Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 4

GĦANJA 18 Grati għall-fidwa

X’Nitgħallmu mill-Fidwa?

X’Nitgħallmu mill-Fidwa?

“Alla wera li jħobbna.”1 ĠW. 4:9.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Mill-fidwa nitgħallmu xi kwalitajiet sbieħ li għandhom Ġeħova u Ġesù. F’dan l-artiklu se naraw x’inhuma.

1. Għala jkun tajjeb li kull sena mmorru t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù?

 ĠEĦOVA tana rigal prezzjuż ħafna meta bagħat lil Ibnu biex imut għalina! (2 Kor. 9:15) Minħabba s-sagrifiċċju taʼ Ġesù int tistaʼ ssir ħabib taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkollok ukoll iċ-ċans li tgħix għal dejjem. Allura għandna ħafna raġunijiet biex nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bi mħabba pprovda l-fidwa! (Rum. 5:8) Biex ma ninsewx dak li għamel Ġeħova għalina u nuru kemm napprezzaw, Ġesù kkmandana biex kull sena mmorru t-Tifkira tal-mewt tiegħu.—Luqa 22:​19, 20.

2. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

2 Din is-sena, it-Tifkira se ssir is-Sibt, 12 t’April 2025. Żgur li kollha kemm aħna qed inħarsu ’l quddiem biex immorru. Fil-ġimgħat taʼ qabel u taʼ wara jkun tajjeb li kull wieħed minna jimmedita a fuq x’għamlu Ġeħova u Ġesù għalina. F’dan l-artiklu, se naraw x’tgħallimna l-fidwa dwar Ġeħova u Ibnu Ġesù. Fl-artiklu taʼ wara se nifhmu iżjed kif nistgħu nibbenefikaw mill-fidwa u xi rridu nagħmlu biex nuru l-apprezzament tagħna.

IL-FIDWA X’TGĦALLIMNA DWAR ĠEĦOVA?

3. Is-sagrifiċċju taʼ raġel wieħed kif jistaʼ jeħles lil miljuni taʼ nies? (Ara wkoll l-istampa.)

3 Il-fidwa tgħallimna li Ġeħova jħobb il-ġustizzja. (Dewt. 32:4) Kif? Aħseb dwar dan: Meta Adam m’obdiex lil Ġeħova, għamel dnub u maż-żmien miet. Peress li aħna kollha niġu minnu writna d-dnub u mmutu. (Rum. 5:12) Biex jeħlisna Ġeħova bagħat lil Ġesù biex imut għalina. Allura kif jistaʼ s-sagrifiċċju taʼ raġel perfett wieħed jeħles lil ħafna nies? L-appostlu Pawlu qal: “Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] ħafna saru midinbin, bl-ubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Ġesù] ħafna se jsiru ġusti.” (Rum. 5:19; 1 Tim. 2:6) Dan ifisser li minħabba li bniedem wieħed m’obdiex lil Alla kulħadd jidneb u għandu jmut. B’hekk, biex ninħelsu, raġel perfett kellu jobdi lil Alla.

Minħabba raġel wieħed, Adam, aħna nidinbu u mmutu. Bl-istess mod, minħabba raġel wieħed, Ġesù, aħna nistgħu ninħelsu mid-dnub u ngħixu għal dejjem (Ara paragrafu 3)


4. Ġeħova għala ma ħalliex lit-tfal ubbidjenti taʼ Adam jgħixu għal dejjem?

4 Biex isalvana, Ġesù bilfors kellu jmut? Ġeħova għala ma ħalliex lit-tfal ubbidjenti taʼ Adam jibqgħu jgħixu għal dejjem? Forsi nistgħu naħsbu li b’dan il-mod Ġeħova kien se jsolvi l-problema b’mod tajjeb. Imma kieku Ġeħova ma kienx ikun qed juri ġustizzja. Kieku għamel hekk ikun qisu Adam ma dinibx u t-tfal tiegħu qishom m’għandhomx dnub. Imma mhux hekk ġara.

5. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem se jagħmel dak li hu sew?

5 Kieku Ġeħova ma pprovdiex il-fidwa u ħalla t-tfal imperfetti taʼ Adam jgħixu għal dejjem ma kienx ikun qed jimxi mal-livelli tiegħu stess. B’hekk in-nies jistgħu jiddubitaw li hemm drabi oħra meta Ġeħova ma jkunx ġust u li forsi mhux se jżomm il-wegħdi tiegħu li għamel għall-futur. Imma aħna m’għandniex għalfejn ninkwetaw. Ġeħova baqaʼ ġust anki meta kellu jissagrifika lil Ibnu. Mela nistgħu nkunu ċerti li dejjem se jagħmel dak li hu sew.

6. Il-fidwa kif turi li Ġeħova jħobbna? (1 Ġwanni 4:​9, 10)

6 Il-fidwa tgħinna naraw li Ġeħova mhux biss hu ġust imma jħobbna wkoll. (Ġw. 3:16; aqra 1 Ġwanni 4:​9, 10.) Hu bagħat lil Ġesù biex imut għalina għax jixtieq li aħna ngħixu għal dejjem u nsiru parti mill-familja tiegħu. Meta Adam dineb, hu ma setax jibqaʼ parti mill-familja taʼ Ġeħova. B’hekk meta twelidna, aħna wkoll ma konniex fil-familja taʼ Ġeħova. Imma permezz tal-fidwa Ġeħova jistaʼ jaħfer id-dnubiet tan-nies ubbidjenti kollha u huma jistgħu jsiru parti mill-familja tiegħu. Anki minn issa, Ġeħova jistaʼ jaħfrilna u aħna jistaʼ jkollna ħbiberija tajba miegħu u m’oħrajn leali. Kemm iħobbna Ġeħova!—Rum. 5:​10, 11.

7. Dak li għadda Ġesù minnu kif jgħinna nifhmu kemm iħobbna Ġeħova?

7 Aħna nistgħu nifhmu iktar kemm iħobbna Ġeħova meta naħsbu dwar l-uġigħ kbir li ħass meta ra lil Ibnu jbati. Satana qal li meta l-qaddejja taʼ Ġeħova jgħaddu minn żmien diffiċli ħafna, mhux se jibqgħu leali lejn Ġeħova. B’hekk Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati biex juri li Satana hu giddieb. (Ġob 2:​1-5; 1 Pt. 2:21) Qabel miet, Ġesù kien mgħajjar, imsawwat mis-suldati, u mbagħad ġie msammar maʼ zokk. F’dan il-ħin kollu, Ġeħova kien qed jara kollox. Ġeħova ra wkoll lil Ġesù jmut mewta taʼ wġigħ kbir. (Mat. 27:​28-31, 39) Kieku ried Ġeħova setaʼ jwaqqaf milli jiġri dan kollu. Pereżempju, meta n-nies qalu: “Ħa jsalvah Alla jekk japprovah,” Ġeħova setaʼ għamel hekk kieku ried. (Mat. 27:​42, 43) Imma kieku għamel hekk, Ġesù ma kienx iħallas il-fidwa u aħna konna nibqgħu bla tama. Allura Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati sakemm miet.

8. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħass uġigħ kbir meta ra lil Ibnu jbati? (Ara wkoll l-istampa.)

8 M’għandniex naħsbu li peress li Ġeħova hu l-Alla li Jistaʼ Kollox m’għandux emozzjonijiet. Hu ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu u aħna nħossu emozzjonijiet differenti, allura hu kapaċi jħoss ukoll. Il-Bibbja tgħid li hu jistaʼ jħossu mweġġaʼ u mnikket. (Slm. 78:​40, 41) Aħseb f’Abraham u Iżakk. Ġeħova kien qal lil Abraham biex joffri lill-uniku tifel li kellu bħala sagrifiċċju. (Ġen. 22:​9-12; Lhud 11:​17-19) Immaġina kif ħassu Abraham meta kien qed jipprepara biex joqtol lit-tifel tiegħu. Mela kemm kien iktar imweġġaʼ u mdejjaq Ġeħova meta ra lil Ibnu jiġi ttorturat u maqtul!—Ara l-vidjow Imita l-Fidi Tagħhom—Abraham, It-2 Parti fuq jw.org.

Ġeħova weġġaʼ ħafna meta ra lil Ibnu jbati (Ara paragrafu 8)


9. Rumani 8:​32, 38, 39 x’jgħallimna dwar l-imħabba taʼ Ġeħova?

9 Il-fidwa turina li ħadd ma jħobbna daqskemm iħobbna Ġeħova—la l-ħbieb u lanqas tal-familja. (Aqra Rumani 8:​32, 38, 39.) Żgur li Ġeħova jħobbok iktar milli tħobb lilek innifsek. Int tixtieq tgħix għal dejjem? Ġeħova jixtieq iktar minnek li inti tgħix għal dejjem. Trid li jinħafrulek id-dnubiet tiegħek? Ġeħova jrid iżjed minnek li jaħfirlek. Kulma jridna nagħmlu hu li napprezzaw is-sagrifiċċju taʼ Ġesù, ikollna fidi fih, u nobduh. Il-fidwa hi rigal mill-isbaħ li jurina kemm iħobbna Ġeħova. Fid-dinja l-ġdida se nitgħallmu dwar iktar affarijiet li għamel għalina Ġeħova biex jurina li jħobbna.—Ekk. 3:11.

IL-FIDWA X’TGĦALLIMNA DWAR ĠESÙ?

10. (a) Ġesù għala kien inkwetat dwar kif kien se jmut? (b) Ġesù kif wera li Satana hu giddieb? (Ara wkoll il-kaxxa “ Il-Lealtà taʼ Ġesù Tat Prova li Satana Hu Giddieb.”)

10 Ġesù jimpurtah ħafna minn x’jaħsbu n-nies dwar Missieru. (Ġw. 14:31) Hu kien inkwetat li n-nies kienu se jibdew jaħsbu ħażin dwar Alla għax kien se jiġi akkużat li dagħa kontrih. Għalhekk, hu talab: “Missier, jekk hu possibbli, ħa ma jkollix bżonn nixrob minn din it-tazza.” (Mat. 26:39) Ġesù baqaʼ leali lejn Ġeħova sakemm miet u b’hekk ta prova li dak li qal Satana kontra Ġeħova kien gidba.

11. Ġesù kif wera li jimpurtah ħafna min-nies? (Ġwanni 13:1)

11 Il-fidwa tgħallimna li Ġesù jimpurtah ħafna min-nies, speċjalment mid-dixxipli tiegħu. (Prov. 8:31; aqra Ġwanni 13:1.) Pereżempju, hu kien jaf li xi affarijiet li kellu jagħmel fuq l-art kienu se jkunu diffiċli, bħal li jmut mewta taʼ wġigħ. Imma hu m’għamilx dawn l-affarijiet għax qallu Ġeħova biss, imma għax kien iħobb in-nies. Dan għamlu billi tkellem magħhom dwar l-aħbar tajba, għallimhom u għenhom. Dakinhar li kien se jmut hu ħa l-ħin biex jaħsel saqajn l-appostli tiegħu biex jgħallimhom u jinkuraġġihom. (Ġw. 13:​12-15) Imbagħad meta kien qed imut fuq iz-zokk tat-tortura, hu ta tama lill-kriminal taʼ ħdejh. Ġesù ħaseb ukoll dwar ommu u qal lil Ġwanni biex jieħu ħsiebha. (Luqa 23:​42, 43; Ġw. 19:​26, 27) Dan kollu jurina li Ġesù wera kemm kien iħobb in-nies mhux biss billi miet għalihom, imma wkoll bil-mod kif ttrattahom.

12. Ġesù x’qed jagħmel għalina bħalissa?

12 Ġesù miet għalina “darba għal dejjem,” imma għadu jaħdem għalina. (Rum. 6:10) Kif? Il-fidwa għamlet ħafna affarijiet possibbli għalina u hu qed jaħdem biex jagħtihomlna. Pereżempju, hu jaqdi bħala r-Re tagħna, il-Qassis il-Kbir, u l-kap tal-kongregazzjoni. (1 Kor. 15:25; Efes. 5:23; Lhud 2:17) Ġesù għandu r-responsabbiltà li jiġbor lill-magħżulin u l-folla l-kbira. Dan se jibqaʼ jagħmlu sakemm jispiċċa ż-żmien taʼ tbatija kbira. b (Mat. 25:32; Mrk. 13:27) Ġesù qed juża l-ilsir leali biex f’dawn l-aħħar jiem ikollna dak li għandna bżonn biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. (Mat. 24:45) U fl-Elf Sena hu se jkompli jaħdem għalina. Mela Ġeħova ma tax lil Ġesù biex imut għalina biss imma għal ħafna iktar affarijiet!

KOMPLI TGĦALLEM

13. X’tistaʼ tagħmel biex timmedita dwar l-imħabba taʼ Ġeħova u Kristu?

13 Biex tibqaʼ titgħallem dwar l-imħabba taʼ Ġeħova u Kristu Ġesù, immedita dwar x’għamlu għalik. Fil-ġimgħat taʼ qabel u wara t-Tifkira, tistaʼ taqra wieħed mill-Evanġelji jew iktar. Taqrax ħafna kapitli f’daqqa imma minflok fittex għal iktar raġunijiet għala għandna nħobbu lil Ġeħova u lil Ġesù. Imbagħad tkellem m’oħrajn dwar x’tgħallimt.

14. Skont Salm 119:97 u n-nota taʼ taħt, kif nistgħu nitgħallmu iktar dwar il-fidwa u affarijiet oħra? (Ara wkoll l-istampa.)

14 Jekk ilek ħafna snin fil-verità forsi taħseb li m’hemmx affarijiet ġodda x’tistaʼ titgħallem dwar il-ġustizzja, l-imħabba taʼ Ġeħova u l-fidwa. Imma dejjem hemm x’titgħallem. Allura xi trid tagħmel? Uża l-informazzjoni li hemm fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Pereżempju jekk taqra xi ħaġa mill-Bibbja li ma tifhimx, fittex dwarha. Imbagħad matul il-ġurnata immedita dwar dak li studjajt u x’tgħallimt dwar Ġeħova, Ġesù, u l-imħabba tagħhom għalik.—Aqra Salm 119:97 u n-nota taʼ taħt.

Jekk ilna ħafna snin fil-verità xorta nistgħu nibqgħu nitgħallmu u napprezzaw iktar il-fidwa (Ara paragrafu 14)


15. Għala għandna nibqgħu nipprovaw nitgħallmu affarijiet ġodda mill-Bibbja?

15 Jekk ma ssibx xi ħaġa ġdida jew interessanti kull darba li taqra l-Bibbja jew tagħmel riċerka, tħossokx skuraġġit. Immaġinak qisek xi ħadd li jfittex id-deheb. Ħafna drabi biex xi ħadd isib biċċa deheb, jaf idum ħafna sigħat jew ġranet ifittex. Imma ma jaqtax qalbu għax jaf li anki l-iżgħar biċċa li jsib hi prezzjuża. Kull ħaġa ġdida li nitgħallmu mill-Bibbja hi ħafna iktar prezzjuża mid-deheb. (Slm. 119:127; Prov. 8:10) Mela kun paċenzjuż u ibqaʼ aqra l-Bibbja ħalli titgħallem affarijiet ġodda.—Slm. 1:2.

16. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova u Ġesù?

16 Meta tkun qed tistudja aħseb dwar kif tistaʼ tapplika dak li titgħallem. Pereżempju, imita l-ġustizzja taʼ Ġeħova billi tittratta lil kulħadd l-istess. Imita l-imħabba taʼ Ġesù għal Missieru u għan-nies billi tkun lest li tobdi lil Ġeħova u tgħin lill-aħwa anki jekk ikollok tagħmel xi sagrifiċċji. Barra minn hekk, imita lil Ġesù billi tagħti xhieda lil oħrajn ħalli huma wkoll ikollhom iċ-ċans jitgħallmu x’għamel Ġeħova għalina u juru fidi fil-fidwa.

17. X’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?

17 Iktar ma nitgħallmu dwar il-fidwa u napprezzawha, iktar se nsiru nħobbu lil Ġeħova u Ġesù. U minħabba f’hekk huma wkoll se jħobbuna iżjed. (Ġw. 14:21; Ġak. 4:8) Mela uża kulma jtina Ġeħova biex tkompli titgħallem dwar il-fidwa. Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu dwar iktar barkiet li għandna peress li Ġesù miet għalina, u kif nistgħu nuru li napprezzaw l-imħabba taʼ Ġeħova.

GĦANJA 107 Il-mudell divin tal-imħabba

a ESPRESSJONI SPJEGATA: Li timmedita jfisser li taħseb sew dwar suġġett u tara kif tistaʼ tifhmu aħjar.

b F’​Efesin 1:​10, Pawlu jsemmi ġbir tal-“affarijiet tas-sema.” Imma dan hu differenti mill-ġbir li semma Ġesù tal-“magħżulin” f’​Mattew 24:31 u Marku 13:27. Pawlu kien qed jirreferi għaż-żmien meta Ġeħova bl-ispirtu qaddis jagħżel lil dawk li se jmexxu maʼ Ġesù mis-sema. Ġesù kien qed jirreferi għaż-żmien meta l-magħżulin li jkun fadal fuq l-art jinġabru fis-sema matul iż-żmien taʼ tbatija kbira.