Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 1

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

Meta Tibżaʼ, Afda f’Ġeħova

Meta Tibżaʼ, Afda f’Ġeħova

L-ISKRITTURA GĦAS-SENA 2024: “Meta nibżaʼ, nafda fik.”SALM 56:3.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Sir af kif tistaʼ tafda iżjed lil Ġeħova u kif tibqaʼ kalm meta tkun qed tibżaʼ.

1. Għala nibżgħu kultant?

 KULĦADD jibżaʼ xi kultant. Imma peress li nafu x’tgħid il-Bibbja, aħna ma nibżgħux mill-mejtin, mid-demonji, u minn x’ħa jiġri fil-futur. Però qegħdin ngħixu fi żmien diffiċli, allura jaf nibżgħu meta naraw “affarijiet tal-biżaʼ” bħal gwerer, kriminalità, u mard. (Lq. 21:11) Jistaʼ jkun nibżgħu min-nies ukoll, bħal pereżempju mill-awtoritajiet jew membri tal-familja li huma kontra l-verità. U xi nies forsi jibżgħu li mhumiex ħa jkunu kapaċi jissaportu problema li tistaʼ tinqalaʼ issa jew forsi fil-futur.

2. Minn xiex kien għaddej David meta kien Gat?

2 Xi drabi David ħassu mbeżżaʼ. Pereżempju, meta r-Re Sawl kien qed jiġri warajh biex joqtlu, David ħarab lejn Gat, belt fil-Filistja. Ir-re taʼ Gat, Akis, sar jaf li David kien il-wieħed li qatel “għaxriet t’eluf” taʼ Filistin. David “beda jibżaʼ ħafna.” (1 Sam. 21:​10-12) Hu beda jinkwieta dwar x’setaʼ jagħmillu Akis. X’għen lil David ikun jaf x’għandu jagħmel avolja kien imbeżżaʼ?

3. Skont Salm 56:​1-3, 11, David kif għamel kuraġġ?

3 F’​Salm 56, David kiteb kif kien qed iħossu meta kien Gat. F’dak is-salm David qal ċar minn xiex kien qed jibżaʼ, imma spjega wkoll x’għenu ma jibqax iħossu hekk. Hu fada f’Ġeħova. (Aqra Salm 56:​1-3, 11.) Hu kellu raġunijiet tajbin biex jafda f’Ġeħova. Bl-għajnuna tiegħu, David iddeċieda li jagħmel xi ħaġa vera stramba. Hu għamilha taʼ miġnun, u l-pjan tiegħu ħadem! Issa Akis, minflok ma ried joqtol lil David, riedu jitlaq ’l hemm.—1 Sam. 21:​13-15; 22:1.

4. Kif nistgħu nafdaw iktar f’Ġeħova? Agħti eżempju.

4 Jekk nafdaw f’Ġeħova, aħna wkoll nistgħu nibqgħu kalmi u nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imma kif nistgħu nafdaw iktar f’Ġeħova, speċjalment meta nkunu qegħdin nibżgħu? Aħseb dwar dan l-eżempju. Jekk issir taf li int marid, għall-ewwel forsi tibżaʼ. Imma jekk tafda lit-tabib tiegħek, int se tħossok kalm. Forsi diġà fejjaq ħafna nies b’marda bħal tiegħek. Meta tkun qed tispjegalu x’qed tħoss, hu joqgħod jisimgħek, u dan jikkonvinċik li hu vera jinteressah minnek. U forsi jissuġġerilek mediċina li ħadmet għal oħrajn ukoll. B’mod simili, aħna nistgħu nafdaw iktar f’Ġeħova billi naħsbu dwar x’diġà għamel, x’qed jagħmel bħalissa, u x’se jagħmel fil-futur. David hekk għamel. Waqt li niddiskutu xi versi minn Salm 56, aħseb kif int ukoll tistaʼ tafda iktar f’Ġeħova u tibqaʼ kalm meta tibżaʼ.

ĠEĦOVA X’DIĠÀ GĦAMEL?

5. David dwar xiex ħaseb meta kien qed jibżaʼ? (Salm 56:​12, 13)

5 Avolja David kien f’sitwazzjoni perikoluża, hu ħaseb fuq l-affarijiet tajbin li Ġeħova kien diġà għamel. (Aqra Salm 56:​12, 13.) Din kienet xi ħaġa li David għamel matul ħajtu kollha. Pereżempju, kultant ħaseb dwar l-affarijiet li ħalaq Ġeħova. Dawn fakkruh f’kemm Ġeħova hu b’saħħtu u kemm iħobb lin-nies. (Salm 65:​6-9) David ħaseb ukoll fl-affarijiet tajbin li Ġeħova kien għamel għal oħrajn. (Salm 31:19; 37:​25, 26) U b’mod speċjali David ħaseb dwar l-affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalih. Hu kien ilu jgħinu u jieħu ħsiebu minn meta kien għadu tarbija. (Salm 22:​9, 10) Żgur li meta David ħaseb dwar dawn l-affarijiet kollha, hu fada iktar f’Ġeħova!

David saħħaħ il-fidi tiegħu billi ħaseb dwar x’kien għamel Ġeħova fil-passat, x’kien qed jagħmel dak il-ħin, u x’kien ħa jagħmel fil-futur (Ara paragrafi 5, 8, 12) d


6. X’se jgħinna nafdaw f’Ġeħova meta nibżgħu?

6 Meta tkun qed tibżaʼ, staqsi lilek innifsek, ‘Ġeħova x’diġà għamel?’ Aħseb dwar il-ħolqien. Pereżempju, ‘innota sew’ kif Ġeħova jieħu ħsieb l-għasafar u l-fjuri, avolja ma ħalaqhomx bi kwalitajiet bħal tiegħu u ma jistgħux jaqduh. Mela kemm iktar se jieħu ħsieb lilek. Jekk taħseb sew fuq affarijiet bħal dawn, se tkun tistaʼ tafdah iktar. (Mt. 6:​25-32) Aħseb ukoll dwar x’għamel Ġeħova għall-qaddejja tiegħu. Tistaʼ tistudja dwar xi ħadd fil-Bibbja li wera ħafna fidi jew taqra esperjenza taʼ xi ħadd li jaqdi lil Ġeħova. a Aħseb ukoll dwar kif Ġeħova diġà ħa ħsiebek. Kif għenek issir tafu? (Ġw. 6:44) Kif wieġeb it-talb tiegħek? (1 Ġw. 5:14) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù x’inhu jagħmel possibbli għalik kuljum?—Efes. 1:7; Ebr. 4:​14-16.

Aħna nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova billi naħsbu dwar x’diġà għamel, x’inhu jagħmel bħalissa, u x’se jagħmel fil-futur (Ara paragrafi 6, 9-10, 13-14) e


7. L-esperjenza tal-profeta Danjel kif għenet lil Vanessa ma tibqax tibżaʼ?

7 Oħt mill-Haiti jisimha Vanessa b kellha sitwazzjoni tal-biżaʼ. Kuljum, raġel kien iċemplilha u jibagħtilha l-messaġġi biex jipprova jġegħelha toħroġ miegħu. Vanessa għamlithielu ċara li ma kinitx interessata. Imma r-raġel sar aggressiv u anki heddidha li kien ħa jweġġagħha. Hi qalet li bdiet tibżaʼ. Imma Vanessa x’għamlet? Hi għamlet l-aħjar li setgħet biex tipproteġi lilha nfisha. Anzjan għenha biex titkellem mal-pulizija. Imma hi ħasbet ukoll dwar kif Ġeħova kien ħa ħsieb lill-qaddejja tiegħu fil-passat. Vanessa qalet: “L-ewwel persuna li ħsibt dwarha kien il-profeta Danjel. Huma tefgħuh f’ħofra mal-iljuni, avolja ma kien għamel xejn ħażin. Imma Ġeħova ħa ħsiebu billi għalaq ħalq l-iljuni. Allura jien tlabt lil Ġeħova biex iġiegħel lil dan ir-raġel jieqaf jaħseb fuqi u biex isolvili l-problema għax ma kien hemm xejn iktar li stajt nagħmel. Wara dan ma bżajtx iktar.”—Dan. 6:​12-22.

ĠEĦOVA X’INHU JAGĦMEL BĦALISSA?

8. David minn xiex kien konvint? (Salm 56:8)

8 Avolja David setaʼ jmut meta kien Gat, ma ffokax fuq l-affarijiet li kienu jbeżżgħuh. Minflok, hu ffoka fuq kif kien qed jgħinu Ġeħova dak il-ħin. David setaʼ jara li Ġeħova kien qed jiggwidah u jipproteġih u jifhem kif kien qed iħossu. (Aqra Salm 56:8.) Barra minn hekk, hu kellu ħbieb tajbin, bħal Ġonatan u l-Qassis il-Kbir Aħimelek, li kienu qed jinkuraġġuh u jgħinuh. (1 Sam. 20:​41, 42; 21:​6, 8, 9) Avolja r-Re Sawl ried joqtlu, David irnexxielu jaħrab. Hu kien ċert li Ġeħova kien jaf minn xiex kien għaddej u kif kien qed iħossu.

9. Ġeħova x’jinnota f’kull wieħed u waħda minna?

9 Żomm f’moħħok li meta tkun għaddej minn problemi u tħossok imbeżżaʼ, Ġeħova jagħti kas minn xiex tkun għaddej u kif qed tħossok. Pereżempju, Ġeħova ma rax biss kemm l-Iżraelin kienu trattati ħażin fl-Eġittu, imma ra wkoll ‘kemm kienu qed ibatu.’ (Eżo. 3:7) David kanta li Ġeħova ra “t-tbatija” kif ukoll “id-dwejjaq kbar” li kellu. (Salm 31:7) U anki meta n-nies t’Alla batew minħabba l-problemi li ġabu b’idejhom stess, “hu kien imnikket.” (Is. 63:9) Meta tkun imbeżżaʼ, Ġeħova jifhem kif tkun qed tħossok u hu jixtieq ħafna jgħinek biex ma tibqax tibżaʼ.

10. Għala int konvint li Ġeħova jimpurtah minnek u jixtieq jgħinek fil-problemi li għandek?

10 Imma jekk għaddej minn problema kbira, forsi m’intix tara kif Ġeħova qed jgħinek. Allura x’tistaʼ tagħmel? Itolbu biex jgħinek tara l-għajnuna tiegħu. (2 Slat. 6:​15-17) Imbagħad staqsi lilek innifsek: Kien hemm xi taħdita jew kumment li inkuraġġiek waqt il-laqgħa? Kien hemm xi artiklu, vidjow, jew kanzunetta oriġinali li għenitek? Kien hemm xi ħadd li qasam xi ħsieb jew vers inkuraġġanti miegħek? Xi kultant forsi ninsew kemm jgħinuna l-imħabba tal-aħwa u l-inkuraġġiment mill-Bibbja. Imma dawn huma kollha rigali speċjali mingħand Ġeħova. (Is. 65:13; Mk. 10:​29, 30) Dawn juru li hu jimpurtah minnek. (Is. 49:​14-16) U juru li int tistaʼ tafdah.

11. X’għen lil Aida biex tkun iktar kuraġġuża?

11 Oħt mis-Senegal jisimha Aida qagħdet attenta għal kif Ġeħova għenha meta kellha problema. Peress li hi kienet il-kbira, il-ġenituri stennew li hi taqlaʼ biżżejjed flus biex tieħu ħsiebhom ukoll. Imma wara li ssimplifikat ħajjitha biex tibda taqdi bħala pijuniera, ma kellhiex biżżejjed flus. Il-familja tagħha kienu rrabjati magħha u bdew jitkellmu negattiv fuqha. Hi tgħid: “Jien kont qed nibżaʼ li ma kienx ħa jirnexxili nieħu ħsieb lill-ġenituri tiegħi u li kulħadd kien se jiħodha kontrija. Ġieli anki kont naħseb għala Ġeħova ħalla s-sitwazzjoni tiġi daqshekk gravi.” Imbagħad semgħet taħdita waqt laqgħa. Hi kompliet tgħid: “Il-ħu qal li Ġeħova jaf għala nħossuna anzjużi u mbeżżgħin. Maż-żmien, permezz tal-anzjani u aħwa oħrajn, sirt ċerta li Ġeħova jħobbni. Meta kont nitlob, jien kont iktar konvinta li Ġeħova ħa jgħinni. U iktar ma rajtu jwieġeb it-talb tiegħi, iktar ħassejtni kalma.” Maż-żmien sabet xogħol li għenha tibqaʼ pijuniera u taqlaʼ biżżejjed flus biex tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha. Hi tgħid: “Jien tgħallimt nafda kollox f’idejn Ġeħova. U issa, spiss meta nitlob, ma nibqax ninkwieta.”

ĠEĦOVA X’SE JAGĦMEL FIL-FUTUR?

12. Skont Salm 56:​9, David minn xiex kien ċert?

12 Aqra Salm 56:9. Dan il-vers juri xi ħaġ’oħra li għenet lil David meta kien imbeżżaʼ. Avolja kellu ħajtu fil-periklu, hu ħaseb sew dwar dak li Ġeħova kien se jagħmel għalih fil-futur. David kien jaf li Ġeħova kien se jsalvah fil-ħin eżatt. Wara kollox, Ġeħova kien qal li David ħa jkun ir-re wara Sawl. (1 Sam. 16:​1, 13) David kien ċert li kulma Ġeħova wiegħed kien se jsir.

13. Ġeħova x’wiegħed li se jagħmel fil-futur?

13 Ġeħova x’wiegħed li se jagħmel għalik? Aħna ma nistennewx li Ġeħova ħa jipproteġina mill-problemi kollha. c Imma ftakar li Ġeħova fid-dinja l-ġdida se jneħħi l-problemi kollha li int għaddej minnhom. (Is. 25:​7-9) Ġeħova hu b’saħħtu biżżejjed biex iqajjem lill-mejtin, ifejjaqna minn kull tip taʼ mard u wġigħ, u jneħħi lil dawk kollha taʼ kontrina.—1 Ġw. 4:4.

14. Dwar xiex nistgħu naħsbu?

14 Meta tħossok imbeżżaʼ, aħseb dwar dak li Ġeħova ħa jagħmel fil-futur. Immaġina kif ħa tħossok meta Satana mhux ħa jkollu kontroll fuq id-dinja, meta n-nies ħżiena ħa jinqerdu u jkun hawn biss nies tajbin, u aħseb sew dwar kif bil-mod il-mod se nsiru perfetti. Turija fil-konvenzjoni reġjonali tal-2014 uriet kif aħna nistgħu naħsbu dwar it-tama. F’dik it-turija, missier iddiskuta mal-familja tiegħu x’kienet tgħid l-iskrittura tat-​2 Timotju 3:​1-5 li kieku kienet titkellem dwar is-sistema l-ġdida. Hu qal: “Fid-dinja l-ġdida se jkun hawn l-iżjed żmien sabiħ. In-nies ħa jkunu jħobbu lill-oħrajn, iħobbu l-verità, modesti, tajbin, iħobbu lil Alla, ubbidjenti lejn il-ġenituri, grati, leali, ikollhom imħabba kbira lejn il-familji tagħhom, ikunu jiftiehmu, dejjem jitkellmu tajjeb dwar oħrajn, imrażżnin, juru ħlewwa, ikollhom imħabba għat-tajjeb, taʼ min jafdahom, iċedu, umli, iħobbu lil Alla minflok ma jħobbu l-pjaċiri, imqanqlin mid-devozzjoni ġenwina lejn Alla; nies bħal dawn ibqaʼ agħmilha magħhom.” Ġieli tiddiskuti mal-familja u l-aħwa kif ħa tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida?

15. X’għen lil Tanja tibqaʼ tissaporti avolja kienet imbeżżgħa?

15 Oħt jisimha Tanja, li toqgħod il-Maċedonja taʼ Fuq, għelbet il-biżaʼ tagħha billi ħasbet dwar l-affarijiet sbieħ li se jkollha fil-futur. Meta bdiet tistudja l-Bibbja, il-ġenituri tagħha ħaduha kontriha. Hi tgħid: “Xi affarijiet li kont ninkwieta li se jiġru ġraw. Ommi kienet issawwatni wara kull laqgħa. U l-ġenituri tiegħi kienu jhedduni li jekk insir waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, kienu ħa joqtluni.” Maż-żmien, huma keċċewha mid-dar. Tanja x’għamlet? Hi tgħid: “Jien kont niftakar li se nkun ferħana għal dejjem jekk nibqaʼ naqdi lil Ġeħova. Ħsibt ukoll dwar kif Ġeħova fid-dinja l-ġdida se jtini dak li tlift f’din is-sistema u kif l-affarijiet ħżiena se ninsiehom.” Tanja baqgħet leali lejn Ġeħova u bl-għajnuna tiegħu sabet post fejn toqgħod. Issa, Tanja miżżewġa lil ħu leali u t-tnejn li huma ferħanin jaqdu fis-servizz full-time.

AFDA LIL ĠEĦOVA IKTAR

16. X’ħa jgħinna nibqgħu kuraġġużi matul iż-żmien li jsemmi Luqa 21:​26-28?

16 Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, in-nies ħa jtihom “ħass ħażin bil-biżaʼ.” Imma n-nies t’Alla ħa jibqgħu sodi u kuraġġużi. (Aqra Luqa 21:​26-28.) Għala? Għax ħa nkunu diġà tgħallimna nafdaw f’Ġeħova. Tanja, li ssemmiet qabel, tgħid li dak li għaddiet minnu qabel qed jgħinha tiffaċċja problemi oħra. Hi tgħid: “Jien tgħallimt li Ġeħova jistaʼ jgħinna nissaportu kull problema. Hu ħa jberikna talli nissaportu. Xi kultant forsi naħsbu li n-nies qed jirnexxu, imma rridu niftakru li Ġeħova hu ħafna iktar b’saħħtu minnhom. U għalkemm forsi nħossu li problema hi diffiċli wisq, din ħa tispiċċa.”

17. L-iskrittura għas-sena 2024 kif ħa tgħinna? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

17 Illum hemm ħafna affarijiet li jistgħu jbeżżgħuna. Imma aħna nistgħu ma nħallux il-biżaʼ tikkontrollana, eżatt bħalma għamel David. L-iskrittura għas-sena 2024 hi t-talba li David għamel lil Ġeħova: “Meta nibżaʼ, nafda fik.” (Salm 56:3) Raġel li studja dwar il-Bibbja, fuq dan il-vers qal: “David ma baqax jaħseb dwar x’kien ibeżżgħu jew dwar il-problemi, imma minflok, kien jafda l-Wieħed li setaʼ jsalvah.” Jekk tkun għaddej minn xi problema, aħseb dwar l-iskrittura taʼ din is-sena. Warrab il-ħin biex taħseb sew dwar x’għamel Ġeħova fil-passat, x’inhu jagħmel bħalissa, u x’se jagħmel fil-futur. Imbagħad, bħal David, int se tkun tistaʼ tgħid: “Alla tiegħi, jien nafda fik u mhux se nibżaʼ.”—Salm 56:4.

Waqt diżastru, oħt qed taħseb fuq l-iskrittura tas-sena (Ara paragrafu 17)

KIF TISTAʼ MA TIBQAX TIBŻAʼ BILLI TAĦSEB DWAR . . .

  • x’diġà għamel Ġeħova?

  • x’inhu jagħmel Ġeħova bħalissa?

  • x’se jagħmel Ġeħova fil-futur?

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

a Int tistaʼ ssib informazzjoni li ssaħħaħlek il-fidi billi tikteb “imita l-fidi tagħhom” jew “esperjenzi” fuq jw.org. U fuq JW Library®, fittex fis-serje t’artikli “Imita l-Fidi Tagħhom” u “Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova.”

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

d X’TURINA L-ISTAMPA: David ħaseb dwar kif Ġeħova kien tah is-saħħa biex jiġġieled kontra ors, kien qed jagħtih l-għajnuna li kellu bżonn permezz taʼ Aħimelek, u kien se jagħmlu re.

e X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu li qiegħed fil-ħabs minħabba l-fidi tiegħu qed jaħseb dwar kif Ġeħova għenu jaqtaʼ s-sigaretti, kif qed jinkuraġġih b’ittri mingħand tal-familja u ħbieb, u kif fid-dinja l-ġdida ħa jtih ħajja taʼ dejjem.