Kont Taf?
X’tip taʼ karru kellu l-ewnuku Etjopjan meta kellmu Filippu?
BIL-LINGWA oriġinali, il-kelma “karru” fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida tistaʼ tfisser tipi taʼ karrijiet differenti. (Atti 8:28, 29, 38) Milli jidher, ir-raġel Etjopjan kien fuq karru ikbar milli kienu jużaw għall-gwerra jew għat-tlielaq. Ejja naraw ftit raġunijiet għala naħsbu hekk.
L-Etjopjan kien uffiċjal importanti u kien vjaġġa mill-bogħod. Hu “kellu awtorità taħt Kandaċe, ir-reġina tal-Etjopjani, u kien jieħu ħsieb il-ġid kollu tagħha.” (Atti 8:27) Fl-antik, l-Etjopja kienet tinkludi fejn illum hemm is-Sudan u l-parti t’isfel tal-Eġittu. Għalkemm l-Etjopjan x’aktarx m’għamilx il-vjaġġ kollu bl-istess karru, hu forsi kien ħa ħafna affarijiet miegħu. F’dak iż-żmien xi karrijiet li kienu jużaw biex jivvjaġġaw bihom kien ikollhom erbaʼ roti u tinda. Il-ktieb Acts—An Exegetical Commentary jgħid: “Dan it-tip taʼ karru kien ikollu iktar spazju fejn ipoġġu l-bagalji u affarijiet oħra, kien iktar komdu biex jivvjaġġaw, u x’aktarx kien jagħmilha iżjed possibbli biex in-nies jivvjaġġaw iktar fit-tul.”
L-Etjopjan kien qed jaqra meta Filippu beda jkellmu. Il-Bibbja tgħid li “Filippu mar jiġri u resaq lejn il-karru. Hu [semaʼ lill-Etjopjan] jaqra b’leħen għoli dak li kiteb il-profeta Isaija.” (Atti 8:30) Il-karrijiet li kienu jużaw biex jivvjaġġaw kienu magħmulin biex isuquhom bil-mod. Minħabba f’hekk, l-Ewnuku setaʼ jaqra u Filippu setaʼ jilħaq il-karru.
L-Etjopjan “ħeġġeġ lil Filippu biex jitlaʼ u jpoġġi ħdejh.” (Atti 8:31) F’karru tat-tlielaq kienu joqogħdu bilwieqfa. Imma f’karru li jivvjaġġaw bih, kien hemm post fejn joqogħdu bilqiegħda l-Ewnuku u Filippu.
Minħabba dak li jgħid Atti kapitlu 8 u informazzjoni oħra dwar dak iż-żmien, il-pubblikazzjonijiet tagħna beda jkollhom stampi tal-Ewnuku fuq karru kbir minflok fuq wieħed żgħir tal-gwerra jew tat-tlielaq.