Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 4

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

Ġeħova Jħobbok Ħafna

Ġeħova Jħobbok Ħafna

“Il-Missier iħobbkom.”ĠW. 16:27.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif l-imħabba li għandu Ġeħova tiġbidna iżjed lejh, tipproteġina, turina li jieħu ħsiebna, u ssaħħaħna.

1. X’jiġik f’moħħok meta taħseb f’Ġeħova?

 ĠIELI provajt timmaġina l-karattru taʼ Ġeħova? X’jiġik f’moħħok meta titolbu? Aħna ma nistgħux naraw lil Ġeħova, imma l-Bibbja tiddeskrivih b’modi differenti. Il-Bibbja tgħid li hu “bħal xemx u . . . tarka” u bħal “nar li jeqred.” (Salm 84:11; Ebr. 12:29) Eżekjel qal li f’viżjoni ra lil Ġeħova bħal ġawhra prezzjuża, jixgħel bħall-metall, u qawsalla. (Eżek. 1:​26-28) Dawn l-affarijiet dwar Ġeħova jaf jimpressjonawna ħafna jew iġegħluna nħossuna daqs naqra.

2. X’jistaʼ jagħmilha diffiċli biex nersqu qrib Ġeħova?

2 Minħabba li lil Ġeħova ma narawhx, jistaʼ jkun diffiċli biex nemmnu li jħobbna. Xi nies forsi jaħsbu li Ġeħova ma jistax iħobbhom minħabba affarijiet ħżiena li ġrawlhom fil-ħajja. Forsi ma kellhomx missier li jurihom li jħobbhom. Ġeħova jifhem kif inħossuna u jaf li xi kultant ma jkunx faċli biex nersqu qrib tiegħu. Biex jgħinna, fil-Bibbja jurina x’karattru għandu.

3. Għala għandna naħsbu dwar l-imħabba taʼ Ġeħova?

3 L-iżjed kelma li tiddeskrivi lil Ġeħova sew hi l-imħabba. Fil-fatt il-Bibbja tgħid li “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) Kull ħaġa li jagħmel jagħmilha bi mħabba. Tant għandu mħabba u tant hi b’saħħitha li hu juriha maʼ kulħadd, mhux maʼ dawk li jħobbuh biss. (Mt. 5:​44, 45) F’dan l-artiklu se niddiskutu kif Ġeħova juri din il-kwalità. Iktar ma nitgħallmu dwaru, iktar se nsiru nħobbuh.

ĠEĦOVA JĦOBBNA ĦAFNA

4. L-affezzjoni tenera li għandu Ġeħova kif iġġiegħlek tħossok? (Ara l-istampa.)

4 “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira.” (Ġak. 5:11) Fil-Bibbja, hu jqabbel lilu nnifsu maʼ omm li tħobb. (Is. 66:​12, 13) Immaġina omm li tħobb u tieħu ħsieb lit-tifel tagħha. Hi żżommu fuqha u titkellem miegħu bil-ħlewwa. Meta jkun muġugħ jew qed jibki tagħmel ċert li tieħu ħsiebu. Meta aħna nkunu inkwetati, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova jħobbna. Is-salmista kiteb: “Meta kelli ħafna ansjetà, int għentni u ferraħtni.”—Salm 94:19.

Bħalma omm tieħu ħsieb lit-tifel tagħha, Ġeħova l-istess ħa jagħmel miegħek (Ara paragrafu 4)


5. Xi tfisser l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova għalik?

5 Ġeħova hu leali. (Salm 103:8) Meta niżbaljaw, hu mhux ħa jieqaf iħobbna. L-Iżraelin weġġgħu lil Ġeħova għal ħafna drabi. Imma meta kien jiddispjaċihom u kienu jieqfu jagħmlu l-ħażin, hu kien jaċċertahom li se jibqaʼ jħobbhom. Pereżempju hu qalilhom: “Int kont prezzjuż f’għajnejja, qistek onorabbli, u ħabbejtek.” (Is. 43:​4, 5) Nistgħu nkunu ċerti li l-imħabba taʼ Ġeħova ma nbidlitx illum. Ġeħova mhux ħa jabbandunana, anki jekk għamilna żbalji kbar. Meta jiddispjaċina u nerġgħu lura għand Ġeħova, aħna ħa naraw li għadu jħobbna. Hu jwegħedna li “hu jaħfer bil-kbir.” (Is. 55:7) Il-Bibbja tgħid li meta jaħfrilna, Ġeħova jtina “żmien taʼ serħan il-moħħ.”—Atti 3:19.

6. Żakkarija 2:8 x’jgħallimna dwar Ġeħova?

6 Aqra Żakkarija 2:8. Peress li jħobbna, Ġeħova mill-ewwel jinduna kif inħossuna u jkun irid li jipproteġina. Hu jkun imdejjaq meta nkunu inkwetati. B’hekk nistgħu nkunu ċerti li hu ħa jismagħna meta nitolbu: “Ipproteġini bħall-mimmi t’għajnejk.” (Salm 17:8) L-għajn hi waħda mill-iktar partijiet sensittivi u importanti fil-ġisem. Allura meta Ġeħova jqabbilna mal-mimmi t’għajnejh, qisu qed jgħid, ‘Kull min iweġġagħkom qed iweġġaʼ xi ħaġa vera importanti għalija.’

7. Għala rridu nsiru iżjed ċerti li Ġeħova jħobbna?

7 Ġeħova jridek tkun ċert li hu jħobbok. Imma hu jaf li jistaʼ jkollna d-dubji jekk iħobbniex minħabba ċertu affarijiet li ġrawlna fil-passat. Jew forsi bħalissa stess għaddejjin minn xi ħaġa li ġġegħelna niddubitaw jekk Ġeħova jħobbniex. X’ħa jgħinna biex inkunu iżjed ċerti? Billi nitgħallmu kif Ġeħova juri mħabba maʼ Ġesù, mal-midlukin, u magħna.

KIF ĠEĦOVA JURI L-IMĦABBA

8. Ġesù għala kien ċert li Ġeħova jħobbu?

8 Peress li qattgħu biljuni taʼ snin fis-sema flimkien, Ġeħova u Ġesù saru close u jħobbu ħafna lil xulxin. Bħalma naraw f’​Mattew 17:​5, Ġeħova qal ċar kemm iħobb lil Ġesù. Ġeħova setaʼ sempliċiment qal, ‘Dan hu l-wieħed li jien ferħan ħafna bih.’ Imma biex jurina kemm kien iħobbu, hu qal: “Ibni l-maħbub.” Ġeħova kien kburi b’Ġesù, speċjalment għax kien lest li jmut għan-nies. (Efes. 1:7) U Ġesù ma kellux dubji li Ġeħova kien iħobbu. Għal darba wara l-oħra qal li kien ċert li Missieru kien iħobbu.—Ġw. 3:35; 10:17; 17:24.

9. Rumani 5:5 kif juri li Ġeħova jħobb lill-midlukin?

9 Ġeħova jgħid ukoll li jħobb lill-midlukin. (Aqra Rumani 5:5.) L-appostlu Pawlu qal li l-imħabba t’Alla “tferrgħet fi qlubna.” Dizzjunarju tal-Bibbja jqabbel l-imħabba t’Alla maʼ “xmara.” Dan l-eżempju juri kemm Ġeħova jħobb lill-midlukin. Huma jafu li Ġeħova jħobbhom. (Ġuda 1) L-appostlu Ġwanni spjega kif iħossuhom meta kiteb: “Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier, sabiex nissejħu wlied Alla.” (1 Ġw. 3:1) Imma Ġeħova jħobb lill-midlukin biss? Le, Ġeħova wera li jħobbna kollha.

10. X’juri l-iżjed kemm iħobbok Ġeħova?

10 X’juri l-iżjed kemm iħobbok Ġeħova? Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Ħadd qatt ma wera mħabba bħalma wera Ġeħova b’dan is-sagrifiċċju. (Ġw. 3:16; Rum. 5:8) Hu ħalla lil Ġesù, Ibnu l-għażiż, imut biex b’hekk jinħafru d-dnubiet tan-nies kollha u nkunu nistgħu nsiru ħbieb taʼ Ġeħova. (1 Ġw. 4:10) Iktar ma naħsbu dwar is-sagrifiċċju li għamlu Ġeħova u Ġesù, iktar ħa nifhmu kemm iħobbu lil kull wieħed u waħda minna. (Gal. 2:20) Ġeħova ma bagħatx lil Ġesù biex iħallas il-fidwa għax hu ġust biss, imma għax iħobbna wkoll. Ġeħova wera kemm iħobbna billi ta l-iktar ħaġa prezzjuża għalih—Ibnu Ġesù. Hu ħalla lil Ġesù jbati u jmut minħabba fina.

11. X’nitgħallmu minn Ġeremija 31:3?

11 Bħalma rajna, Ġeħova mhux biss iħobbna, imma jgħidilna wkoll kemm iħobbna. (Aqra Ġeremija 31:3.) Ġeħova ġibidna lejh għax iħobbna. (Ara l-prinċipju f’​Dewteronomju 7:​7, 8.) Xejn u ħadd ma jistaʼ jifridna minn dik l-imħabba. (Rum. 8:​38, 39) Int kif tħossok dwar dan? Aqra Salm 23, ara kif David ħassu dwar l-imħabba taʼ Ġeħova u kif tħossok int.

KIF TĦOSSOK DWAR L-IMĦABBA TAʼ ĠEĦOVA?

12. Salm 23 fuq xiex jitkellem?

12 Aqra Salm 23:​1-6. F’​Salm 23, David qal kemm kien ċert li Ġeħova jħobbu u jieħu ħsiebu. Hu jitkellem dwar kemm kienu ħbieb hu u Ġeħova, u hemmhekk iqabblu maʼ Ragħaj. David ħassu komdu jħalli lil Ġeħova jmexxih u hu kien jafdah f’kollox. David kien jaf li Ġeħova se jurih li jħobbu għal ħajtu kollha. Imma għala kien daqshekk ċert?

13. David għala kien ċert li Ġeħova qed jieħu ħsiebu?

13 “Mhu se jonqosni xejn.” David ħass li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebu għax dejjem tah li kellu bżonn. Barra minn hekk, hu kien jaf li Ġeħova hu l-ħabib tiegħu u li kien ferħan bih. Minħabba f’hekk kien ċert li jiġri x’jiġri fil-futur, Ġeħova kien ħa jibqaʼ jieħu ħsiebu. Peress li David kien ċert li Ġeħova kien iħobbu u ħa jieħu ħsiebu, dan għenu biex ma jinkwetax u jibqaʼ ferħan.—Salm 16:11.

14. Ġeħova kif jistaʼ juri li jħobbna?

14 Ġeħova jħobbna u jibqaʼ jieħu ħsiebna, speċjalment meta jiġrulna affarijiet koroh. Claire, a li ilha taqdi f’Betel għal iktar minn 20 sena, ma kinitx taf kif ħa tgħin lill-familja tagħha meta għaddew minn ħafna problemi f’daqqa. Missierha tatu puplesija (stroke) u waħda minn ħutha ġiet maqtugħa mis-sħubija. Apparti minn hekk, il-familja kellhom problema taʼ flus, u l-bank ħadilhom id-dar. Ġeħova kif ħa ħsiebhom u wriehom li jħobbhom? Claire tgħid: “Ġeħova dejjem ħa ħsieb il-bżonnijiet tal-familja tiegħi. Hu kemm-il darba tana iżjed milli kellna bżonn! Spiss naħseb kif Ġeħova għenna u qatt mhu ħa ninsa kemm iħobbna. Dawn il-ħsibijiet għenuni nibqaʼ ferħana naqdi lil Ġeħova, anki meta nqalgħu problemi oħrajn.”

15. David għala ħassu b’saħħtu? (Ara l-istampa.)

15 “Hu jsaħħaħni.” Kien hemm drabi li David ħassu inkwetat ħafna minħabba l-problemi li kellu. (Salm 18:​4-6) Imma hu ħassu b’saħħtu għax Ġeħova kien iħobbu u ħa ħsiebu. Ġeħova ħa ħsieb lill-ħabib tiegħu billi ħadu “f’art mimlija ħaxix” u “f’postijiet taʼ mistrieħ li fihom ħafna ilma.” Minħabba f’hekk, David ħassu b’saħħtu u setaʼ jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova bil-ferħ.—Salm 18:​28-32.

Meta David kien inkwetat ħafna, l-imħabba taʼ Ġeħova tatu s-saħħa (Ara paragrafu 15)


16. Ġeħova kif saħħaħ lilek?

16 Bħal David, l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova jgħinuna nissaportu meta ngħaddu mill-problemi. (Lam. 3:22; Kol. 1:11) Ara minn xiex għaddiet Rachel. Hi kienet ixxokkjata u mdejqa meta waqt il-pandemija tal-COVID-19, ir-raġel tagħha telaq lilha u lil Ġeħova. Ġeħova kif għenha? Hi tgħid: “Ġeħova wrieni li jħobbni. Hu tani ħafna ħbieb li qattgħu l-ħin miegħi, sajruli, bagħtuli ħafna messaġġi sbieħ u skritturi inkuraġġanti, tbissmuli, u fakkruni li Ġeħova jimpurtah minni. Jien dejjem nirringrazzja lil Ġeħova li tani familja li tħobbni.”

17. David għala ‘ma beżax li jweġġaʼ’?

17 “Ma nibżax li nweġġaʼ, għax int miegħi.” David kemm-il darba kien fil-periklu li jmut, u kellu ħafna għedewwa b’saħħithom. Imma hu ħassu protett għax Ġeħova kien iħobbu. David setaʼ jagħmel il-kuraġġ għax kien jaf li Ġeħova dejjem kien miegħu. B’hekk setaʼ jkanta: “[Ġeħova] ħelisni minn dak kollu li kien qed ibeżżagħni.” (Salm 34:4) Minkejja li David għadda minn żminijiet tal-biżaʼ, hu setaʼ jagħmel il-kuraġġ għax kien jaf li Ġeħova jħobbu.

18. Meta tkun taf li Ġeħova jħobbok, kif se jtik il-kuraġġ fi żminijiet diffiċli?

18 Meta tkun taf li Ġeħova jħobbok, kif se jtik il-kuraġġ fi żminijiet diffiċli? Pijuniera jisimha Susi qalet kif ħassewhom hi u r-raġel meta t-tifel tagħhom neħħa ruħu b’idejh: “Meta tiġri xi ħaġa daqshekk kerha, tant taffettwak li tibda tibżaʼ li ħa jiġru iżjed affarijiet koroh. Imma l-imħabba li wriena Ġeħova għenitna nħossuna protetti.” Rachel, li ssemmiet qabel, tgħid: “Darba minnhom, tant kont imdejqa u inkwetata li bdejt nitlob ngħajjat lil Ġeħova. Dak il-ħin ħassejt li kkalmani, bħal meta omm tikkalma lit-tarbija tagħha, u rqadt. Qatt mhu ħa ninsa kif għenni.” Anzjan jismu Tasos għamel erbaʼ snin fil-ħabs għax ma riedx jidħol fl-armata. Kif ħass lil Ġeħova jgħinu? Hu jgħid: “Ġeħova tani iktar milli kelli bżonn. Dan għenni nkun ċert li jien nistaʼ nafdah. U Ġeħova, permezz tal-ispirtu tiegħu, għenni nkun ferħan avolja l-ħabs vera post taʼ dwejjaq. Dan għenni nifhem li iktar ma nafda fih, iktar se nara kemm iħobbni. Allura meta kont il-ħabs bdejt naqdi bħala pijunier regulari.”

ERSAQ QRIB LEJN L-ALLA TAL-IMĦABBA

19. (a) Kif se nitolbu meta nkunu nafu li Alla jħobbna? (b) X’jogħġbok l-iktar dwar l-imħabba taʼ Ġeħova? (Ara l-kaxxa “ Versi li Jgħinuna Nħossu l-Imħabba taʼ Ġeħova.”)

19 L-affarijiet li rajna f’dan l-artiklu juruna li Ġeħova, “l-Alla taʼ l-imħabba,” hu magħna! (2 Kor. 13:11) Hu interessat f’kull wieħed u waħda minna. Aħna ċerti li ‘protetti bl-imħabba u l-lealtà tiegħu.’ (Salm 32:10) Iktar ma naħsbu dwar kif uriena li jħobbna, iktar se nersqu qrib tiegħu. Aħna m’għandniex niddejqu nitolbuh u ngħidulu kemm għandna bżonn l-imħabba tiegħu. Aħna nistgħu ngħidulu kull ħaġa li tinkwetana għax ċerti li hu jifhimna u jixtieq jgħinna.—Salm 145:​18, 19.

20. L-imħabba taʼ Ġeħova kif tgħinna nersqu qrib tiegħu?

20 Bħalma n-nar isaħħanna fix-xitwa, l-imħabba li Ġeħova jurina tistaʼ tgħinna meta jkollna l-problemi. Mela kun ferħan, għax Ġeħova jħobbok. Imbagħad urih kif tħossok billi tgħid: “Jien inħobbu lil Ġeħova”!—Salm 116:1.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi tfisser l-imħabba taʼ Ġeħova għalik?

  • Għala tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jħobbok ħafna?

  • Kif tħossok dwar l-imħabba taʼ Ġeħova?

GĦANJA 108 L-imħabba leali t’Alla

a Xi ismijiet ġew mibdulin.