraġġużi, u naqdu lil Ġeħova bil-ferħ.