Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 30

Ħobb Iktar lil Ġeħova u lil Oħrajn

Ħobb Iktar lil Ġeħova u lil Oħrajn

“Ħa nikbru bl-imħabba f’kollox.”—EFES. 4:15.

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. X’tgħallimt meta bdejt tistudja l-Bibbja?

 TIFTAKAR l-affarijiet li tgħallimt meta bdejt tistudja l-Bibbja? Forsi kont sorpriż meta sirt taf li Alla għandu isem. X’aktarx, ħadt pjaċir meta sirt taf li Alla ma jittorturax in-nies fl-infern. U min jaf kemm ħadt pjaċir meta sirt taf li tistaʼ terġaʼ tara l-maħbubin tiegħek li raqdu fil-mewt u tgħix għal dejjem magħhom f’ġenna tal-art.

2. Minbarra li tgħallimt il-veritajiet tal-Bibbja, xi progress għamilt? (Efesin 5:1, 2)

2 Iktar ma bdejt tistudja l-Bibbja iktar bdejt tħobb lil Ġeħova. Din l-imħabba mmotivatek biex tapplika dak li tgħallimt. Int ħadt deċiżjonijiet aħjar ibbażati fuq il-prinċipji tal-Bibbja. Tgħallimt taħseb u tagħmel affarijiet tajbin għax tixtieq togħġob lil Alla. Bħal meta tifel jimita lill-ġenituri tiegħu, int qed timita lil Missierek tas-sema.—Aqra Efesin 5:1, 2.

3. Liema mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna?

3 Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘L-imħabba tiegħi għal Ġeħova hi iktar b’saħħitha minn meta tgħammidt? Kemm ilni li tgħammidt, sirt nixbah iktar lil Ġeħova f’li nħobb lill-aħwa?’ Jekk l-imħabba tagħna għal Ġeħova u għall-aħwa m’għadhiex b’saħħitha bħal qabel, m’għandniex inħossuna skuraġġiti. Il-Kristjani tal-bidu ġralhom xi ħaġa simili. Ġesù ma qatax qalbu minnhom, u mhux se jaqtaʼ qalbu minna. (Riv. 2:4, 7) Hu jaf li aħna jistaʼ jerġaʼ jkollna dik l-imħabba li kellna fil-bidu meta tgħallimna l-verità.

4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

4 F’dan l-artiklu se niddiskutu kif nistgħu nħobbu iktar lil Ġeħova u lil oħrajn. Imbagħad se naraw liema barkiet se jkollna meta nħobbu iktar lil Ġeħova u lil ħutna.

ĦOBB IKTAR LIL ĠEĦOVA

5-6. L-appostlu Pawlu liema sfidi ffaċċja, u xi mmotivah biex ikompli jaqdi lil Ġeħova?

5 L-appostlu Pawlu kien jieħu pjaċir jaqdi lil Ġeħova, imma mhux dejjem kien faċli għalih. Pawlu spiss għamel vjaġġi twal u dak iż-żmien ma kienx faċli. Matul il-vjaġġi tiegħu, xi kultant Pawlu kien “f’perikli mix-xmajjar” u “f’perikli mill-ħallelin.” Kien hemm ukoll drabi meta l-għedewwa tiegħu sawtuh. (2 Kor. 11:23-27) U l-aħwa mhux dejjem apprezzaw dak li għamel magħhom biex jgħinhom.—2 Kor. 10:10; Flp. 4:15.

6 X’għen lil Pawlu biex ikompli jaqdi lil Ġeħova? Pawlu tgħallem ħafna dwar il-personalità taʼ Ġeħova mill-Iskrittura u mill-esperjenzi tiegħu. Hu kien ċert li Ġeħova jħobbu. (Rum. 8:38, 39; Efes. 2:4, 5) U Pawlu wkoll sar iħobb ħafna lil Ġeħova. Hu wera li jħobb lil Ġeħova billi ‘qeda lill-qaddisin u baqaʼ jaqdihom.’—Ebr. 6:10.

7. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nħobbu iktar lil Ġeħova?

7 Aħna nistgħu nħobbu iktar lil Alla billi nistudjaw sew il-Kelma tiegħu. Waqt li tkun qed taqra l-Bibbja, ara x’tistaʼ titgħallem dwar Ġeħova. Saqsi lilek innifsek: ‘Dan ir-rakkont kif juri li Ġeħova jħobbni? Kif iġegħelni nħobb iktar lil Ġeħova?’

8. It-talb kif jgħinna nħobbu iktar lil Alla?

8 Mod ieħor kif nistgħu nsaħħu l-imħabba tagħna għal Ġeħova hu billi nitolbuh kuljum u ngħidulu kif qed inħossuna. (Salm 25:4, 5) Imbagħad, Ġeħova se jwieġeb it-talb tagħna. (1 Ġw. 3:21, 22) Oħt mill-Asja tgħid: “Għall-ewwel bdejt inħobb lil Ġeħova minħabba dak li tgħallimt dwaru. Imma meta rajt kif wieġeb it-talb tiegħi bdejt inħobbu iktar. Għalhekk, ridt nagħmel dak li jogħġob lilu.”

ĦOBB IKTAR LIL OĦRAJN

9. Dak li qal Pawlu kif juri li Timotju beda jħobb iktar lill-aħwa?

9 Wara li Pawlu sar Kristjan, iltaqaʼ ma’ żagħżugħ jismu Timotju. Timotju ħabb lil Ġeħova u anki lin-nies. Pawlu qal lill-​Filippin: “M’għandi lil ħadd bl-istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom.” (Flp. 2:20) Hawnhekk Pawlu ma qalx li Timotju kien tajjeb biex jorganizza jew kelliemi tajjeb, imma Pawlu setaʼ jara li Timotju kien iħobb ħafna lill-aħwa. Bla dubju, l-aħwa kienu jieħdu pjaċir meta Timotju kien iżur il-kongregazzjoni tagħhom.—1 Kor. 4:17.

10. Anna u r-raġel tagħha kif urew li jħobbu lill-aħwa?

10 Aħna wkoll infittxu modi biex ngħinu lil ħutna. (Ebr. 13:16) Aħseb fl-esperjenza taʼ Anna, l-oħt li semmejna fl-artiklu taʼ qabel dan. Wara maltempata kbira, hi u r-raġel tagħha marru jżuru familja u saru jafu li s-saqaf tad-dar tagħhom waqaʼ. Minħabba f’hekk, il-familja ma kellhiex ħwejjeġ nodfa. Anna tgħid: “Aħna ħadnielhom il-ħwejjeġ u ħsilniehom, għaddejniehom, u twejniehom. Għalina ma kinitx xi ħaġa kbira. Imma minħabba f’hekk, sirna ħbieb kbar.” L-imħabba taʼ Anna u r-raġel tagħha għall-aħwa mmotivathom biex jgħinu.—1 Ġw. 3:17, 18.

11. (a) Meta nuru li nħobbu lil oħrajn, spiss kif iħossuhom? (b) Skont Proverbji 19:17, Ġeħova kif iħossu meta aħna nuru l-imħabba?

11 Meta nkunu qalbna tajba u nuru li nħobbu lil oħrajn, huma se jindunaw li qed nipprovaw nimitaw lil Ġeħova. U jistaʼ jkun li lanqas inkunu nafu kemm japprezzaw dak li nkunu għamilna. L-oħt mill-Asja, li semmejna qabel, tiftakar lil dawk li għenuha. Hi tgħid: “Jien vera napprezza dak li għamlu l-aħwa biex joħorġuni magħhom fuq is-service. Huma kienu jiġu għalija, jistidnuni biex niekol magħhom, u jerġgħu jwassluni d-dar. Issa rrealizzajt kemm kienu jagħmlu miegħi. U dan kienu jagħmluh minn qalbhom.” Bla dubju, mhux kulħadd se jirringrazzjana għal dak li nagħmlu miegħu. Dwar l-aħwa li għenuha, l-oħt tgħid: “Nixtieq nagħmel xi ħaġa biex inpatti għal dak li għamlu miegħi, imma ma nafx fejn joqogħdu kollha. Imma Ġeħova jaf, u jien nitlob lilu biex jippremjahom minfloki.” L-oħt għandha raġun. Ġeħova jinnota kull ħaġa li nagħmlu għal oħrajn, anki jekk tkun xi ħaġa żgħira. U hu jqisha bħala sagrifiċċju prezzjuż u xi ħaġa li għamilna miegħu.—Aqra Proverbji 19:17.

Meta persuna tagħmel progress spiritwali, hi tfittex modi kif tgħin lil oħrajn (Ara paragrafu 12)

12. L-aħwa rġiel kif jistgħu juru li jħobbu lill-aħwa fil-kongregazzjoni? (Ara l-istampi.)

12 Jekk int ħu, kif tistaʼ turi li tħobb lill-aħwa u tgħinhom? Ħu żagħżugħ jismu Jordan saqsa lil anzjan x’jistaʼ jagħmel iktar biex jgħin fil-kongregazzjoni. L-anzjan, l-ewwel faħħru għall-progress li diġà kien għamel, imbagħad tah xi pariri dwar x’jistaʼ jagħmel iktar. Pereżempju, hu ssuġġerielu biex imur kmieni għal-laqgħa ħalli jkun jistaʼ jitkellem mal-oħrajn, jikkummenta fil-laqgħat, jipprietka b’mod regolari mal-aħwa fil-grupp tiegħu, u jaħseb dwar affarijiet li jistaʼ jagħmel biex jgħin lil oħrajn. Meta Jordan applika dawn il-pariri, tgħallem jagħmel ċertu affarijiet u anki jħobb iktar lill-aħwa. Hu tgħallem li meta ħu jsir qaddej ministerjali, hu mhux jibda jgħin lil oħrajn imma jkompli jgħinhom.—1 Tim. 3:8-10, 13.

13. L-imħabba kif immotivat lil Christian biex jerġaʼ jibda jaqdi bħala anzjan?

13 Xi ngħidu jekk kont taqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan? Ġeħova jiftakar ix-xogħol li għamilt fil-passat u li għamiltu mill-qalb. (1 Kor. 15:58) Hu jinnota wkoll l-imħabba li komplejt turi. Ħu jismu Christian ħassu ddiżappuntat meta ma baqax jaqdi bħala anzjan. Hu jgħid: “Jien iddeċidejt li naqdi lil Ġeħova sew jekk inkun anzjan u sew jekk le.” Maż-żmien, hu reġaʼ beda jaqdi bħala anzjan. Christian jammetti li għall-ewwel beda jħossu ansjuż biex jerġaʼ jibda jaqdi bħala anzjan. Hu qal: “Imma jien iddeċidejt li jekk Ġeħova jridni nkun anzjan naċċetta, għax inħobb lilu u lill-aħwa.”

14. X’titgħallem minn dak li qalet Elena?

14 Il-qaddejja taʼ Ġeħova jħobbu lil nies oħrajn ukoll. (Mt. 22:37-39) Pereżempju, Elena, oħt li tgħix il-Georgia, tgħid: “Għall-ewwel bdejt nipprietka għax kont inħobb lil Ġeħova. Imma hekk kif bdejt inħobb iktar lil Ġeħova, l-imħabba tiegħi għan-nies kibret ukoll. Bdejt nipprova nimmaġina xi problemi jiffaċċjaw u dwar xiex jieħdu pjaċir jitkellmu. Iktar ma bdejt naħseb dwarhom, iktar xtaqt ngħinhom.”—Rum. 10:13-15.

ĠEĦOVA SE JIPPREMJANA META NURU LI NĦOBBU LIL OĦRAJN

Meta nuru l-imħabba, jistgħu jibbenefikaw ħafna nies oħrajn (Ara paragrafi 15-16)

15-16. Kif naraw fl-istampi, Ġeħova kif jippremjana meta nuru li nħobbu lil oħrajn?

15 Meta nuru li nħobbu lil ħutna, mhux huma biss jibbenefikaw. Wara li bdiet il-pandemija tal-COVID-19, ħu jismu Paolo u l-mara tiegħu għenu lil ħafna aħwa nisa kbar fl-età. Dawn għenuhom jitgħallmu jużaw it-tablets, il-mowbajls, jew il-kompjuters tagħhom biex jippritkaw. Waħda mill-aħwa għall-ewwel sabitha diffiċli imma mbagħad irnexxielha. Hi stiednet lil tal-familja tagħha biex jattendu għat-Tifkira. Sittin minnhom attendew permezz tal-videoconference. L-oħt u tal-familja tagħha bbenefikaw mill-isforzi li għamlu Paolo u l-mara tiegħu. Iktar tard, l-oħt kitbet lil Paolo: “Grazzi li għallimt lilna li aħna kbar fl-età kif nużaw it-teknoloġija. Żgur li mhux se ninsa kif Ġeħova jieħu ħsiebna, u kemm ħdimtu iebes int u l-mara tiegħek biex tgħinuna.”

16 Paolo tgħallem lezzjoni importanti minn din l-esperjenza. Hu rrealizza li l-imħabba hi iktar importanti minn dak li nkunu nafu jew l-abbiltajiet li jkollna. Hu jgħid: “Jien kont naqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Illum nirrealizza li għalkemm l-aħwa forsi nsew it-taħditiet tiegħi, huma jiftakru l-affarijiet li għamilt biex ngħinhom.”

17. Min se jibbenefika wkoll meta nuru l-imħabba?

17 Meta nuru li nħobbu lil oħrajn, nibbenefikaw b’modi li ma nkunux qed nistennew. Jonathan, ħu li jgħix fi New Zealand, jaqbel ma’ dan. Darba waħda kienet ħafna sħana, u hu ra pijunier jipprietka waħdu. Jonathan iddeċieda li jipprietka ma’ dan il-pijunier kull nhar taʼ Sibt waranofsinhar. Hu stess ma kienx jaf kemm kien se jibbenefika talli wera din l-imħabba. Jonathan jgħid: “Dak iż-żmien ma kontx nieħu pjaċir nipprietka. Imma meta rajt kif jipprietka dan il-pijunier u kemm hu effettiv, bdejt nieħu pjaċir nipprietka jien ukoll. Il-ħu sar ukoll il-ħabib tiegħi u għenni biex nikber spiritwalment, nieħu pjaċir fil-ministeru, u nersaq qrib Ġeħova.”

18. Ġeħova xi jridna nagħmlu?

18 Ġeħova jrid li l-imħabba tagħna għalih u għal ħutna tkompli tikber. Bħalma tgħallimna, aħna nistgħu nħobbu iktar lil Ġeħova billi naqraw il-Bibbja, nimmeditaw fuqha, u nitolbuh b’mod regolari. Aħna nistgħu nħobbu iktar lil ħutna billi ngħinuhom. Hekk kif l-imħabba tagħna tkompli tikber, se nersqu eqreb taʼ Ġeħova u taʼ ħutna. U se ngawdu din il-ħbiberija għal dejjem!

GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha

a Sew jekk aħna ġodda fil-verità u sew jekk ilna naqdu lil Ġeħova għal ħafna snin, kollha kemm aħna nistgħu nkomplu nagħmlu progress. F’dan l-artiklu se nitgħallmu kif. Dan nagħmluh billi nħobbu iktar lil Ġeħova u lil oħrajn. Waqt li tistudja dan l-artiklu, aħseb dwar il-progress li diġà għamilt u kif tistaʼ tkompli tagħmel progress.