Tittratta lin-Nisa bħal Ġeħova?
AĦNA għandna l-privileġġ li naqdu lil Ġeħova maʼ ħafna nisa leali. Aħna nħobbu u napprezzaw lil kull waħda minnhom! a Aħwa rġiel, aħna rridu nittrattawhom b’qalb tajba, b’rispett, u kif suppost. Imma peress li aħna imperfetti, kultant ikun diffiċli. U xi aħwa rġiel għandhom sfida oħra.
Xi aħwa trabbew f’kultura fejn l-irġiel jaħsbu li n-nisa huma inqas importanti. Pereżempju, indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Bolivja jismu Hans jgħid: “Xi rġiel trabbew f’kulturi li jġiegħlu lill-irġiel ikunu kburin. Dawn l-irġiel jaħsbu li huma aħjar min-nisa u ħafna drabi ma juruhomx rispett.” Shengxian, anzjan fit-Tajwan, jgħid: “Fejn noqgħod jien, ħafna rġiel jaħsbu li n-nisa m’għandhomx jgħidu l-opinjoni tagħhom. Jekk raġel jgħid x’taħseb mara dwar xi ħaġa, l-irġiel l-oħra jaf ma jirrispettawhx.” Irġiel oħrajn juru li ma jirrispettawx lin-nisa b’modi oħra. Pereżempju, billi jgħidu ċajt li ma jġibx rispett lejn in-nisa.
Imma raġel jistaʼ jinbidel, hi x’inhi l-kultura li trabba fiha. Hu jistaʼ jitgħallem li l-irġiel u n-nisa huma ndaqs. (Efes. 4:22-24) Dan jistaʼ jagħmlu billi jimita lil Ġeħova. F’dan l-artiklu se naraw kif Ġeħova jittratta lin-nisa, kif l-aħwa rġiel jistgħu jagħmlu bħalu, u kif l-anzjani jistgħu jkunu t’eżempju f’li jirrispettaw lill-aħwa nisa.
ĠEĦOVA KIF JITTRATTA LIN-NISA?
Ġeħova hu l-aqwa eżempju taʼ kif għandek tittratta lin-nisa. Hu Missier li jħoss għalina u jħobb lit-tfal kollha tiegħu. (Ġw. 3:16) U nisa leali huma bħal tfal prezzjużi għalih. Ejja naraw xi modi kif Ġeħova juri li jħobb u jirrispetta lin-nisa.
Hu jittrattahom l-istess bħall-irġiel. Ġeħova ħalaq lill-irġiel u n-nisa fuq ix-xbieha tiegħu. (Ġen. 1:27) Hu m’għamilx lill-irġiel iżjed intelliġenti u iżjed kapaċi min-nisa u lanqas ma jippreferi l-irġiel min-nisa. (2 Kron. 19:7) Hu ta lill-irġiel u n-nisa l-abbiltà li jifhmu l-veritajiet mill-Bibbja u jimitaw il-kwalitajiet tiegħu. Ġeħova japprezza kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa li huma leali lejh. Hu ta lill-irġiel u n-nisa t-tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art jew li jkunu rejiet u qassisin fis-sema. (2 Pt. 1:1) Mela nistgħu naraw b’mod ċar li Ġeħova jittratta lin-nisa l-istess bħall-irġiel.
Hu jagħti kashom. Ġeħova jimpurtah minn kif iħossuhom in-nisa u x’jinkwetahom. Pereżempju hu semaʼ u wieġeb it-talb taʼ Rakele u Ħanna. (Ġen. 30:22; 1 Sam. 1:10, 11, 19, 20) Ġeħova mmotiva wkoll lill-kittieba tal-Bibbja biex jiktbu rakkonti taʼ rġiel li semgħu min-nisa. Pereżempju Abraham obda lil Ġeħova meta qallu biex jismaʼ mill-mara tiegħu Sara. (Ġen. 21:12-14) Ir-Re David semaʼ minn Abigajl. Fil-fatt hu ħass li Ġeħova bagħatha biex tkellmu. (1 Sam. 25:32-35) Ġesù, li jimita l-kwalitajiet taʼ Ġeħova b’mod perfett, semaʼ minn ommu Marija. (Ġw. 2:3-10) Dawn l-eżempji juru li mod wieħed kif Ġeħova juri rispett lejn in-nisa hu billi jagħti kashom u jismagħhom.
Hu jafdahom. Pereżempju Ġeħova wera li kien jafda lil Eva billi taha r-responsabbiltà li tgħin lil Adam jieħdu ħsieb l-art. (Ġen. 1:28) Billi għamel hekk, hu wera li hi ma kinitx inqas kapaċi mir-raġel tagħha Adam, imma setgħet tgħinu. Ġeħova wera li kien jafda wkoll lill-profetessi Debora u Ħulda biex jagħtu pariri lin-nies tiegħu, inkluż lil imħallef u re. (Mħ. 4:4-9; 2 Slat. 22:14-20) Illum Ġeħova jafda lill-aħwa nisa biex jagħmlu x-xogħol tiegħu. Huma jaqdu bħala pubblikaturi, pijunieri u missjunarji. Jgħinu biex jiddisinjaw, jibnu, u jieħdu ħsieb is-Swali tas-Saltna u bini ieħor tal-organizzazzjoni. Hemm minnhom jaqdu f’Betel u oħrajn f’uffiċċji tat-traduzzjoni. Dawn l-aħwa nisa huma bħal armata kbira li Ġeħova juża biex isir dak li jrid hu. (Salm 68:11) Mela Ġeħova jara li n-nisa huma kapaċi u li tistaʼ tafdahom.
L-AĦWA RĠIEL KIF JISTGĦU JITGĦALLMU JITTRATTAW LIN-NISA BĦAL ĠEĦOVA?
Aħwa rġiel, biex naraw jekk hux qed nittrattaw lill-aħwa nisa bħalma jagħmel Ġeħova, irridu nkunu onesti u naraw x’naħsbu dwarhom u kif inġibu ruħna magħhom. Biex nagħmlu hekk għandna bżonn l-għajnuna. Bħalma X-ray juri jekk għandniex problemi f’qalbna, ħabib tajjeb u l-Bibbja jistgħu jgħinuna naraw jekk kif inħarsu lejn in-nisa jogħġobx lil Ġeħova. Mela x’nistgħu nagħmlu?
Tkellem maʼ ħabib tajjeb. (Prov. 18:17) Nistgħu nitkellmu maʼ ħabib li nafdaw u li hu qalbu tajba u raġonevoli. Saqsih mistoqsijiet bħal: “Kif taħseb li nittrattahom lill-aħwa nisa? Iħossu li nirrispettahom? Nistaʼ nagħmel xi ħaġa biex nittrattahom aħjar?” Jekk il-ħabib jgħidlek b’affarijiet li tistaʼ tirranġa, tiħux għalik. Minflok kun lest biex taħdem fuq dak li jgħidlek.
Studja l-Bibbja. L-aħjar mod biex naraw kif qed nittrattaw in-nisa hu billi nqabblu dak li naħsbu u nagħmlu maʼ dak li tgħid il-Bibbja. (Ebr. 4:12) Aħna u nistudjaw il-Bibbja se nitgħallmu dwar irġiel li trattaw in-nisa sew u dwar irġiel li ma trattawhomx sew. Imbagħad nistgħu nqabblu dawn l-eżempji maʼ kif aħna nittrattawhom. Barra minn hekk, ikun tajjeb li naqraw iktar minn vers wieħed waħdu ħalli b’hekk nifhmu sew Alla x’jaħseb dwar in-nisa. Pereżempju skont l-1 Pietru 3:7, raġel għandu ‘jonora lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef.’ b Imma dan ifisser li l-mara mhix intelliġenti jew kapaċi daqs ir-raġel? Lanqas xejn! Pereżempju Galatin 3:26-29 juri li Ġeħova għażel kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa biex imexxu ma’ Ġesù mis-sema. Meta nistudjaw dak li tgħid il-Bibbja u nistaqsu lil xi ħu jew oħt matura x’taħseb dwar kif qed nittrattaw lin-nisa, aħna ħa nkunu nistgħu nuru r-rispett li jixirqilhom l-aħwa nisa.
L-ANZJANI KIF JURU RISPETT LEJN L-AĦWA NISA?
L-aħwa rġiel jistgħu jitgħallmu kif jittrattaw lin-nisa b’rispett billi jimxu fuq l-eżempju tal-anzjani. L-anzjani kif jistgħu jkunu t’eżempju? Aħseb dwar dawn il-modi.
L-anzjani jfaħħru lill-aħwa nisa. L-appostlu Pawlu hu eżempju tajjeb li l-anzjani jistgħu jimitaw. Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, hu kemm-il darba faħħar aħwa nisa differenti. (Rum. 16:12) Tistaʼ timmaġina kemm ħassewhom ferħanin dawn l-aħwa meta nqrat l-ittra taʼ Pawlu fil-kongregazzjoni? Bl-istess mod illum, l-anzjani jfaħħru lill-aħwa nisa għall-kwalitajiet tajbin tagħhom u x-xogħol kollu li jagħmlu għal Ġeħova. Dan jgħin lin-nisa jkunu jafu li huma apprezzati u rispettati fil-kongregazzjoni. Xi kultant l-inkuraġġiment taʼ anzjan ikun eżatt dak li jkollhom bżonn in-nisa waqt li qed jaqdu lil Ġeħova.—Prov. 15:23.
Meta l-anzjani jfaħħru lill-aħwa nisa, għandhom ikunu onesti u speċifiċi. Għala? Oħt jisimha Jessica tgħid: “Vera inkuraġġanti meta ħu jgħid lil xi oħt ‘proset.’ Imma meta ħu jfaħħarna għal xi ħaġa speċifika, bħal li ngħallmu lit-tfal tagħna joqogħdu kwieti waqt il-laqgħa jew li mmorru għal xi student biex jiġi għal-laqgħa, inħossuna iktar inkuraġġiti.” Meta l-anzjani jfaħħru lin-nisa għal xi ħaġa speċifika, huma ħa jħossuhom bżonjużi u apprezzati fil-kongregazzjoni.
Huma jagħtu kas l-aħwa nisa. Anzjani umli jżommu f’moħħhom li mhux huma biss ikollhom ideat tajbin. Dawn l-anzjani
jistaqsu lill-aħwa nisa x’jaħsbu huma u jagħtu kashom meta jitkellmu. B’hekk l-aħwa nisa jiġu inkuraġġiti u ħa jkunu t’għajnuna għall-anzjani. Kif? Anzjan jismu Gerardo li jaqdi f’Betel jgħid: “Jien insaqsi lill-aħwa nisa x’jaħsbu għax jgħinuni nagħmel ix-xogħol aħjar. Ħafna drabi huma jkunu ilhom jagħmlu x-xogħol iktar mill-aħwa rġiel.” Ħafna aħwa nisa huma pijunieri, allura jkunu jafu sew lin-nies fit-territorju. Anzjan jismu Bryan jgħid: “L-aħwa nisa huma kapaċi jagħmlu ħafna affarijiet u għandhom kwalitajiet tajbin li l-organizzazzjoni għandha bżonn. Mela tgħallem minnhom!”L-anzjani għandhom jagħtu kas l-opinjonijiet tal-aħwa nisa. Għala? Anzjan jismu Edward jgħid: “L-opinjoni taʼ oħt tistaʼ tgħin lil xi ħu jifhem sitwazzjoni aħjar u kif qed iħossuhom oħrajn.” (Prov. 1:5) Jekk anzjan ma jkunx jistaʼ juża l-idea tagħha, hu xorta għandu jirringrazzjaha.
Huma jittrennjaw lill-aħwa nisa. L-anzjani jfittxu opportunitajiet biex jittrennjaw in-nisa. Pereżempju huma jistgħu jgħallmu lin-nisa jieħdu l-grupp tas-service ħalli jkunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk ma jkunx hemm ħu mgħammed. Jistgħu jgħallmuhom iħaddmu xi magni biex ikunu jistgħu jgħinu fi proġetti taʼ bini. U l-overseers f’Betel jittrennjaw l-aħwa nisa jagħmlu ħafna xogħlijiet bħal maintenance, xiri t’affarijiet, accounts, jagħmlu programming fuq il-kompjuter, u affarijiet oħra. Meta l-anzjani jittrennjaw lill-aħwa nisa, juru li jafdawhom u jarawhom kapaċi.
Ħafna aħwa nisa jużaw dak li tgħallmu mill-anzjani biex jgħinu lil oħrajn. Pereżempju jużaw it-trejning li ħadu fil-bini biex jgħinu lil oħrajn jerġgħu jibnu d-djar tagħhom. Hemm uħud li jużaw dak li tgħallmu fil-ministeru biex jgħinu aħwa nisa oħra jippritkaw ukoll. L-aħwa nisa kif iħossuhom dwar l-anzjani li tawhom it-trejning? Oħt jisimha Jennifer tgħid: “Meta kont qed naħdem fuq proġett taʼ bini taʼ Sala tas-Saltna, il-ħu li kien qed jieħu ħsieb ħa l-ħin biex jittrennjani. Hu faħħarni tax-xogħol li għamilt u ħadt pjaċir naħdem miegħu għax kien japprezza x-xogħol li nagħmel.”
GĦALA JKUN TAJJEB LI NITTRATTAW LIN-NISA BĦAL AĦWA
Aħna nħobbu lill-aħwa nisa bħalma jagħmel Ġeħova. Allura nittrattawhom bħala ommijiet u aħwa. (1 Tim. 5:1, 2) Aħna napprezzawhom ħafna u nieħdu gost naħdmu magħhom. Aħna nkunu ferħanin meta huma jaraw kemm inħobbuhom. Oħt jisimha Vanessa tgħid: “Jien nirringrazzja lil Ġeħova li jien parti mill-organizzazzjoni tiegħu, li hi mimlija b’aħwa rġiel li inkuraġġewni ħafna.” Oħt mit-Tajwan tgħid: “Jien nieħu pjaċir ħafna li Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu japprezzaw in-nisa u jirrispettawhom. Dan isaħħaħli l-fidi u jgħinni napprezza iktar li nagħmel parti mill-organizzazzjoni tiegħu.”
Ġeħova jkun ferħan ħafna meta jara lill-aħwa rġiel japprezzaw u jirrispettaw lin-nisa bħalma jagħmel hu. (Prov. 27:11) Anzjan mill-Iskozja jismu Benjamin jgħid: “Ħafna rġiel illum ma jirrispettawx lin-nisa. Allura rridu li meta n-nisa jidħlu fis-Sala tas-Saltna jħossu d-differenza.” Jalla nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitaw lil Ġeħova u nittrattaw lill-aħwa nisa bi mħabba u rispett bħalma jixirqilhom.—Rum. 12:10.
a F’dan l-artiklu, il-kliem “aħwa nisa” dejjem jirreferi għal aħwa Kristjani mhux għal aħwa litterali.
b Biex tkun taf iktar dwar x’inhu “reċipjent iktar dgħajjef,” ara l-artikli “Il-Valur taʼ ‘Reċipjent Iktar Dgħajjef’” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Mejju 2006, u “Gwida Għaqlija għall-Miżżewġin” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Marzu 2005.