Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

GĦANJA 132 Issa sirna ħaġa waħda

Irġiel Miżżewġin Ħobbu u Rrispettaw lill-Mara Tagħkom

Irġiel Miżżewġin Ħobbu u Rrispettaw lill-Mara Tagħkom

“Irġiel, . . . onoraw in-nisa tagħkom.”1 PT. 3:7.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif raġel miżżewweġ jistaʼ juri li jħobb u jirrispetta lill-mara tiegħu b’dak li jgħid u jagħmel.

1. X’inhi raġuni waħda għala Ġeħova tana r-rigal taż-żwieġ?

 IL-BIBBJA tgħid li Ġeħova hu “Alla li hu ferħan,” u jixtieq li aħna nkunu ferħanin ukoll. (1 Tim. 1:11) Fil-fatt, hu tana ħafna rigali sbieħ biex nieħdu gost bil-ħajja. (Ġak. 1:17) Wieħed minnhom hu r-rigal taż-żwieġ. Meta raġel u mara jiżżewġu, huma jwiegħdu li se jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Allura, meta jżommu l-imħabba taʼ bejniethom b’saħħitha, se jkunu ferħanin ħafna t-tnejn li huma.—Prov. 5:18.

2. Ħafna rġiel kif jittrattaw lill-mara tagħhom?

2 Però b’dispjaċir, illum ħafna koppji jinsew x’wiegħdu lil xulxin fil-ġurnata tat-tieġ. Minħabba f’hekk mhumiex ferħanin. Fil-fatt, rapport riċenti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa juri li ħafna rġiel ġieli jsawtu lill-mara tagħhom, jgħidu affarijiet li jweġġgħuha, jew jittrattawha ħażin b’modi oħra. Imbagħad, meta jkunu maʼ nies oħra jipprovaw jaħbu xi jkunu għamlu d-dar billi jittrattawha b’mod tajjeb. Barra minn hekk, ħafna rġiel jaraw il-pornografija, u dan ukoll iġiegħel lill-mara tħossha mdejqa u mhux maħbuba.

3. Ħafna rġiel miżżewġin għala jistaʼ jkun jabbużaw mill-mara tagħhom?

3 X’jistaʼ jġiegħel lil raġel jabbuża mill-mara tiegħu? Jistaʼ jkun li jkun trabba minn missier li kien vjolenti m’ommu, u allura jaħseb li hi xi ħaġa normali li jaġixxi hekk. Xi rġiel miżżewġin oħra jabbużaw mill-mara tagħhom għax tkun xi ħaġa normali fil-kultura. Forsi jħossu li hemm bżonn ikunu ħorox biex juru min hu l-kap fil-familja. U oħrajn forsi qatt ma ġew mgħallmin jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom, inkluż ir-rabja. Xi rġiel b’mod regulari jaraw il-pornografija u dan wassal biex ikollhom ħarsa żbaljata tan-nisa u s-sess. Barra minn hekk, ħafna esperti sabu li matul il-pandemija tal-COVID-19, ħafna rġiel miżżewġin bdew jabbużaw mill-mara tagħhom. Però, qatt ma jistaʼ jkun hemm raġuni tajba biex raġel miżżewweġ jabbuża jew jittratta ħażin lil martu.

4. L-irġiel Kristjani miżżewġin x’ma jridux jagħmlu, u għala?

4 L-irġiel Kristjani miżżewġin iridu joqogħdu attenti li ma jħallux il-mod żbaljat kif jaħsbu n-nies fid-dinja dwar in-nisa jaffettwahom. a Għala? Raġuni waħda hi li l-mod kif taġixxi persuna hu bbażat fuq dak li taħseb. Lill-Kristjani f’Ruma, l-appostlu Pawlu qalilhom: “Tibqgħux tiġu influwenzati minn din id-dinja.” (Rum. 12:​1, 2) Meta Pawlu kiteb dak il-kliem lir-Rumani, l-aħwa fil-kongregazzjoni kienu diġà ilhom xi snin li saru Kristjani. Imma kliemu juri li xi wħud minnhom kienu għadhom qed jiġu influwenzati mid-drawwiet u l-mod kif jaħsbu n-nies fid-dinja. Minħabba f’hekk, hu tahom dan il-parir biex ibiddlu l-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Dak il-parir żgur li għadu jgħodd għall-irġiel Kristjani miżżewġin illum. B’dispjaċir, xi wħud minnhom ġew influwenzati mid-dinja u anki ttrattaw ħażin lill-mara tagħhom. b Ġeħova kif irid li raġel miżżewweġ jittratta lill-mara? Ir-risposta nsibuha fl-iskrittura li hu bbażat fuqha dan l-artiklu.

5. Skont l-​1 Pietru 3:​7, raġel miżżewweġ kif għandu jittratta lill-mara tiegħu?

5 Aqra 1 Pietru 3:7. Permezz tal-Bibbja, Ġeħova jagħti kmand lill-irġiel miżżewġin li dejjem għandhom jonoraw lill-mara tagħhom. Meta tirrispetta lil xi ħadd, tonorah bil-mod kif tittrattah. Raġel li jonora lil martu dejjem se jittrattaha b’qalb tajba u bi mħabba. F’dan l-artiklu se naraw kif raġel miżżewweġ jistaʼ jagħti unur lill-mara tiegħu. Imma l-ewwel, ejja naraw xi affarijiet li qatt m’għandu jagħmel.

TAGĦMEL XEJN LI BIHA TWEĠĠAʼ LILL-MARA TIEGĦEK

6. Ġeħova kif iħossu dwar irġiel li jabbużaw lill-mara tagħhom billi jkunu vjolenti? (Kolossin 3:19)

6 Raġel miżżewweġ qatt m’għandu jabbuża lill-mara tiegħu billi jkun vjolenti. Ġeħova jobgħod lil kull min hu vjolenti. (Slm. 11:5) Hu ma jiħux pjaċir speċjalment b’raġel li jkun vjolenti maʼ martu. (Mal. 2:16; aqra Kolossin 3:19.) Skont l-iskrittura li hu bbażat fuqha dan l-artiklu, jiġifieri l-​1 Pietru 3:​7, jekk raġel ma jittrattax lill-mara sew, se jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħu m’Alla. Jistaʼ jkun ukoll li Ġeħova jieqaf jismaʼ t-talb tiegħu.

7. Skont Efesin 4:​31, 32, raġel miżżewweġ liema kliem qatt m’għandu jgħid? (Ara wkoll “Espressjoni Spjegata.”)

7 Raġel miżżewweġ qatt m’għandu jabbuża lill-mara tiegħu billi jgħidilha kliem li jweġġagħha jew jgħajjat magħha. Xi rġiel miżżewġin ġieli jitkellmu b’mod vera rrabjat mal-mara tagħhom u jgħidu xi affarijiet li jweġġgħuha. Imma Ġeħova jgħid li m’għandniex inkunu ‘rrabjati, inkorlati, inwerżqu, jew ngħajru.’ c (Aqra Efesin 4:​31, 32.) Ġeħova jismaʼ kollox. Il-mod kif raġel miżżewweġ ikellem lill-mara tiegħu, anki meta jkunu weħidhom, hu importanti għal Ġeħova. Raġel li jitkellem bl-aħrax mal-mara tiegħu jagħmel ħsara kemm lir-relazzjoni tiegħu mal-mara u anki lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova.—Ġak. 1:26.

8. Ġeħova kif iħossu dwar il-pornografija, u għala?

8 Raġel miżżewweġ qatt m’għandu jara l-pornografija. Ġeħova jobgħod il-pornografija. Allura, raġel li jara stampi mhux nodfa jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova u ma jkunx qed juri rispett lill-mara tiegħu. d Ġeħova jistenna li raġel jibqaʼ leali lejn il-mara tiegħu. Raġel leali qatt mhu se jagħmel xi ħaġa immorali maʼ mara oħra u lanqas biss jaħseb dwarha. Fil-fatt, Ġesù qal li raġel li “jibqaʼ jħares lejn mara u jkun jixtieq ikollu relazzjoni sesswali magħha, ikun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” eMat. 5:​28, 29.

9. Ġeħova għala jobgħod meta raġel miżżewweġ iġiegħel lill-mara tagħmel xi ħaġa li ma tkunx trid waqt is-sess?

9 Raġel miżżewweġ qatt m’għandu jġiegħel lill-mara tagħmel xi ħaġa li ma tkunx trid waqt is-sess. Xi rġiel miżżewġin jagħmlu pressjoni lill-mara biex jagħmlu atti sesswali li bihom il-mara tħossha abbużata jew tħoss il-kuxjenza tniggiżha. Ġeħova jobgħod din it-tip taʼ mġiba egoista u bla mħabba. Hu jistenna li raġel miżżewweġ iħobb lill-mara tiegħu, jittrattaha b’qalb tajba, u jirrispetta l-kuxjenza tagħha. (Efes. 5:​28, 29) Imma xi ngħidu jekk raġel diġà qed iġiegħel lill-mara tiegħu tagħmel xi ħaġa li ma tridx, qed jabbużaha b’xi mod, jew qed jara l-pornografija? Xi jrid jagħmel biex ibiddel il-mod kif jaħseb u dak li qed jagħmel?

KIF RAĠEL JISTAʼ JIEQAF JAGĦMEL AFFARIJIET LI BIHOM IWEĠĠAʼ L-MARA

10. L-irġiel miżżewġin kif jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù?

10 X’se jgħin raġel miżżewweġ biex jieqaf jagħmel affarijiet li bihom iweġġaʼ u jiddiżrispetta lill-mara? Hu jrid jaħdem iebes biex jimita lil Ġesù. Hu vera li Ġesù qatt ma żżewweġ, imma l-mod kif tratta lid-dixxipli tiegħu hu eżempju tajjeb ħafna taʼ kif raġel miżżewweġ għandu jittratta lil martu. (Efes. 5:25) Pereżempju, aħseb dwar x’jistaʼ jitgħallem raġel miżżewweġ minn kif Ġesù tkellem u aġixxa mal-appostli tiegħu.

11. Ġesù kif tratta lill-appostli tiegħu?

11 Ġesù dejjem kien qalbu tajba mal-appostli u ttrattahom b’rispett. Hu qatt ma kien aħrax jew kattiv. Għalkemm kellu ħafna iktar qawwa minnhom, m’użahiex biex iġegħelhom iħossuhom dgħajfin jew ibeżżagħhom. Minflok, hu kien umli u qdiehom. (Ġw. 13:​12-17) Fil-fatt hu qal lid-dixxipli: “Tgħallmu minni, għax jien kalm u umli, u b’hekk se tħossukom aħjar.” (Mat. 11:​28-30) Minn dan il-kliem nitgħallmu li Ġesù kien bniedem kalm. Xi ħadd li jkun kalm u juri l-ħlewwa mhuwiex dgħajjef, minflok ikun b’saħħtu biżżejjed biex jikkontrolla lilu nnifsu. Meta forsi jkollu għal xiex jirrabja, hu jibqaʼ kalm u jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu.

12. Ġesù kif tkellem ma’ oħrajn?

12 Ġesù dejjem uża l-kliem tiegħu biex jgħin lil oħrajn iħossuhom aħjar u jinkuraġġihom. Hu qatt ma tkellem bl-aħrax man-nies. (Luqa 8:​47, 48) Fil-fatt, anki meta dawk li kienu jobogħduh provaw jirrabjawh, hu “m’għajjarx lura.” (1 Pt. 2:​21-23) Ġieli kien hemm drabi li Ġesù pprefera ma jwiġibx minflok ma jirrispondi bl-aħrax. (Mat. 27:​12-14) Kemm hu t’eżempju tajjeb Ġesù għall-irġiel Kristjani miżżewġin!

13. Bħalma juri Mattew 19:​4-6, raġel miżżewweġ kif jistaʼ “jingħaqad maʼ martu”? (Ara wkoll l-istampa.)

13 Ġesù qal li raġel miżżewweġ għandu jibqaʼ leali lejn il-mara tiegħu. Hu kkwota dak li qal Missieru u qal li raġel għandu “jingħaqad maʼ martu.” (Aqra Mattew 19:​4-6.) Il-kelma Griega li ntużat għal “jingħaqad” tfisser li twaħħal bil-kolla żewġ affarijiet flimkien. Allura, koppja tant iridu jħobbu lil xulxin, li jkunu qishom imwaħħlin bil-kolla flimkien. Jekk xi ħadd minnhom jagħmel xi ħaġa li tweġġaʼ lill-ieħor, it-tnejn li huma se jbatu. Raġel li jkollu relazzjoni b’saħħitha bħal din mal-mara tiegħu se jwarrab kull forma taʼ pornografija. Hu mill-ewwel se jdawwar wiċċu ’l hemm minn “dak li ma jiswa għal xejn.” (Slm. 119:37) Fil-fatt, hu qisu jagħmel wegħda miegħu nnifsu li bl-ebda mod ma jħares lejn mara oħra bi ħsieb ħażin.—Ġob 31:1.

Raġel leali jirrifjuta li jara l-pornografija (Ara paragrafu 13) g


14. Raġel abbużiv x’passi jrid jagħmel biex jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u mal-mara?

14 Raġel li jabbuża lill-mara tiegħu b’mod fiżiku jew bil-kliem, irid jagħmel xi passi biex jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova u mal-mara. X’inhuma dawn il-passi? L-ewwel, hu jifhem li għandu problema serja u li Ġeħova jara u jismaʼ kollox. (Slm. 44:21; Ekk. 12:14; Lhud 4:13) It-tieni, hu jieqaf jabbuża lill-mara tiegħu u jbiddel l-imġiba. (Prov. 28:13) It-tielet, hu għandu jitlob skuża lill-mara u lil Ġeħova u jitlobhom biex jaħfrulu. (Atti 3:19) Barra minn hekk, hu għandu jitlob lil Ġeħova biex jgħinu jkollu x-xewqa biex jinbidel u biex jgħinu jaħseb, jaġixxi, u jitkellem kif suppost. (Slm. 51:​10-12; 2 Kor. 10:5; Flp. 2:13) Ir-rabaʼ, hu jaġixxi skont dak li jkun talab u jagħmel kulma jistaʼ biex jobgħod kull tip taʼ vjolenza u kliem abbużiv. (Slm. 97:10) Il-ħames, hu mill-ewwel irid imur għand l-anzjani biex jgħinuh. (Ġak. 5:​14-16) Is-sitt pass, hu jagħmel pjan biex jevita l-imġiba li kellu u ma jerġax jaqaʼ fiha. Raġel li jara l-pornografija għandu jagħmel dawn is-sitt passi wkoll. Ġeħova se jtih l-għajnuna li għandu bżonn biex jinbidel. (Slm. 37:5) Imma mhuwiex biżżejjed għal raġel miżżewweġ li jieqaf jagħmel affarijiet li bihom iweġġaʼ lill-mara. Hu jrid jitgħallem itiha unur. Kif jistaʼ jagħmel dan?

KIF TISTAʼ TURI MĦABBA U RISPETT LILL-MARA TIEGĦEK

15. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ juri lill-mara kemm iħobbha?

15 Uri lill-mara li tħobbha. Xi rġiel Kristjani miżżewġin li huma ferħanin fiż-żwieġ, jagħmlu ċert li kull jum jagħmlu xi ħaġa biex juru lill-mara kemm iħobbuha. (1 Ġw. 3:18) Raġel miżżewweġ jistaʼ juri kemm iħobb lill-mara billi jagħmel affarijiet sempliċi, bħal li jżommilha idha jew jgħannaqha. Jistaʼ jibagħtilha messaġġ jew iċemplilha u jgħidilha li qed jimmissjaha jew isaqsiha kif sejra fil-ġurnata tagħha. Jistaʼ jtiha xi rigal, fjuri jew jiktbilha kard biex jgħidilha kemm vera jħobbha. Meta raġel miżżewweġ jagħmel dawn l-affarijiet, ikun qed itiha unur u jsaħħaħ iż-żwieġ.

16. Raġel miżżewweġ għala għandu jgħid lill-mara tiegħu li japprezzaha?

16 Għid lill-mara tiegħek li tapprezzaha. Raġel li jonora lill-mara jgħidilha għala japprezzaha u jgħinha tħossha tajjeb dwarha nfisha. Mod kif jagħmel dan hu billi jirringrazzjaha għal kulma tagħmel biex tissapportjah. (Kol. 3:15) Meta raġel miżżewweġ ifaħħar lill-mara tiegħu mill-qalb, hi se tħossha fis-sigurtà, maħbuba, onorata, u rrispettata.—Prov. 31:28.

17. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ juri rispett lejn il-mara tiegħu?

17 Kun qalbek tajba u uri rispett. Raġel li jħobb il-mara tiegħu japprezzaha u hi prezzjuża għalih. Hu se jara lill-mara tiegħu bħala wieħed mill-aqwa rigali li Ġeħova tah. (Prov. 18:22; 31:10) B’hekk, se jittrattaha b’rispett u qalb tajba, anki waqt is-sess. Hu mhux se jagħmlilha pressjoni biex jagħmlu xi atti sesswali li hi ma tkunx komda, tħossha abbużata, jew tniggiżha l-kuxjenza. f U hu se jagħmel kulma jistaʼ biex iżomm kuxjenza nadifa quddiem Ġeħova.—Atti 24:16.

18. L-irġiel miżżewġin x’għandhom ikunu determinati li jagħmlu? (Ara wkoll il-kaxxa “ Erbaʼ Modi Kif Tistaʼ Turi Rispett Bħala Raġel Miżżewweġ.”)

18 Irġiel miżżewġin, kunu ċerti li Ġeħova jara u japprezza ħafna dak kollu li tagħmlu biex tonoraw lill-mara tagħkom f’kollox. Kunu determinati li tonorawha billi ma tagħmlu xejn biex tweġġgħuha. Dejjem kunu qalbkom tajba, uruha rispett, u li tapprezzawha. B’hekk, intom tkunu qed turuha li tħobbuha u li hi importanti għalikom. Uri li tirrispetta lill-mara tiegħek billi tħobbha, u b’hekk se tkun qed tipproteġi l-iktar relazzjoni importanti li għandek—il-ħbiberija maʼ Alla Ġeħova.—Slm. 25:14.

GĦANJA 131 “Dak li Alla għaqqad flimkien”

a L-irġiel miżżewġin għandhom jagħmlu ċert li jaqraw l-artiklu “Tittratta lin-Nisa bħal Ġeħova?” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Jannar 2024.

b Jekk int ġejt abbużat jew abbużata fiż-żwieġ tiegħek, se jgħinek ħafna jekk taqra l-artiklu “Għajnuna għall-Vittmi tal-Abbuż Domestiku.” Dan tistaʼ ssibu fis-serje “Iktar Suġġetti” fuq jw.org jew JW Library®.

c ESPRESSJONI SPJEGATA: Li tgħajjar jinkludi li tgħid affarijiet b’kattiverija lil xi ħadd biex iġġiegħlu jħossu ħażin dwaru nnifsu u li l-ħin kollu tmaqdru. Allura t-tgħajjir jinkludi kull ħaġa li r-raġel jgħid lill-mara tiegħu biex iweġġagħha.

d Fuq jw.org u JW Library, ara l-artiklu “Il-Pornografija Tistaʼ Tkisser iż-Żwieġ Tiegħek.”

e Mara li r-raġel tagħha jara l-pornografija se tibbenefika jekk tara l-artiklu “X’Tistaʼ Tagħmel Jekk ir-Raġel Jew il-Mara Tiegħek Tara l-Pornografija?” f’​It-Torri tal-Għassa t’Awwissu 2023.

f Il-Bibbja ma tgħidx x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin meta raġel u mara jkunu qed jagħmlu s-sess. Koppja Kristjana trid tieħu deċiżjonijiet li juru li huma determinati li jirrispettaw lil Ġeħova, li jagħmlu ċert li t-tnejn li huma jieħdu pjaċir, u li jżommu kuxjenza nadifa. Normalment, koppja ma toqgħodx titkellem maʼ oħrajn dwar dawn l-affarijiet intimi.

g X’TURINA L-ISTAMPA: Waqt li ħu qiegħed fuq il-post tax-xogħol, dawk li jaħdmu miegħu qed jipprovaw juruh magazine pornografiku.