Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 1

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

Agħti Glorja lil Ġeħova

Agħti Glorja lil Ġeħova

L-ISKRITTURA GĦAS-SENA 2025: “Agħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu.”SLM. 96:8.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu kif nistgħu nagħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraqlu.

1. Ħafna nies illum fuqiex inhu moħħhom?

 INNOTAJT li iktar ma jgħaddi ż-żmien in-nies iktar jimpurtahom minnhom infushom u inqas minn oħrajn? Pereżempju, hemm ħafna li jużaw is-social media biex jiftaħru bihom infushom jew b’dak li jkunu qed jagħmlu. Imma vera ftit nies jagħtu glorja lil Ġeħova. F’dan l-artiklu se nitgħallmu xi jfisser li nagħtu glorja lil Ġeħova u għala għandna nagħmlu hekk. Se nitgħallmu wkoll kif għandna nagħtuh il-glorja li tixraqlu u kif hu se jigglorifika lil ismu fil-futur.

XI JFISSER LI TAGĦTI GLORJA LIL ĠEĦOVA?

2. Ġeħova kif wera l-glorja li għandu ħdejn il-Muntanja Sinaj? (Ara wkoll l-istampa.)

2 Xi tfisser il-kelma “glorja”? Fil-Bibbja, il-kelma “glorja” tirreferi għal xi ħaġa impressjonanti. Ftit ġranet wara li Ġeħova ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu, hu wriehom il-glorja tiegħu. Immaġina x’ġara: Miljuni taʼ Iżraelin kienu miġburin taħt il-Muntanja Sinaj biex jisimgħu x’kien se jgħidilhom Ġeħova. Imbagħad, il-muntanja tgħattiet bi sħaba ħoxna. F’daqqa waħda għamel terremot qawwi, u kien hemm sajjetti, ragħad, u ħoss kbir taʼ qarn. (Eżo. 19:16-18; 24:17; Slm. 68:8) Meta Ġeħova għamel dawn l-affarijiet, l-Iżraelin żgur li kienu impressjonati bil-qawwa taʼ Ġeħova.

Ġeħova wera l-glorja tiegħu lill-Iżraelin bl-affarijiet impressjonanti li għamel ħdejn il-Muntanja Sinaj (Ara paragrafu 2)


3. Xi jfisser li tagħti glorja lil Ġeħova?

3 Imma xi ngħidu għan-nies? Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova? Iva, nistgħu. Mod wieħed hu billi ngħidu lil oħrajn dwar l-affarijiet tal-għaġeb li għamel u l-kwalitajiet sbieħ li għandu. Barra minn hekk, nagħtuh glorja meta nfaħħruh taʼ dak kollu li jgħinna nagħmlu fil-ħajja. (Isa. 26:12) Ir-Re David hu eżempju tajjeb ħafna taʼ xi ħadd li ta glorja lil Ġeħova. F’talba li qal quddiem il-kongregazzjoni taʼ Iżrael, hu qal: “Ġeħova, int kbir, b’saħħtek, glorjuż, tal-għaġeb, u jistħoqqlok rispett, għax kulma hemm fis-sema u fl-art hu tiegħek.” Wara li David spiċċa t-talba tiegħu, “dawk kollha fil-kongregazzjoni faħħru lil Ġeħova.”—1 Kron. 29:11, 20.

4. Ġesù kif ta glorja lil Ġeħova?

4 Meta Ġesù kien fid-dinja, hu ta glorja lil Ġeħova billi qal lin-nies li l-mirakli li kien qed jagħmel kienu permezz tal-qawwa li tah Missieru. (Mrk. 5:18-20) Hu tah glorja wkoll bil-mod kif tkellem dwaru u kif aġixxa man-nies. Pereżempju, darba Ġesù kien qed jgħallem fis-sinagoga u kien hemm mara li kienet ilha 18-il sena mgħawġa ganċ u ma setgħetx tiddritta minħabba li kellha demonju. Min jaf kemm kienet qed tbati miskina! Peress li Ġesù tħassarha, xtaq jgħinha, u allura resaq lejha u qalilha: “Int inħlist mill-marda tiegħek.” Imbagħad, poġġa jdejh fuqha u “hi ddrittat mill-ewwel u bdiet tfaħħar lil Alla.” Hi apprezzat ħafna li Ġeħova fejjaqha! (Luqa 13:10-13) Dik il-mara kellha raġuni tajba ħafna biex tagħti glorja lil Alla, u l-istess aħna llum.

AĦNA GĦALA NAGĦTU GLORJA LIL ĠEĦOVA?

5. X’inhuma xi raġunijiet għala nirrispettaw lil Ġeħova?

5 Meta nirrispettaw lil Ġeħova nkunu qed nagħtuh glorja. Bħala bnedmin aħna għandna ħafna raġunijiet għala nirrispettawh. Pereżempju, Ġeħova hu Alla li jistaʼ kollox. (Slm. 96:4-7) Hu għandu qawwa li ma tispiċċa qatt u qatt ma jegħja. L-għerf kbir li għandu jidher mill-affarijiet li ħalaq. Tana l-ħajja u l-affarijiet kollha li għandna bżonn biex ngħixu. (Riv. 4:11) Hu Alla leali. (Riv. 15:4) Kull ħaġa li jagħmel dejjem ikollha suċċess u hu dejjem iżomm il-wegħdi tiegħu. (Ġoż. 23:14) Allura, nistgħu nifhmu għala Ġeremija qal: “M’hemm ħadd bħalek fost l-għorrief kollha tal-ġnus u fost is-slaten kollha tagħhom”! (Ġer. 10:6, 7) Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nirrispettaw lil Missierna tas-sema. Però Ġeħova hu iktar minn Alla li jixraqlu r-rispett tagħna. Hu għandu kwalitajiet sbieħ li jġegħluna nħobbuh ħafna.

6. Aħna għala nħobbu lil Ġeħova?

6 Aħna nagħtu glorja lil Ġeħova għax inħobbuh ħafna. Aħseb ftit dwar xi kwalitajiet li għandu Ġeħova li jġegħluna nħobbuh. Ġeħova jħenn ħafna u jitħassar lil dawk li jkunu qed ibatu. (Slm. 103:13; Isa. 49:15) Meta nkunu għaddejjin minn xi problema jew inkunu inkwetati, hu jifhimna u jħoss għalina. (Żak. 2:8) Barra minn hekk, hu jgħinna biex insiru nafuh aħjar u nsiru ħbieb tiegħu. (Slm. 25:14; Atti 17:27) U tant hu umli li lest “jitbaxxa biex iħares lejn is-sema u l-art, ħalli jqajjem lill-batut mit-trab.” (Slm. 113:6, 7) Dawn huma ftit mir-raġunijiet li jġegħluna nagħtu glorja lil Ġeħova.—Slm. 86:12.

7. X’opportunità speċjali għandna?

7 Aħna nagħtu glorja lil Ġeħova għax nixtiequ li oħrajn isiru jafuh. Ħafna nies illum ma jafux il-verità dwar Ġeħova. Dan minħabba li Satana qal gideb kbir dwaru u ħafna nies emmnuh. (2 Kor. 4:4) Xi ftit minn dan il-gideb hu li Ġeħova Alla kattiv, li ma jinteressahx min-nies, u li minħabba fih hawn din it-tbatija kollha fid-dinja. Però aħna nafu x’inhi l-verità dwaru. Minħabba f’hekk, għandna l-opportunità li ngħinu lil oħrajn jifhmu kemm hu Alla tal-għaġeb u kemm għandu kwalitajiet sbieħ. B’hekk huma wkoll jibdew ifaħħruh. (Isa. 43:10) Fil-fatt, Salm 96 juri x’nistgħu nagħmlu biex nagħtu glorja lil Ġeħova. Aħna u niddiskutu dan is-salm ipprova aħseb f’xi modi li bihom tistaʼ tagħti l-glorja li tixraq lil Ġeħova.

LIL ĠEĦOVA KIF NISTGĦU NAGĦTUH IL-GLORJA LI TIXRAQLU?

8. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova? (Salm 96:1-3)

8 Aqra Salm 96:1-3. Aħna nistgħu nfaħħru lil Ġeħova bil-kliem li ngħidu dwaru. Dawn il-versi jgħidulna biex ‘inkantaw lil Ġeħova,’ biex ‘infaħħru lil ismu,’ biex ‘inxandru l-aħbar tajba dwar kif isalva lin-nies,’ u biex ‘infaħħruh mal-ġnus.’ Dawn kollha huma modi li bihom nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova. Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova tal-passat huma eżempju tajjeb ħafna taʼ dan. Huma ma żammewx lura milli jgħidu lil oħrajn dwar il-kwalitajiet sbieħ li għandu Ġeħova u l-affarijiet tajbin li għamel għalihom. (Dan. 3:16-18; Atti 4:29) Allura, aħna kif nistgħu nimitawhom?

9-10. X’tgħallimt mill-esperjenza t’Angelena? (Ara wkoll l-istampa.)

9 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ oħt li tgħix l-Istati Uniti jisimha Angelena. a Hi kienet kuraġġuża u ddefendiet lil Ġeħova fuq il-post tax-xogħol. Peress li kienet għadha kif bdiet taħdem f’dik il-kumpanija stidnuha għal laqgħa ma’ oħrajn li wkoll kienu għadhom ġodda. F’dik il-laqgħa, kulħadd kellu jgħid xi ħaġa dwar il-ħajja tiegħu. Allura, Angelena ppreparat xi ritratti biex tispjega kemm għandha ħajja ferħana bħala Xhud taʼ Ġeħova. Però, eżatt qabel ma kien imissha hi, dak li kien qed jitkellem qal li kien trabba bħala Xhud taʼ Ġeħova. Hu beda jgħid affarijiet ħżiena dwar ix-Xhieda u jwaqqaʼ għaċ-ċajt dak li nemmnu. Angelena qalet: “Dak il-ħin vera bdejt nibżaʼ, imma ma ridtx li l-oħrajn jemmnu l-gideb li beda jgħid dwar Ġeħova. Allura, iddeċidejt li ngħidilhom il-verità dwaru.”

10 Meta r-raġel lesta milli jitkellem, Angelena qalet talba żgħira f’qalbha. Imbagħad, b’qalb tajba, qaltlu: “Jien u int trabbejna simili ħafna, għax jien ukoll trabbejt bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u għadni sal-lum Xhud.” Għalkemm is-sitwazzjoni kienet stressanti, Angelena żammet kalma. Hi wriet lil sħabha tax-xogħol ir-ritratti tagħha mal-ħbieb huma u jaqdu lil Ġeħova ferħanin. Imbagħad spjegat b’rispett x’temmen hi. (1 Pt. 3:15) Imbagħad x’ġara? Meta Angelena spiċċat titkellem, ir-raġel kien ikkalma. Hu qal li anki hu kellu xi memorji sbieħ taʼ meta kien iżgħar u kien ikun max-Xhieda. Angelena qalet: “Ġeħova jixraqlu li jiġi ddefendut meta oħrajn jigdbu dwaru. Hu unur li nistaʼ ngħid il-verità dwar ismu.” Aħna wkoll għandna l-opportunità li nfaħħru lil Ġeħova meta oħrajn jigdbu dwaru u ma jirrispettawhx. Din hi opportunità speċjali biex nagħtuh glorja.

Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova b’dak li ngħidu (Ara paragrafi 9-10) b


11. Qaddejja leali taʼ Ġeħova tal-passat kif imxew mal-prinċipju li nsibu f’Salm 96:8?

11 Aqra Salm 96:8. Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova billi nagħtu mill-affarijiet materjali li għandna. Il-qaddejja taʼ Ġeħova minn dejjem kienu jfaħħru lil Alla b’dan il-mod. (Prov. 3:9) Pereżempju, l-Iżraelin kienu taw kontribuzzjonijiet biex jinbena t-tempju u jinżamm fi stat tajjeb. (2 Slat. 12:4, 5; 1 Kron. 29:3-9) Xi wħud mid-dixxipli taʼ Ġesù użaw “dak li kellhom” biex jgħinu lill-appostli f’dak li kien ikollhom bżonn. (Luqa 8:1-3) Il-Bibbja tgħid li meta xi Kristjani tal-bidu batew minħabba li kien hemm il-ġuħ, l-aħwa li kienu jgħixu f’postijiet oħra bagħtulhom il-flus biex jgħinuhom. (Atti 11:27-29) Illum, aħna wkoll nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova billi nagħtu donazzjonijiet minn qalbna.

12. Id-donazzjonijiet tagħna kif jagħtu glorja lil Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)

12 Aħseb dwar din l-esperjenza li turi kemm id-donazzjonijiet tagħna jagħtu glorja lil Ġeħova. Fl-2020, fiż-Żimbabwe kien hemm nixfa li damet għaddejja ħafna. Minħabba f’hekk, kien hemm iktar minn miljun persuna li kienu se jmutu bil-ġuħ, inkluż oħt li jisimha Prisca. Però, avolja s-sitwazzjoni kienet vera diffiċli, Prisca baqgħet għaddejja bir-rutina tagħha u kull nhar taʼ Erbgħa u Ġimgħa kienet tmur service, anki matul iż-żmien li kienu jaħartu l-għelieqi. Il-ġirien tagħha kienu jwaqqgħuha għaċ-ċajt għax kienu jarawha sejra service minflok taħdem fl-għelieqi, u ġieli kienu jgħidulha, “Int ħa tmut bil-ġuħ.” Imma Prisca kienet ċerta li Ġeħova kien se jieħu ħsiebha u allura kienet tgħidilhom, “Ġeħova qatt ma jabbanduna l-qaddejja tiegħu.” Ftit żmien wara, hi rċiviet xi ikel u affarijiet li kellha bżonn li l-organizzazzjoni kienet qed tqassam minħabba l-problema tal-ġuħ. L-organizzazzjoni setgħet tgħin minħabba d-donazzjonijiet taʼ kull wieħed u waħda minna. Meta raw x’ġara, il-ġirien kienu impressjonati, u qalulha, “Alla dejjem jgħinek lilek. Nixtiequ nitgħallmu iktar dwaru.” Minħabba f’hekk, sebgħa mill-ġirien tagħha bdew jiġu l-laqgħat tagħna.

Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova bl-affarijiet materjali li għandna (Ara paragrafu 12) c


13. Il-mod kif ngħixu kif jistaʼ jagħti glorja lil Ġeħova? (Salm 96:9)

13 Aqra Salm 96:9. Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova bil-mod kif ngħixu. Il-qassis li kien jaqdi fit-tempju kellu jkun nadif fiżikament meta jagħmel xogħlu. (Eżo. 40:30-32) Aħna wkoll irridu nkunu nodfa mhux fiżikament biss imma anki billi ma nagħmlu xejn li Ġeħova jobgħod. (Slm. 24:3, 4; 1 Pt. 1:15, 16) Il-Bibbja tgħid li aħna għandna ninżgħu “l-personalità l-qadima” u nilbsu “l-personalità l-ġdida.” Dan ifisser li nevitaw ħsibijiet u affarijiet ħżiena li jistgħu jweġġgħu lil Ġeħova. Minflok, aħna rridu nitgħallmu naħsbu u ngħixu b’mod li juri li qed nimitaw lil Ġeħova u l-kwalitajiet sbieħ li għandu. (Kol. 3:9, 10) Bl-għajnuna tiegħu, anki nies li għamlu affarijiet ħżiena ħafna nbidlu u rnexxielhom jilbsu l-personalità l-ġdida.

14. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Jack? (Ara wkoll l-istampa.)

14 Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Jack. Hu kien kriminal vjolenti ħafna, u kellu l-laqam Id-Demonju. Minħabba dak li għamel, il-qorti tatu s-sentenza tal-mewt. Imma waqt li kien qed jistenna l-ġurnata meta kien se jinqatel, ħu li żar dak il-ħabs offrielu studju tal-Bibbja. Avolja għamel ħafna affarijiet ħżiena, Jack irnexxielu jinżaʼ l-personalità l-qadima u jinbidel. U maż-żmien tgħammed bħala Xhud taʼ Ġeħova. Hu tant inbidel li f’dik il-ġurnata li kien se jinqatel xi gwardjani tal-ħabs bkew huma u jsellmulu għall-aħħar darba. Surġent li kien jaħdem il-ħabs qal: “Darba Jack kien l-agħar ħabsi li kellna, imma issa hu wieħed mill-aħjar.” Ġimgħa wara li Jack ġie maqtul, l-aħwa li kienu jmorru l-ħabs biex jagħmlu l-laqgħat iltaqgħu ma’ ħabsi li kien qed jattendi għall-ewwel darba. X’ġiegħel lil dan il-ħabsi jmur għal-laqgħa? Hu kien impressjonat kif Jack kien bidel ħajtu, u ried ikun jaf x’ried jagħmel biex jaqdi lil Ġeħova. Minn dan naraw ċar li l-mod kif ngħixu jġib glorja lil Ġeħova!—1 Pt. 2:12.

Aħna nistgħu nagħtu glorja lil Ġeħova bil-mod kif ngħixu (Ara paragrafu 14) d


ĠEĦOVA KIF ĦA JIGGLORIFIKA LIL ISMU FIL-FUTUR?

15. Dalwaqt Ġeħova kif se jigglorifika lil ismu kompletament? (Salm 96:10-13)

15 Aqra Salm 96:10-13. L-aħħar versi taʼ Salm 96 juru li Ġeħova hu Mħallef u Re ġust. Fil-futur Ġeħova ħa jġib glorja lil ismu billi jġib ġustizzja. Kif? Dalwaqt hu se jeqred lil Babilonja l-Kbira, għax ir-reliġjonijiet foloz għamlu affarijiet ħżiena ħafna u għallmu gideb kbir dwaru. (Riv. 17:5, 16; 19:1, 2) Xi nies li jaraw lil Babilonja l-Kbira tinqered jaf jibdew jaqdu lil Ġeħova magħna. Fl-aħħar, f’Armageddon, Ġeħova se jeqred is-sistema ħażina taʼ Satana. B’hekk, hu se jeqred lil dawk kollha li huma kontrih u li gidbu dwaru. Però, hu se jsalva lil dawk kollha li jħobbuh, jobduh, u li jixtiequ jfaħħruh għal dejjem. (Mrk. 8:38; 2 Tes. 1:6-10) Fl-aħħar tat-Tmexxija taʼ Elf Sena taʼ Kristu wara l-aħħar test, Ġeħova se jkun wera kompletament li hu jixraqlu li n-nies kollha jaqduh. (Riv. 20:7-10) Dak iż-żmien, “l-art se tkun mimlija bl-għarfien tal-glorja taʼ Ġeħova bħalma l-ilmijiet jiksu l-baħar.”—Ħab. 2:14.

16. X’int determinat li tagħmel? (Ara wkoll l-istampa.)

16 Kemm se jkun żmien sabiħ meta kull min ikun ħaj se jagħti lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu! Imma sa ma jasal dak iż-żmien, aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu biex nitkellmu u ngħixu b’mod li jagħti tifħir lil Ġeħova. Biex tgħinna niftakru f’din ir-responsabbiltà importanti li għandna, il-Ġemgħa li Tiggverna għażlet Salm 96:8 bħala l-iskrittura għas-sena 2025, li tgħid: Agħtu lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu.”

Wara l-aħħar test, kull min ikun ħaj se jagħti lil Ġeħova l-glorja li tixraq lil ismu! (Ara paragrafu 16)

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b X’JURUNA L-ISTAMPI: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza taʼ Angelena.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza taʼ Prisca.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Ir-ritratt juri x’ġara fl-esperjenza taʼ Jack.