Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 5

GĦANJA 108 L-imħabba leali t’Alla

Il-Barkiet li Għandna Peress li Ġeħova Jħobbna

Il-Barkiet li Għandna Peress li Ġeħova Jħobbna

“Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva lill-midinbin.”1 TIM. 1:15.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Il-barkiet li għandna minħabba l-fidwa u kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzawha.

1. X’nistgħu nagħmlu biex inferrħu lil Ġeħova?

 IMMAĠINA li tajt rigal speċjali lil xi ħadd li tħobb. Dan ir-rigal ikun vera tajjeb għalih għax tkun taf li jistaʼ jużah ħafna. Imma min jaf kemm tkun diżappuntat li kieku dik il-persuna titfaʼ dak ir-rigal f’kexxun u tinsieh. Però li kieku taraha tużah u tirringrazzjak għalih, żgur li tieħu pjaċir. Dan l-eżempju kif għandu x’jaqsam mar-rigal tal-fidwa li tana Ġeħova? Ġeħova tana lil Ibnu biex imut għalina, allura min jaf kemm jieħu pjaċir meta nuruh li napprezzaw ir-rigal li tana u l-imħabba li għandu għalina. Din l-imħabba mmotivatu biex jipprovdi l-fidwa.—Ġw. 3:16; Rum. 5:​7, 8.

2. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 Maż-żmien jistaʼ jkun li ma nibqgħux napprezzaw ir-rigal tal-fidwa. Jekk jiġrilna hekk, inkunu qisna tfajna r-rigal li tana Ġeħova f’kexxun u nsejnieh. Biex ma nħallux dan jiġri hemm bżonn li taʼ spiss naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. Dan l-artiklu ħa jurina kif nistgħu nagħmlu eżatt hekk. Se niddiskutu kif bħalissa stess nibbenefikaw mill-fidwa u kif se nibbenefikaw minnha fil-futur. U se nitgħallmu wkoll kif nistgħu nuru li napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova, speċjalment fil-ġimgħat taʼ qabel u wara t-Tifkira.

KIF QED NIBBENEFIKAW BĦALISSA

3. Bħalissa kif qed nibbenefikaw mill-fidwa?

3 Bħalissa aħna diġà qed nibbenefikaw mir-rigal tal-fidwa. Pereżempju, minħabba l-fidwa, Ġeħova jaħfrilna d-dnubiet. Fil-verità hu m’għandux għal xiex jaħfrilna imma jixtieq. Is-salmista tant apprezza li qal: “Għax int, Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Slm. 86:5; 103:​3, 10-13.

4. Ġeħova għal min provda l-fidwa? (Luqa 5:32; 1 Timotju 1:15)

4 Xi wħud minna jaf inħossu li ma jixirqilniex li Ġeħova jaħfrilna. Fil-verità ħadd minna m’għandu dritt għal din il-maħfra. L-appostlu Pawlu wera li fehem din il-ħaġa meta kiteb: “Ma jixraqlix li nissejjaħ appostlu,” imma mbagħad hu kompla jgħid: “Għamilt dan permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla.” (1 Kor. 15:​9, 10) Meta aħna nindmu mid-dnubiet tagħna, Ġeħova jaħfrilna. Għala? Mhux għax jixirqilna imma għax iħobbna. Jekk ġieli tħossok imdejjaq jew diżappuntat minħabba li taħseb li ma jixraqlekx il-maħfra taʼ Ġeħova, ftakar li Ġeħova ma pprovdiex il-fidwa għal nies perfetti. Hu ta l-fidwa għal nies imperfetti li jiddispjaċihom minħabba d-dnubiet li jkunu għamlu u jkunu jixtiequ jinbidlu.—Aqra Luqa 5:32; 1 Timotju 1:15.

5. Ġeħova għandu għalfejn jaħfrilna? Spjega.

5 Ħadd minna m’għandu jaħseb li għandu d-dritt li Ġeħova jaħfirlu, forsi għax ilu ħafna snin jaqdih. Huwa veru li Ġeħova jiftakar kull ħaġa li nagħmlu għalih. (Lhud 6:10) Imma hu tana r-rigal tal-fidwa b’xejn, mhux bħala ħlas għall-affarijiet li għamilna għalih. Allura ma jkunx tajjeb li naħsbu li għax għamilna ħafna affarijiet għal Ġeħova għandna dritt għall-maħfra tiegħu. Jekk nibdew naħsbu hekk inkunu qisna qed nirraġunaw li Ġesù ma kellux għalfejn imut.—Ara l-prinċipju f’​Galatin 2:21.

6. Pawlu għala ħadem ħafna għal Ġeħova?

6 L-appostlu Pawlu kien jaf li jagħmel x’jagħmel fis-servizz taʼ Ġeħova, xorta waħda kien ħa jkollu bżonn il-maħfra tiegħu. Allura għala ħadem daqshekk iebes fix-xogħol taʼ Ġeħova? Hu għamel hekk biex juri lil Ġeħova kemm kien japprezza l-ħniena u l-qalb tajba tiegħu. (Efes. 3:7) Bħall-appostlu Pawlu, aħna għandna nibqgħu nagħmlu kulma nistgħu għal Ġeħova. Mhux biex ikollna l-maħfra tiegħu, imma biex nuru kemm napprezzaw din il-maħfra.

7. X’inhu mod ieħor kif bħalissa qed nibbenefikaw mill-fidwa? (Rumani 5:1; Ġakbu 2:23)

7 Mod ieħor kif bħalissa stess qed nibbenefikaw mill-fidwa huwa għax jistaʼ jkollna ħbiberija tajba u personali maʼ Ġeħova. a Bħalma tgħallimna fl-artiklu taʼ qabel, meta twelidna ma kellniex ħbiberija maʼ Ġeħova. Imma minħabba l-fidwa aħna jistaʼ jkollna “l-paċi m’Alla” u b’hekk nersqu eqreb tiegħu.—Aqra Rumani 5:1; Ġakbu 2:23.

8. Għala għandna napprezzaw li Ġeħova tana l-privileġġ tat-talb?

8 Minħabba li aħna ħbieb taʼ Ġeħova nistgħu ngawdu minn xi ħaġa vera speċjali—it-talb. Ġeħova ma jismax biss it-talb taʼ meta nkunu l-laqgħat jew meta nkunu m’oħrajn. Hu jismaʼ t-talb li ngħidu meta nkunu waħedna wkoll. Meta nitolbu jistaʼ jgħinna biex ma nkunux daqshekk stressjati. Però din mhix l-unika ħaġa li nistgħu ngawdu mit-talb. It-talb jistaʼ jgħinna biex insaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (Slm. 65:2; Ġak. 4:8; 1 Ġw. 5:14) Meta kien fid-dinja, Ġesù kien jitlob ħafna drabi għax kien ċert li Missieru kien qed jismaʼ u kien jaf li ħa jgħinu jżomm il-ħbiberija miegħu b’saħħitha. (Luqa 5:16) Kemm għandna għal xiex napprezzaw li minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù aħna nistgħu nkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova u xħin irridu nistgħu nkellmuh bit-talb!

KIF SE NIBBENEFIKAW MILL-FIDWA FIL-FUTUR

9. Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova kif se jibbenefikaw mill-fidwa fil-futur?

9 Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova kif se jibbenefikaw mill-fidwa fil-futur? Huma se jibbenefikaw għax Ġeħova se jtihom ħajja taʼ dejjem. Ħafna nies jaħsbu li din hi xi ħaġa impossibbli għax ħadd qatt m’għex għal dejjem. Imma l-iskop oriġinali taʼ Ġeħova għan-nies kien li huma jgħixu perfetti għal dejjem. Li kieku Adam qatt m’għamel dnub ħadd ma kien jaħseb li din hi xi ħaġa impossibbli għax kulħadd kien ikun qed jgħix għal dejjem. U avolja bħalissa tistaʼ tidher xi ħaġa impossibbli aħna nistgħu nkunu ċerti li dan se jiġri. Dan għax nafu li biex Ġeħova għamilha possibbli kellu jħallas l-iżjed prezz għoli li jeżisti, jiġifieri l-ħajja taʼ Ibnu.—Rum. 8:32.

10. Il-magħżulin u n-nagħaġ l-oħra għal xiex iħarsu ’l quddiem?

10 Għalkemm li ngħixu għal dejjem hi xi ħaġa li se ngawdu minnha fil-futur, Ġeħova jridna li minn issa stess nibdew naħsbu dwarha. Il-magħżulin qed iħarsu ’l quddiem għal ħajja sabiħa fis-sema u għall-privileġġ li jmexxu maʼ Ġesù għal fuq l-art. (Riv. 20:6) In-nagħaġ l-oħra jħarsu ’l quddiem li jgħixu f’dinja magħmula ġenna fejn ma jkunx hemm dwejjaq, biki u wġigħ. (Riv. 21:​3, 4) Inti wieħed min-nagħaġ l-oħra li għandek it-tama li tgħix għal dejjem fuq l-art? Dan il-premju mhux se jkun inqas minn taʼ dawk li ħa jkunu fis-sema maʼ Ġesù. Meta Ġeħova ħalaq lin-nies hu kellu l-iskop li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Din hi xi ħaġa li se tagħmilna vera ferħanin.

11-12. X’inhuma xi barkiet li tħares ’il quddiem għalihom fid-dinja l-ġdida? (Ara wkoll l-istampi.)

11 Immaġina kif ħa tkun il-ħajja tiegħek fil-Ġenna tal-art. Int qatt mhu se tinkwieta dwar li timrad jew tmut. (Isa. 25:8; 33:24) Ġeħova se jtik l-affarijiet tajbin kollha li tkun tixtieq. Hemm xi ħaġa li tixtieq titgħallem tagħmel dak iż-żmien? Forsi tixtieq tistudja dwar l-annimali jew l-għasafar. Titgħallem iddoqq xi strument jew tkanta. Jew tixtieq titgħallem tpenġi. Fid-dinja l-ġdida se jkun hemm bżonn in-nies li jkunu jafu jiddisinjaw id-djar u jibnu. Żgur li se jkun hemm bżonn min hu kapaċi jaħdem fl-għelieqi biex ikabbar l-ikel u min isajru. U jrid ikun hemm min hu kapaċi jagħmel l-għodda biex naħdmu u oħrajn li jafu jagħmlu u jieħdu ħsieb ġonna sbieħ b’siġar u fjuri. (Isa. 35:1; 65:21) Imma serraħ moħħok li minħabba li ħa tgħix għal dejjem, int se jkollok biżżejjed ħin biex titgħallem tagħmel dawn l-affarijiet kollha u ħafna iktar.

12 Xi ngħidu għall-ferħ li se nħossu meta nilqgħu lil dawk li se jiġu rxoxtati? (Atti 24:15) Immaġina kemm se tieħu pjaċir titgħallem affarijiet ġodda meta tkun qed tosserva l-affarijiet sbieħ li ħalaq Ġeħova. (Slm. 104:24; Isa. 11:9) Però l-iżjed ħaġa sabiħa li se jkollna hi li aħna ħa nkunu perfetti! B’hekk inkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa, mingħajr ma nitolbuh biex jaħfrilna. Allura aħseb ftit. Int lest li titlef dawn il-barkiet kollha biex bħalissa tgħix ħajja li tħallik tgawdi “l-pjaċiri temporanji tad-dnub”? (Lhud 11:25) Żgur li le! Il-ħajja sabiħa li se jkollna fil-futur hi aħjar minn kull ħaġa li d-dinja taʼ Satana tistaʼ ttina bħalissa. Ftakar li l-Ġenna tal-art mhix xi ħaġa li se nibqgħu nistennewha għal dejjem. Ftit żmien ieħor se nkunu qed ngħixu fiha. Dan kollu hu possibbli minħabba li Ġeħova ħabbna u tana lil Ibnu biex imut għalina!

Liema barkiet tħares ’il quddiem għalihom fil-Ġenna tal-art? (Ara paragrafi 11-12)


X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX TURI LIL ĠEĦOVA KEMM TAPPREZZA LI JĦOBBOK?

13. Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova? (2 Korintin 6:1)

13 Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw li pprovdielna l-fidwa? Dan nistgħu nagħmluh billi l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħna tkun li naqdu lilu. (Mat. 6:33) Wara kollox Ġesù miet “ħalli dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.” (2 Kor. 5:15) Ġeħova kien qalbu tajba ħafna u ħafrilna. Allura billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naqduh inkunu qed nuru li aħna nifhmu x’sagrifiċċju għamel u li napprezzawh ħafna.—Aqra 2 Korintin 6:1.

14. Kif nistgħu nuru li għandna fidi fid-direzzjoni li jtina Ġeħova?

14 Aħna nistgħu nuru li napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova billi nafdaw lilu u d-direzzjoni li jtina. Kif? Billi meta nkunu se nieħdu deċiżjoni, bħal kemm se nkomplu skola jew liema xogħol se nagħmlu, naħsbu x’jixtieq li nagħmlu Ġeħova. (1 Kor. 10:31; 2 Kor. 5:7) Meta nieħdu deċiżjonijiet għax ikollna fidi f’Ġeħova, il-fidi tagħna fih se ssir iktar b’saħħitha u ħa jkollna ħbiberija aħjar miegħu. Barra minn hekk, ħa nkunu iktar ċerti mit-tama li għandna li ħa ngħixu għal dejjem.—Rum. 5:​3-5; Ġak. 2:​21, 22.

15. Kif nistgħu nuru kemm napprezzaw dak li Ġeħova għamel magħna matul iż-żmien tat-Tifkira?

15 Hemm mod ieħor li nistgħu nuru li napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova. Dan hu billi matul iż-żmien taʼ qabel u wara t-Tifkira, nagħmlu dak kollu li nistgħu biex lil Ġeħova nuruh kemm napprezzaw il-fidwa. Apparti li nagħmlu l-pjanijiet li hemm bżonn biex inkunu hemm dakinhar tat-Tifkira, aħna nistgħu nistiednu lil kemm jistaʼ jkun nies. (1 Tim. 2:4) Meta tistieden lil xi ħadd biex jiġi t-Tifkira, spjegalu xi jkun se jiġri. Biex tispjegalhom x’se jiġri tistaʼ tuża l-vidjows Ġesù Għala Miet? u Ftakar fil-Mewt taʼ Ġesù minn fuq jw.org. L-anzjani jridu jagħmlu ċert li jistiednu lill-aħwa inattivi. Immaġina kemm ħa tkun ferħan u kemm ħa jkun hemm iktar ferħ fis-sema jekk xi wħud min-nagħaġ mitlufin taʼ Ġeħova jerġgħu jiġu lura! (Luqa 15:​4-7) Dakinhar tat-Tifkira għandna nagħmlu ċert li mhux nitkellmu mal-aħwa biss imma nilqgħu lil kemm jistaʼ jkun minn dawk li ilhom ma jiġu jew li ġew l-ewwel darba. Irridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħinuhom iħossuhom komdi.—Rum. 12:13.

16. Għala għandna naħsbu bis-serjetà jekk nistgħux nagħmlu iktar għal Ġeħova matul iż-żmien tat-Tifkira?

16 Int tistaʼ tagħmel iktar għal Ġeħova matul il-ġimgħat taʼ qabel jew wara t-Tifkira? Dan hu wieħed mill-aħjar modi kif turi lil Ġeħova u Ġesù li tapprezza dak kollu li għamlu għalik. Iktar ma nqattgħu ħin fuq is-service iktar se naraw lil Ġeħova jgħinna u b’hekk se nafdawh ħafna iktar. (1 Kor. 3:9) Barra minn hekk, kun ċert li żżomm mal-iskeda tal-qari tal-Bibbja taʼ matul iż-żmien tat-Tifkira li hemm fil-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum. Din l-iskeda tistaʼ ssibha wkoll fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa. Dan il-qari tal-Bibbja tistaʼ tagħmlu wkoll bħala studju personali.

17. Lil Ġeħova x’jagħmlu ferħan? (Ara wkoll il-kaxxa “ Modi Kif Turi li Tapprezza l-Imħabba taʼ Ġeħova.”)

17 Jistaʼ jkun li minħabba ċ-ċirkustanzi tiegħek ma tistax tagħmel iktar għal Ġeħova. Imma ftakar li Ġeħova ma jqabbilx dak li tistaʼ tagħmel maʼ dak li jistaʼ jagħmel ħaddieħor. Hu jara x’hemm f’qalbek. Hu jaf kemm tħobbu. Hu jkun ferħan meta jara kemm tapprezza r-rigal prezzjuż li tak, jiġifieri l-fidwa.—1 Sam. 16:7; Mrk. 12:​41-44.

18. Int għala tapprezza dak li għamlu Alla Ġeħova u Ġesù Kristu?

18 Minħabba l-fidwa aħna jistgħu jinħafrulna d-dnubiet li nagħmlu, ikollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, u għandna t-tama li ngħixu għal dejjem. Jalla dejjem nuru kemm napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova, li minħabba fiha aħna għandna dawn il-barkiet kollha. (1 Ġw. 4:19) U jalla dejjem napprezzaw dak li għamel Ġesù, li tant ħabbna li kien lest li jagħti ħajtu għalina!—Ġw. 15:13.

GĦANJA 154 Imħabba bla Tmiem

a Ġeħova ħafer id-dnubiet taʼ dawk li għexu qabel ma Ġesù ta ħajtu bħala fidwa. Hu għamel hekk għax kien ċert li Ġesù kien se jibqaʼ leali lejh sal-mewt. Allura għal Ġeħova kien bħallikieku l-fidwa diġà tħallset ħafna qabel ma Ġesù miet.—Rum. 3:25.