Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 3

GĦANJA 35 X’inhu l-iktar importanti

Kif Tieħu Deċiżjonijiet li Jogħġbu lil Ġeħova

Kif Tieħu Deċiżjonijiet li Jogħġbu lil Ġeħova

“Biex wieħed ikun għaref l-ewwel irid ikollu rispett kbir lejn Ġeħova. U l-għarfien dwar l-Iktar Wieħed Qaddis se jgħinek tifhem.”PROV. 9:10.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin billi nużaw l-għarfien li jagħtina Ġeħova, nifhmu x’jixtieq minna, u nagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin.

1. Liema sfida jkollna kuljum?

 AĦNA kuljum nieħdu deċiżjonijiet. Xi wħud minnhom huma faċli, bħal x’se nieklu filgħodu jew x’ħin se norqdu. Però, hemm deċiżjonijiet oħra li huma iktar diffiċli. Dawn jaf jaffettwaw is-saħħa u l-ferħ tagħna, in-nies li nħobbu, u anki kif naqdu lil Ġeħova. Aħna nixtiequ li d-deċiżjonijiet tagħna jkunu taʼ ġid għalina u għall-familja tagħna, u fuq kollox aħna nixtiequ li d-deċiżjonijiet tagħna jferrħu lil Ġeħova.—Rum. 12:​1, 2.

2. Liema passi se jgħinuk tieħu deċiżjoni tajba?

2 X’aktarx int se tieħu deċiżjoni tajba jekk (1) ikollok il-fatti, (2) tifhem kif Ġeħova jaħsibha dwar is-sitwazzjoni, u (3) taħseb sew dwar l-għażliet li għandek. Dan l-artiklu se jiddiskuti dawn il-passi. Ukoll se jgħinna naraw kif nistgħu nitgħallmu nużaw il-mod kif naħsbu biex nogħġbu lil Ġeħova.—Prov. 2:11.

ARA LI JKOLLOK IL-FATTI

3. Għala huwa importanti li jkollna l-fatti qabel ma nieħdu deċiżjoni? Agħti eżempju.

3 L-ewwel pass biex tieħu deċiżjoni tajba hu li jkollok il-fatti. Dan għala huwa importanti? Immaġina li xi ħadd imur għand tabib għax għandu problema serja taʼ saħħa. Se jaqbad it-tabib jiddeċiedi x’mediċina se jagħtih mingħajr ma l-ewwel jara x’għandu u jsaqsih xi mistoqsijiet? Żgur li le. L-istess int, se tieħu deċiżjoni tajba jekk l-ewwel taħseb dwar il-fatti. Imma kif tistaʼ tagħmel dan?

4. Skont Proverbji 18:​13, xi trid tagħmel biex ikollok il-fatti? (Ara wkoll l-istampa.)

4 Ħafna drabi jistaʼ jkollok il-fatti billi ssaqsi xi mistoqsijiet. Pereżempju, ejja ngħidu li ġejt mistieden għal okkażjoni. Għandek tmur? Jekk ma tafx sew lil dak li stiednek jew ma tafx x’se jiġri waqt l-okkażjoni, ikun tajjeb jekk issaqsi mistoqsijiet bħal: “Meta u fejn se ssir? Kemm se jkun hemm nies? Se jkun hemm xi ħadd responsabbli għal dak li jiġri? Min se jkun mistieden? X’se nagħmlu waqt l-okkażjoni? Se jkun hemm alkoħol?” It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jgħinuk tieħu deċiżjoni tajba.—Aqra Proverbji 18:13.

Biex ikollok il-fatti staqsi l-mistoqsijiet (Ara paragrafu 4) a


5. X’għandek tagħmel wara li jkollok il-fatti?

5 Issa li taf il-fatti, aħseb sew dwar is-sitwazzjoni. Pereżempju, ejja ngħidu li ssir taf li se jkun hemm nies fl-okkażjoni li ma jimxux mal-livelli taʼ Ġeħova, jew li se jkun hemm l-alkoħol imma mhu se jkun hemm ħadd li se joqgħod attent li n-nies ma jixorbux ħafna. Jew tibda taħseb li din l-okkażjoni tistaʼ taqleb għal party bla kontroll. (1 Pt. 4:3) Xi ħaġa oħra li tistaʼ taħseb dwarha hi x’se tagħmel jekk biex tmur ikollok titlef xi laqgħa jew is-service. Meta taħseb sew dwar is-sitwazzjoni se jkun eħfef li tieħu deċiżjoni. Però, hemm pass ieħor li għandek tagħmel. Issa li taf kif tħossok int dwar is-sitwazzjoni, aħseb dwar kif iħossu Ġeħova dwarha.—Prov. 2:6.

IFHEM KIF JAĦSIBHA ĠEĦOVA

6. Skont Ġakbu 1:​5, għala għandna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna?

6 Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem kif jaħsibha hu dwar is-sitwazzjoni. Hu jwegħedna li jagħtina l-għerf biex nifhmu jekk ċertu deċiżjonijiet jogħġbuhx. Ġeħova jagħti dan l-għerf “b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja.”—Aqra Ġakbu 1:5.

7. Xi trid tagħmel biex tifhem kif jaħsibha Ġeħova? Agħti eżempju.

7 Wara li titlob lil Ġeħova biex jgħinek, oqgħod attent għall-mod kif se jwieġbek. Ejja nġibu eżempju: Jekk tkun sejjer xi mkien u tintilef, forsi ssaqsi għall-għajnuna lil xi ħadd li jaf il-post. Imma żgur li mhux se taqbad u titlaq qabel ma jispjegalek minn liema triq għandek tgħaddi. Int żgur li se tismaʼ sew x’se jgħidlek. Bl-istess mod, wara li titlob lil Ġeħova għall-għerf ipprova ara t-tweġiba tiegħu billi tara liema liġijiet u prinċipji japplikaw għas-sitwazzjoni tiegħek. Pereżempju, meta tkun qed tiddeċiedi tmurx għal dik l-okkażjoni li semmejna qabel, ikun tajjeb li tara x’tgħid il-Bibbja dwar parties bla kontroll u kumpanija ħażina. Ukoll aħseb kif bid-deċiżjoni li tieħu se turi li l-iktar ħaġa importanti għalik hi li tissapportja s-Saltna t’Alla u mhux tagħmel dak li tixtieq int.—Mat. 6:33; Rum. 13:13; 1 Kor. 15:33.

8. X’tistaʼ tagħmel jekk ikollok bżonn iktar informazzjoni? (Ara wkoll l-istampa.)

8 Imma ġieli jkollok bżonn iktar informazzjoni. Allura, jaf issaqsi ħu jew oħt matura spiritwalment għall-għajnuna tagħha. Se tibbenefika ħafna wkoll jekk tagħmel riċerka personali. L-organizzazzjoni tipprovdilna ħafna għodod taʼ riċerka, bħall-ktieb Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova u l-ktieb il-ġdid Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani. Waqt li tfittex, ftakar li l-mira tiegħek hi li tieħu deċiżjoni li biha togħġob lil Ġeħova.

Aħseb kif iħossu Ġeħova (Ara paragrafu 8) b


9. Kif tistaʼ tkun ċert li d-deċiżjoni tiegħek se togħġob lil Ġeħova? (Efesin 5:17)

9 Kif tistaʼ tkun ċert li d-deċiżjoni tiegħek se togħġob lil Ġeħova? L-ewwel, trid tkun taf lil Ġeħova sew. Il-Bibbja tgħid: “L-għarfien dwar l-Iktar Wieħed Qaddis se jgħinek tifhem.” (Prov. 9:10) L-għerf veru jiġi meta nkunu nafu l-kwalitajiet, l-iskop, u xi jħobb u x’jobgħod Ġeħova. Mela saqsi lilek innifsek, ‘Minn dak li naf dwar Ġeħova, x’deċiżjoni jixtieqni nieħu?’—Aqra Efesin 5:17.

10. Għala l-prinċipji tal-Bibbja huma iktar importanti mill-kultura jew li nogħġbu lin-nies?

10 Ġieli, biex nogħġbu lil Ġeħova, se niddiżappuntaw lil tal-familja jew xi ħbieb. Pereżempju, xi ġenituri b’intenzjoni tajba jaf jinsistu li t-tifla tagħhom għandha tiżżewweġ ħu sinjur, avolja li jaqdi lil Ġeħova ma tkunx l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Vera li l-ġenituri jridu li t-tifla tagħhom ikollha ħajja komda, imma hi trid issaqsi lilha nfisha, ‘Dan il-ħu se jkompli jgħinni nsaħħaħ il-ħbiberija tiegħi ma’ Ġeħova? Ġeħova kif iħossu?’ It-tweġiba nsibuha f’​Mattew 6:33. Hemmhekk, Ġesù jħeġġeġ il-Kristjani biex ‘dejjem ipoġġu s-Saltna fl-ewwel post f’ħajjithom.’ Mela għalkemm inkunu nixtiequ nogħġbu lill-ġenituri u nuru rispett lin-nies taʼ madwarna, l-iktar ħaġa importanti hi li nferrħu lil Ġeħova.

AĦSEB SEW DWAR L-GĦAŻLIET LI GĦANDEK

11. Skont Filippin 1:​9, 10, x’se jgħinna naħsbu sew dwar l-għażliet li għandna?

11 Wara li tkun sibt liema prinċipji japplikaw għas-sitwazzjoni tiegħek trid taħseb sew dwar l-għażliet li għandek. (Aqra Filippin 1:​9, 10.) Li tagħraf x’inhu tajjeb u ħażin se jgħinek timmaġina x’jistaʼ jiġri f’kull għażla li għandek. Ġieli jkun jidher ċar xi trid tagħmel, imma mhux kull deċiżjoni tkun hekk. Għalhekk, li tagħraf x’inhu tajjeb se jgħinek tieħu d-deċiżjoni t-tajba anki meta s-sitwazzjoni tkun komplikata.

12-13. Li tagħraf x’inhu tajjeb u ħażin kif se jgħinek tieħu deċiżjoni tajba dwar liema xogħol se tagħżel?

12 Aħseb dwar din is-sitwazzjoni. Int qed tfittex xogħol biex tieħu ħsieb il-familja tiegħek. Hemm żewġ xogħlijiet li tistaʼ tagħżel. Allura, int tiġbor il-fatti kollha billi tara x’jinvolvi dan ix-xogħol, il-ħinijiet, kemm se jiħodlok ħin biex tmur u tiġi, u affarijiet oħra. Iż-żewġ xogħlijiet huma tajbin għall-Kristjani. Però, forsi tippreferi xogħol minnhom minħabba li jogħġbok iktar jew għandu paga aħjar. Imma qabel tieħu d-deċiżjoni hemm affarijiet oħra li għandek iżżomm f’moħħok.

13 Pereżempju, hemm xi xogħol minnhom li se jagħmilhieli diffiċli biex immur għal-laqgħat? Hemm xi xogħol minnhom li se jiħodli l-ħin li nqattaʼ mal-familja u biex ngħinhom jibqgħu jaqdu lil Ġeħova? Li ssaqsi dawn il-mistoqsijiet se jgħinek tpoġġi “l-iktar affarijiet importanti” l-ewwel f’ħajtek. Dawn huma l-qima tiegħek lil Ġeħova u li tieħu ħsieb il-mara u t-tfal tiegħek. Imbagħad, se tkun tistaʼ tieħu deċiżjoni li Ġeħova jkun jistaʼ jbierek.

14. Li nagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin u li nuru mħabba kif se jgħinuna nevitaw li nfixklu lil oħrajn?

14 Li nagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin jgħinna wkoll naħsbu kif id-deċiżjoni tagħna tistaʼ teffettwa lil oħrajn biex nevitaw li ‘ma nfixklu lil ħadd.’ (Flp. 1:10) Pereżempju, dan se jgħinna meta nieħdu deċiżjonijiet persunali bħal x’se nilbsu u kif nidhru. Ħu jew oħt jaf jogħġobha xi tip taʼ stil. Imma x’se tagħmel jekk xi aħwa jew xi nies tad-dinja jħossu li d-dehra tagħha hi stramba? Li nagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin se jgħinna nirrispettaw kif iħossuhom oħrajn. L-imħabba se tgħinna nfittxu dak li jaqbel “lil ħaddieħor” u mhux dak li jaqbel lilna, u nkunu modesti. (1 Kor. 10:​23, 24, 32; 1 Tim. 2:​9, 10) Imbagħad, meta niġu biex niddeċiedu, se nħallu l-imħabba u r-rispett lejn oħrajn jaffettwaw id-deċiżjoni tagħna.

15. Qabel tieħu deċiżjoni kbira dwar xiex trid taħseb?

15 Imma xi ngħidu jekk għandek bżonn tieħu deċiżjoni kbira? Ġesù għallem li wieħed għandu “jikkalkula l-ispejjeż.” (Luqa 14:28) Għalhekk, aħseb dwar il-ħin, il-flus, u l-enerġija li se jkollok bżonn biex id-deċiżjoni li trid tieħu tirnexxi. F’ċertu każijiet jaf ikollok titkellem mal-membri tal-familja dwar x’se jkollhom jagħmlu biex din id-deċiżjoni tirnexxi. Dan it-tip taʼ ppjanar għala huwa tajjeb? Għax jistaʼ jgħinek tara x’għandek bżonn tirranġa jew hemmx xi ħaġa aħjar li tistaʼ tagħmel. Ukoll, meta tinvolvi l-membri tal-familja u tismaʼ kif iħossuhom, se jkunu iktar lesti biex jgħinuk fid-deċiżjoni tiegħek.—Prov. 15:22.

KIF ID-DEĊIŻJONI LI TIEĦU TISTAʼ TIRNEXXI

16. Liema passi se jgħinuk tieħu deċiżjoni li tistaʼ tirnexxi? (Ara wkoll il-kaxxa “ Kif Tieħu Deċiżjonijiet Tajbin.”)

16 Jekk timxi mal-passi li tkellimna fuqhom f’dan l-artiklu se tkun tistaʼ tieħu deċiżjoni tajba. Għala? Għax int se jkollok il-fatti u se tara liema prinċipji se jgħinuk tieħu deċiżjoni li togħġob lil Ġeħova. Imbagħad, se tkun tistaʼ titlob lil Ġeħova jbierek id-deċiżjoni tiegħek.

17. X’inhi l-iktar ħaġa importanti biex tieħu deċiżjonijiet tajbin?

17 Anki jekk f’ħajtek ħadt ħafna deċiżjonijiet tajbin, ftakar li l-iktar ħaġa importanti hi li tistrieħ fuq l-għerf taʼ Ġeħova mhux fuq l-esperjenza jew l-intelliġenza tiegħek. Hu biss jistaʼ jagħtik l-għerf veru, jgħinek tagħraf x’inhu tajjeb u ħażin, u jgħinek tifhem kif jaħsibha hu. Dawn l-affarijiet kollha huma parti importanti mill-għerf veru taʼ Ġeħova. (Prov. 2:​1-5) B’hekk Ġeħova jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni li tagħmlu ferħan.—Slm. 23:​2, 3.

GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova

a X’JURUNA L-ISTAMPI: Grupp taʼ żgħażagħ qed jitkellmu dwar invit għal party li rċivew fuq il-mowbajl.

b X’TURINA L-ISTAMPA: Wieħed miż-żgħażagħ qed jagħmel riċerka biex jiddeċiedi għandux imur il-party.