Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 3

GĦANJA 124 Dejjem leali

Ġeħova Se Jgħinek Matul Żminijiet Diffiċli

Ġeħova Se Jgħinek Matul Żminijiet Diffiċli

“[Ġeħova] il-wieħed li jagħmlek stabbli.”IS. 33:​6, NWT.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dak li nistgħu nagħmlu biex nużaw l-għajnuna li jtina Ġeħova matul żminijiet diffiċli.

1-2. Qaddejja leali taʼ Ġeħova liema problemi jistaʼ jkollhom?

 JEKK tiġrilna xi ħaġa kerha, il-ħajja tagħna taf tinbidel f’daqqa u qatt ma terġaʼ tiġi bħalma kienet qabel. Pereżempju, ħu jismu Luis a sar jaf li kellu tip taʼ kanser rari. It-tobba qalulu li ftit xhur biss kellu ħajja. Monika u r-raġel tagħha kellhom ħafna x’jagħmlu fix-xogħol taʼ Ġeħova flimkien. Imma darba, Monika saret taf li r-raġel tagħha, li kien anzjan, kien ilu snin sħaħ jgħix ħajja immorali. Oħt single jisimha Olivia, kellha titlaq mid-dar tagħha minħabba li kienet ġejja maltempata kbira. Meta reġgħet lura, rat li l-maltemp kisser id-dar tagħha. Il-ħajja taʼ dawn in-nies inbidlet f’daqqa. Bħal dawn l-aħwa, ġieli ġralek xi ħaġa li f’daqqa waħda bidlitlek ħajtek?

2 Avolja aħna qaddejja leali taʼ Ġeħova, xorta jkollna l-problemi u nimirdu, eżatt bħal nies oħrajn. Barra minn hekk, jistaʼ jkun li nies li huma kontra tagħna jagħmluhielna diffiċli u jittrattawna ħażin. Għalkemm Ġeħova jħallina ngħaddu mill-problemi, hu jwegħedna li se jgħinna. (Is. 41:10) Bl-għajnuna tiegħu, aħna nistgħu nibqgħu ferħanin, nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u nibqgħu naqduh anke meta nkunu għaddejjin minn problemi kbar. F’dan l-artiklu, se nitgħallmu erbaʼ modi kif Ġeħova jgħinna meta nkunu għaddejjin minn żmien ikrah. Ħa naraw ukoll x’nistgħu nagħmlu biex nużaw l-għajnuna tiegħu.

ĠEĦOVA ĦA JIPPROTEĠIK

3. Meta ngħaddu minn żmien ikrah, x’nistgħu nsibu diffiċli?

3 X’nistgħu nsibu diffiċli. Tistaʼ tkun diffiċli biex tieħu deċiżjonijiet tajbin meta tkun għaddej minn żmien ikrah. Għala? Dan għax inkunu vera mdejqin u ansjużi. Jistaʼ jkun inħossuna mitlufin u ma nafux x’għandna nagħmlu. Ara kif ħassewhom iż-żewġ aħwa nisa li ssemmew qabel. Olivia qalet, “Wara li l-maltemp kissirli d-dar, ħassejtni mitlufa u ma nafx x’ħa naqbad nagħmel.” Dwar dak li għamel ir-raġel tagħha, Monika qalet: “Ħassejtni vera mweġġgħa, mhux diżappuntata biss. Kont insibha diffiċli biex nagħmel affarijiet taʼ kuljum. Qatt ma ħsibt li din il-ħaġa setgħet tiġri lili.” Ġeħova kif iwegħedna li ħa jgħinna meta ma nkunux nafu x’ħa naqbdu nagħmlu?

4. Skont Filippin 4:​6, 7, Ġeħova xi jwegħedna?

4 Kif Ġeħova ħa jgħinna. Hu jwiegħed li se jtina dak li l-Bibbja tgħid li hu “l-paċi t’Alla.” (Aqra Filippin 4:​6, 7.) Din il-paċi tirreferi għall-kalma li ħa nħossu minħabba l-ħbiberija tajba li jkollna maʼ Ġeħova. Din il-paċi “tisboq kull ħsieb,” allura hi isbaħ minn kull ħaġa oħra li nistgħu nimmaġinaw. Pereżempju, ġieli tlabt lil Ġeħova mill-qalb u wara ħassejtek vera kalm? Int ħassejtek hekk għax Ġeħova tak “il-paċi t’Alla.”

5. Il-paċi t’Alla kif ħa tipproteġi lil qalbek u lil moħħok?

5 Filippin 4:7 jgħid ukoll li l-paċi t’Alla ‘ħa tgħasses lil qalbek u l-qawwa mentali tiegħek,’ jiġifieri ħa tipproteġihom. Il-kelma li ntużat għal “tgħasses” kienet tintuża għas-suldati li kienu joqogħdu attenti li ma jsirx xi attakk fuq belt. In-nies li kienu jgħixu f’belt b’suldati bħal dawn setgħu jorqdu ‘b’moħħhom mistrieħ’ għax kienu jafu li s-suldati kienu ħa jipproteġuhom. Bl-istess mod, meta aħna nħossu l-paċi t’Alla tipproteġi lil qalbna u lil moħħna, se nħossuna kalmi u protetti. (Salm 4:8) Eżatt bħal Ħanna, anke jekk is-sitwazzjoni tagħna ma tinbidilx mill-ewwel, xorta ħa nkunu nistgħu nħossuna kalmi. (1 Sam. 1:​16-18) U meta tħossok kalm, ħa tkun tistaʼ taħseb sew u tieħu deċiżjonijiet tajbin.

Ibqaʼ itlob sakemm tħoss “il-paċi t’Alla” tipproteġi lil qalbek u lil moħħok (Ara paragrafi 4-6)


6. X’nistgħu nagħmlu biex ikollna l-paċi t’Alla? (Ara l-istampa.)

6 Dak li rridu nagħmlu aħna. Meta tkun inkwetat, għajjat “lis-suldat,” biex ngħidu hekk. Kif? Itlob sakemm tħoss il-paċi t’Alla. (Lq. 11:9; 1 Tess. 5:17) Luis, li ssemma qabel, qal kif hu u l-mara tiegħu Ana setgħu jkampaw meta saru jafu li kien baqagħlu ftit xhur ħajja. Hu qal: “F’mumenti bħal dawn, vera diffiċli biex tieħu deċiżjonijiet dwar x’kura ħa tieħu u affarijiet oħrajn. Imma aħna konna kalmi minħabba li tlabna.” Luis u l-mara tiegħu qalu li huma talbu mill-qalb u ħafna drabi. Huma talbu lil Ġeħova biex jagħtihom il-paċi tal-moħħ, ikunu kalmi, u jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. U kienu ċerti li Ġeħova qed jgħinhom. Jekk int għaddej minn żmien diffiċli, ibqaʼ itlob u żgur ħa tħoss il-paċi li tipproteġi lil qalbek u lil moħħok.—Rum. 12:12.

ĠEĦOVA JGĦINEK TIBQAʼ STABBLI

7. X’jistaʼ jkun inħossu meta ngħaddu minn problema kbira?

7 X’nistgħu nsibu diffiċli. Meta jkollna xi problema kbira jistaʼ jkun insibuha diffiċli biex naħsbu u nħossuna bħas-soltu. Forsi nħossuna bħal vapur li fil-maltemp jiġi mitfugħ ’l hemm u ’l hawn. Ana, li ssemmiet qabel, qalet li ħasset ħafna emozzjonijiet wara li miet Luis. Hi tgħid: “Xi kultant kont inħossni dipressa u nibda nitħassar lili nnifsi. Ġieli kont inħossni rrabjata talli miet.” U hi ġieli kienet tħossha waħedha u rrabjata li trid tieħu deċiżjonijiet li s-soltu kien jiħodhom Luis. Xi kultant ħassitha bħal vapur f’maltempata. Ġeħova kif jgħinek meta tibda tħoss ħafna emozzjonijiet f’daqqa?

8. Skont Isaija 33:​6, Ġeħova xi jwegħedna?

8 Kif Ġeħova ħa jgħinna. Hu jwegħedna li meta nkunu għaddejjin minn żmien taʼ inkwiet ‘il-fedeltà li juri fi żminijietna se tkun rikkezzi taʼ salvazzjoni,’ fi kliem ieħor ħa jagħmilna stabbli. (Aqra Isaija 33:6.) Pereżempju meta vapur jinqabad f’maltempata jaf jibda jiċċaqlaq ħafna minn naħa għall-oħra. Xi vapuri għandhom sistema (fins) li waqt il-maltemp tgħinhom iżommu dritt. Din twaqqaf iċ-ċaqliq tal-vapur u b’hekk il-passiġġieri jkunu iktar safe u komdi. Din is-sistema taħdem l-aħjar meta l-vapur ikun miexi ’l quddiem. Bl-istess mod, Ġeħova ħa jgħinna nibqgħu stabbli meta nibqgħu naqduh anke meta jkollna żmien diffiċli.

Uża l-pubblikazzjonijiet tagħna biex tibqaʼ stabbli (Ara paragrafi 8-9)


9. Il-pubblikazzjonijiet tagħna kif jistgħu jgħinuna nżommu stabbli? (Ara l-istampa.)

9 Dak li rridu nagħmlu aħna. Meta tħoss li għandek wisq emozzjonijiet negattivi, agħmel l-aħjar tiegħek biex tibqaʼ titlob, tattendi l-laqgħat, u toħroġ fuq il-ministeru. Wisq probabbli, mhux ħa tkun tistaʼ tagħmel daqs kemm kont qabel, imma Ġeħova ma jistenniex li nagħmlu iktar milli nistgħu. (Ara l-prinċipju f’​Luqa 21:​1-4.) Agħmel ħin ukoll biex tistudja l-Bibbja u taħseb sew dwarha. Għala? Għax permezz tal-organizzazzjoni, Ġeħova tana ħafna artikli u vidjows sbieħ li jistgħu jgħinuna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna matul żmien ikrah. Biex issib dak li jkollok bżonn, tistaʼ tfittex fuq l-app tal-JW Library®, il-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, u l-Watch Tower Publications Index. Monika, li ssemmiet qabel, qalet li hi kienet tuża dawn il-pubblikazzjonijiet meta kienet tibda tħoss l-emozzjonijiet negattivi ġejjin. Pereżempju, kienet tfittex il-kelma “rabja.” Drabi oħra, fittxet il-kelma “tradiment” jew “lealtà.” Imbagħad kienet taqra sakemm tħossha aħjar. Hi tgħid: “Qabel ma nibda r-riċerka tiegħi kont inħossni vera inkwetata, imma meta kont nibqaʼ naqra kont inħoss qisu Ġeħova qed jgħannaqni. Kont nara li Ġeħova qed jifhem kif kont inħossni u li hu kien qed jgħinni.” L-għajnuna li Ġeħova jagħtik tistaʼ tgħinek tkun stabbli sakemm l-emozzjonijiet jikkalmaw.—Salm 119:​143, 144.

ĠEĦOVA ĦA JISSAPPORTJAK

10. Kif jistaʼ jkun inħossuna wara żmien diffiċli?

10 X’nistgħu nsibu diffiċli. Wara li tiġrilna xi ħaġa ħażina fil-ħajja, forsi nħossuna bla saħħa u mdejqin. Jaf inħossuna bħal atleta li kien jiġri ħafna imma peress li weġġaʼ qed izappap. Affarijiet li qabel kienu faċli tagħmilhom, issa saru diffiċli. U affarijiet li kont tieħu pjaċir tagħmel, m’għadekx tagħmilhom. Bħal Elija, forsi nħossu li m’għandna aptit xejn u rridu norqdu biss. (1 Slat. 19:​5-7) Ġeħova xi jwegħedna meta nħossuna hekk?

11. B’liema mod ieħor jistaʼ jgħinna Ġeħova? (Salm 94:18)

11 Kif Ġeħova ħa jgħinna. Hu jwiegħed li ħa jissapportjana. (Aqra Salm 94:18.) Eżatt bħalma atleta mweġġaʼ jkollu bżonn l-għajnuna biex jimxi, aħna għandna bżonn l-għajnuna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. F’mumenti bħal dawn, Ġeħova jwegħedna: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’” (Is. 41:13) Ir-Re David ħassha din l-għajnuna. Meta kellu l-problemi u n-nies kontrih, lil Ġeħova qallu: “Idek il-leminija tappoġġani.” (Salm 18:35) Imma Ġeħova kif jissapportjana?

Aċċetta l-għajnuna li jagħtuk tal-familja, l-aħwa, u l-anzjani (Ara paragrafi 11-13)


12. Ġeħova lil min jistaʼ juża biex jissapportjana?

12 Ħafna drabi Ġeħova jissapportjana billi juża lil oħrajn. Pereżempju, meta David ħassu mdejjaq ħafna, il-ħabib tiegħu Ġonatan mar jarah biex jagħtih sapport u inkuraġġiment. (1 Sam. 23:​16, 17) U Ġeħova l-istess għamel maʼ Elija billi pprovdielu lil Eliżew. (1 Slat. 19:​16, 21; 2 Slat. 2:2) Illum Ġeħova jista’ juża lil tal-familja, lill-aħwa, u lill-anzjani biex jissapportjana. Imma meta nħossuna dipressi, ma jkollniex aptit nies. Inkunu nixtiequ nkunu waħedna. Din hi xi ħaġa normali. Imma x’nistgħu nagħmlu biex ikollna l-għajnuna taʼ Ġeħova?

13. X’għandna bżonn nagħmlu biex Ġeħova jgħinna? (Ara l-istampa.)

13 Dak li rridu nagħmlu aħna. Iġġieled ix-xewqa li tkun waħdek. Meta noqogħdu waħedna, nistgħu nibdew naħsbu biss fuq kif qed inħossuna u l-problemi li għandna. Minħabba f’hekk nistgħu nibdew nieħdu xi deċiżjonijiet ħżiena. (Prov. 18:1) Meta tiġri xi ħaġa vera ħażina, kultant ikollna bżonn ftit ħin għalina. Imma jekk noqogħdu waħedna għal ħafna żmien, jistaʼ jkun li ma nibdewx naċċettaw is-sapport taʼ Ġeħova. Mela avolja tistaʼ tkun diffiċli, aċċetta l-għajnuna tal-familja, l-aħwa, u l-anzjani. Żomm f’moħħok li Ġeħova qed juża lilhom biex jissapportjak.—Prov. 17:17; Is. 32:​1, 2.

ĠEĦOVA ĦA JINKURAĠĠIK

14. X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jbeżżgħuna?

14 X’nistgħu nsibu diffiċli. Xi kultant jistaʼ jkun inħossuna mbeżżgħin. Fil-Bibbja, kien hemm qaddejja t’Alla li qalu li kienu mbeżżgħin minħabba l-għedewwa tagħhom jew minħabba problemi oħra. (Salm 18:4; 55:​1, 5) B’mod simili, in-nies tal-iskola, tax-xogħol, tal-familja, jew tal-gvern jistgħu jiħduha kontrina. Forsi nibżgħu li nkunu ħa mmutu minħabba xi problema taʼ saħħa. Matul żminijiet bħal dawn jistaʼ jkun inħossuna qisna tfal żgħar mitlufin. Imma Ġeħova kif jgħinna?

15. Skont Salm 94:​19, Ġeħova x’ħa jagħmel għalina?

15 Kif Ġeħova ħa jgħinna. Hu jgħinna u jferraħna. (Aqra Salm 94:19.) Dan il-vers jistaʼ jgħinna nimmaġinaw tifla żgħira li hi mbeżżgħa u ma tistax torqod minħabba maltempata kbira. Immaġina lil missierha jidħol fil-kamra, jerfagħha, u jżommha sakemm torqod. Avolja l-maltempata għadha għaddejja, it-tifla tħossha safe għax qiegħda fejn missierha. Meta nħossu li għandna problemi kbar, forsi jkollna bżonn lil Missierna tas-sema qisu jżommna f’idejh sakemm inħossuna aħjar. Xi rridu nagħmlu biex inħossu din l-għajnuna mingħand Ġeħova?

Ħalli lil Missierek tas-sema jgħinek permezz tal-Bibbja (Ara paragrafi 15-16)


16. Xi rridu nagħmlu biex ikollna l-għajnuna taʼ Ġeħova? (Ara l-istampa.)

16 Dak li rridu nagħmlu aħna. Qattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin maʼ Ġeħova billi titolbu u taqra l-Bibbja. (Salm 77:​1, 12-14) Imbagħad meta tkun stressjat, l-ewwel ħaġa li ħa tagħmel hi li tmur għandu għall-għajnuna. Għidlu minn xiex qed tibżaʼ u x’inhu jinkwetak. Imbagħad ħallih jgħinek billi taqra l-Bibbja. (Salm 119:28) Ċertu partijiet mill-Bibbja vera se jgħinuk meta tkun qed tibżaʼ. Pereżempju, tistaʼ ssib inkuraġġanti l-kotba taʼ Ġob, Salmi, u Proverbji, kif ukoll il-kliem taʼ Ġesù f’​Mattew kapitlu 6. Meta titlob lil Ġeħova u taqra l-Bibbja, int ħa tħoss l-għajnuna tiegħu.

17. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

17 Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħa jkun hemm għalina meta nkunu għaddejjin minn żmien ikrah. Hu qatt mhu ħa jħallina waħedna. (Salm 23:4; 94:14) Ġeħova jwiegħed li ħa jipproteġina, ħa jgħinna nkunu stabbli, ħa jissapportjana, u ħa jinkuraġġina. Dwar Ġeħova, Isaija 26:3 jgħid li se jagħti paċi kontinwa lil min jafda kompletament fih. Mela afda f’Ġeħova u uża l-għajnuna kollha li jagħtik. Jekk tagħmel hekk, ħa tkun b’saħħtek anke matul l-iżjed żmien ikrah.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Meta l-iktar jistaʼ jkollna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova?

  • Ġeħova b’liema erbaʼ modi jistaʼ jgħinna?

  • Xi rridu nagħmlu biex nużaw l-għajnuna li jtina Ġeħova?

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

a Xi ismijiet ġew mibdulin.