Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 32

Imita lil Ġeħova—Kun Raġonevoli

Imita lil Ġeħova—Kun Raġonevoli

“Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—FLP. 4:5.

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

Liema tip taʼ siġra tixtieq tkun? (Ara paragrafu 1)

1. F’liema sens il-Kristjani għandhom ikunu bħas-siġar? (Ara l-istampa.)

 “IR-RIĦ mhux se jaqsam siġra li tistaʼ titgħawweġ.” Dan il-kliem jurina li biex is-siġar ma jinqasmux meta jkun riħ qawwi jridu jkunu jistgħu jitgħawġu. Biex inkomplu naqdu lil Ġeħova bil-ferħ, aħna wkoll irridu nkunu flessibbli, jew raġonevoli, meta ċ-ċirkostanzi tagħna jsiru diffiċli. Kif? Aħna rridu nkunu raġonevoli billi naddattaw meta ċ-ċirkostanzi tagħna jinbidlu u billi nirrispettaw l-opinjonijiet u d-deċiżjonijiet taʼ oħrajn.

2. Liema kwalitajiet se jgħinuna naddattaw meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi tagħna, u x’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

2 Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna rridu nkunu raġonevoli. Irridu nkunu wkoll umli u qalbna tajba. F’dan l-artiklu, se naraw kif dawn il-kwalitajiet għenu lil xi Kristjani jkampaw meta ċ-ċirkostanzi tagħhom inbidlu. Se naraw ukoll kif dawn il-kwalitajiet jistgħu jgħinu lilna. Imma l-ewwel, ejja nitgħallmu minn Ġeħova u Ġesù, l-aqwa eżempji taʼ kif inkunu raġonevoli.

ĠEĦOVA U ĠESÙ HUMA RAĠONEVOLI

3. Kif nafu li Ġeħova hu raġonevoli?

3 Ġeħova jissejjaħ “il-Blata” għax hu sod. (Dt. 32:4) Però, hu raġonevoli wkoll. Hekk kif l-affarijiet fid-dinja qed ikomplu jinbidlu, Ġeħova qed jaddatta biex il-wegħdi tiegħu jiġru żgur. Ġeħova ħalaqna bi kwalitajiet bħal tiegħu u tana l-abbiltà li naddattaw meta jinbidlulna ċ-ċirkostanzi. Fil-Bibbja nsibu pariri li jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin meta niffaċċjaw xi problema. L-eżempju taʼ Ġeħova u l-pariri li tana jgħinuna naraw li hu “l-Blata” u fl-istess ħin raġonevoli.

4. Agħti eżempju li juri li Ġeħova hu raġonevoli. (Levitiku 5:7, 11)

4 Dak li jagħmel Ġeħova hu perfett u raġonevoli. Ġeħova mhux aħrax man-nies. Pereżempju, ara kif Ġeħova kien raġonevoli mal-Iżraelin. Hu ma kienx jistenna l-istess sagrifiċċju mill-foqra u s-sinjuri. F’xi każijiet, hu ħalla lin-nies joffru sagrifiċċji skont iċ-ċirkostanzi tagħhom.—Aqra Levitiku 5:7, 11.

5. Agħti eżempju li juri li Ġeħova hu umli u qalbu tajba.

5 L-umiltà u l-qalb tajba taʼ Ġeħova jimmotivawh biex ikun raġonevoli. Pereżempju, Ġeħova wera kemm kien umli meta kien se jeqred lin-nies ħżiena f’Sodoma. Permezz tal-anġli, Ġeħova qal lil Lot biex jaħrab lejn il-muntanji. Imma Lot beżaʼ jmur hemm. Għalhekk, hu talab lil Ġeħova biex flimkien mal-familja tiegħu jmur Sogħar, raħal żgħir li Ġeħova kien iddeċieda li jeqred. Kieku ried, Ġeħova setaʼ qallu biex jobdi d-direzzjoni li tah. Imma Ġeħova ħalla lil Lot u l-familja tiegħu jmorru Sogħar u ma qeridx dan ir-raħal. (Ġen. 19:18-22) Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova wera qalb tajba man-nies taʼ Ninwe. Ġeħova bagħat lill-profeta tiegħu Ġona biex jgħid lin-nies f’Ninwe li kien se jeqred lilhom u lill-belt. Imma meta n-nies f’Ninwe ddispjaċiehom għal dak li kienu qed jagħmlu, Ġeħova tħassarhom u ma qeridhomx.—Ġona 3:1, 10; 4:10, 11.

6. Semmi xi eżempji kif Ġesù kien raġonevoli bħal Ġeħova.

6 Ġesù kien raġonevoli bħal Ġeħova. Hu ntbagħat fuq l-art biex jipprietka ‘lin-nies t’Iżrael, li kienu bħal nagħaġ mitlufin.’ Imma hu wera li kien raġonevoli meta pprietka lil nies oħrajn. Pereżempju, darba waħda mara li ma kinitx Iżraelija talbitu biex ifejjaq it-tifla tagħha li kellha “demonju fiha.” B’qalb tajba, Ġesù għamel dak li talbitu l-mara, u fejjaq lit-tifla tagħha. (Mt. 15:21-28) Aħseb dwar eżempju ieħor. Darba waħda, meta Ġesù kien qed jipprietka qal: “Min jgħid li ma jafnix, jien ngħid . . .  li ma nafux.” (Mt. 10:33) Imma hu ma qalx li ma jafx lil Pietru, avolja Pietru kien qal li ma jafux tliet darbiet. Ġesù kien jaf li Pietru ddispjaċieh ħafna għal dak li kien għamel u li kien raġel leali. U wara li Ġesù ġie rxoxtat, deher lil Pietru u x’aktarx qallu li kien ħafirlu u li jħobbu.—Lq. 24:33, 34.

7. Skont Filippin 4:5, kif nixtiequ li oħrajn jarawna?

7 Aħna rajna li Ġeħova u Ġesù Kristu huma raġonevoli. Xi ngħidu għalina? Ġeħova jistenna li nkunu raġonevoli. (Aqra Filippin 4:5.) Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘In-nies iqisuni bħala persuna raġonevoli? Jew jarawni bħala persuna ħarxa u rasi iebsa? Ninsisti biex oħrajn jagħmlu l-affarijiet kif jogħġbu lili? Jew nismaʼ l-opinjoni t’oħrajn u nagħmel kif ikunu jixtiequ huma?’ Iktar ma nkunu raġonevoli, iktar inkunu qed nimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù. Ejja nikkunsidraw żewġ sitwazzjonijiet fejn hu importanti li nkunu raġonevoli—meta ċ-ċirkostanzi tagħna jinbidlu u meta d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet t’oħrajn ikunu differenti minn tagħna.

KUN RAĠONEVOLI META JINBIDLU Ċ-ĊIRKOSTANZI

8. X’jistaʼ jgħinna nkunu raġonevoli meta ċ-ċirkostanzi tagħna jinbidlu? (Ara n-nota taʼ taħt.)

8 Meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi tagħna rridu naddattaw. Dawn il-bidliet jistgħu jaqilgħulna problemi li qatt ma ħsibna dwarhom. Pereżempju, nistgħu niffaċċjaw problemi taʼ saħħa f’daqqa waħda. Jew jistaʼ jkun li tibdil fl-ekonomija u l-gvern fejn inkunu qed ngħixu jagħmluhielna diffiċli biex inkampaw. (Ekk. 9:11; 1 Kor. 7:31) Jistaʼ jkun diffiċli għalina wkoll meta l-organizzazzjoni titlobna biex naqdu lil Ġeħova f’inkarigu differenti jew f’xi post ieħor. Tkun xi tkun l-isfida li niffaċċjaw, nistgħu naddattaw għaċ-ċirkostanzi ġodda jekk nagħmlu dawn l-erbaʼ passi: (1) aċċetta li s-sitwazzjoni tiegħek issa hi differenti, (2) aħseb dwar il-futur mhux dwar il-passat, (3) aħseb dwar l-affarijiet tajbin li għandek f’ħajtek, u (4) agħmel affarijiet għal oħrajn. b Ejja naraw kif xi aħwa bbenefikaw għax għamlu dawn l-affarijiet.

9. Emanuele u Francesca kif kampaw mal-provi li ma kinux qed jistennew?

9 Aċċetta li s-sitwazzjoni tiegħek issa hi differenti. Emanuele u Francesca ġew assenjati biex jaqdu bħala missjunarji f’pajjiż ieħor. Malli bdew jitgħallmu l-lingwa u ssetiljaw fil-kongregazzjoni l-ġdida bdiet il-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk kellhom jinqatgħu għalihom. Imbagħad mietet omm Francesca. Francesca xtaqet ħafna tkun mal-familja tagħha, imma ma setgħetx tivvjaġġa minħabba l-pandemija. X’għenha biex tkampa maʼ dawn il-problemi? L-ewwel, Emanuele u Francesca talbu biex Ġeħova jagħtihom l-għerf u jiħduha ġurnata b’ġurnata. Ġeħova wieġeb it-talb tagħhom eżatt fil-ħin permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Pereżempju, huma kienu inkuraġġiti minn ħu li f’vidjow qal: “Iktar ma naċċettaw iċ-ċirkostanzi ġodda tagħna, iktar se nkunu ferħanin malajr. Imbagħad, inkunu nistgħu nagħmlu l-aħjar tagħna fis-sitwazzjoni differenti.” c It-tieni, huma ppruvaw itejbu l-mod kif jippritkaw permezz tat-telefown, u rnexxielhom jibdew studju tal-Bibbja. U t-tielet, huma ħallew lill-aħwa jgħinuhom u apprezzaw l-imħabba li wrew magħhom. Għal sena sħiħa, oħt bagħtitilhom messaġġ bi skrittura kuljum. Meta naċċettaw iċ-ċirkostanzi ġodda tagħna, aħna wkoll se nkunu ferħanin b’dak li nkunu nistgħu nagħmlu.

10. L-oħt kif addattat għal bidla li kellha f’ħajjitha?

10 Aħseb dwar il-futur u l-affarijiet tajbin li għandek u mhux dwar il-passat. Oħt mir-Rumanija, jisimha Christina u li tgħix il-Ġappun ħassitha ddiżappuntata meta l-kongregazzjoni tal-Ingliż li kienet fiha għalqet. Imma hi ma baqgħetx taħseb dwar dak li ġara. Minflok, marret fil-kongregazzjoni tal-Ġappuniż u għamlet dak li setgħet biex tipprietka bil-Ġappuniż. Christina staqsiet lil mara li kienet taħdem magħha biex tgħallimha titkellem il-Ġappuniż aħjar. Il-mara aċċettat li tuża l-Bibbja u l-browxer Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex tgħin lil Christina titgħallem il-Ġappuniż. B’hekk, Christina bdiet titkellem il-Ġappuniż aħjar. Imma iktar importanti minn hekk, il-mara bdiet turi interess fil-verità. Meta ma noqogħdux naħsbu dwar il-passat u jkollna attitudni tajba, il-bidliet jistgħu jwasslu għal affarijiet li ma nkunux qed nistennew.

11. X’għen lil koppja li kellhom problema taʼ flus?

11 Agħmel affarijiet għal oħrajn. Koppja li kienet tgħix f’post fejn ix-xogħol tagħna ma setax isir, beda jkollha l-problemi meta l-pajjiż falla. Huma kif addattaw? L-ewwel, ippruvaw jissimplifikaw ħajjithom. Imbagħad, minflok ma ffokaw fuq il-problemi tagħhom, huma ddeċidew li jgħinu lil oħrajn billi jqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin fil-ministeru. (Atti 20:35) Ir-raġel jgħid, “Minħabba li qattajna ħafna ħin fil-ministeru, ma kellniex ħin biex naħsbu dwar il-problemi tagħna. Aħna kellna iktar ħin biex nagħmlu dak li jrid Ġeħova.” Meta ċ-ċirkostanzi tagħna jinbidlu, irridu niftakru kemm hu importanti li nkomplu ngħinu lil oħrajn speċjalment billi nippritkaw.

12. L-eżempju tal-appostlu Pawlu kif jistaʼ jgħinna naddattaw fix-xogħol tal-ippritkar?

12 Fil-ministeru, aħna rridu nkunu raġonevoli. In-nies li nippritkawlhom għandhom ideat differenti dwar Alla u ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti. L-appostlu Pawlu dejjem kien lest li jaddatta, u aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu. Ġesù għamel lil Pawlu “appostlu tal-ġnus.” (Rum. 11:13) Għalhekk, Pawlu pprietka lil-Lhud, lill-Griegi, lil nies taʼ skola, lil nies tal-irħula, lil uffiċjali tal-gvernijiet, u lil rejiet. Biex ikun jistaʼ jilħaq il-qalb taʼ dawn in-nies differenti, Pawlu sar “kollox għal nies taʼ kull xorta.” (1 Kor. 9:19-23) Hu ħaseb sew dwar dak li kienu jemmnu n-nies li tkellem magħhom u minn fejn kienu ġejjin. Dan għenu biex jaddatta u biex jitkellem maʼ kull persuna b’mod li jgħinha tersaq lejn Alla. Aħna wkoll nistgħu ntejbu l-mod kif nippritkaw jekk naddattaw u naħsbu fl-aħjar mod kif nistgħu ngħinu lil kull persuna.

IRRISPETTA L-OPINJONI T’OĦRAJN

Meta nkunu raġonevoli, se nirrispettaw l-opinjonijiet t’oħrajn (Ara paragrafu 13)

13. Skont l-1 Korintin 8:9, liema periklu nistgħu nevitaw jekk nirrispettaw l-opinjoni t’oħrajn?

13 Li nkunu raġonevoli jgħinna wkoll biex nirrispettaw l-opinjonijiet t’oħrajn. Pereżempju, xi aħwa nisa jħobbu jagħmlu l-makeup, u oħrajn le. Xi Kristjani jieħdu pjaċir jixorbu xi ftit alkoħol, imma xi Kristjani oħrajn jagħżlu li ma jixorbu xejn. Il-Kristjani kollha jixtiequ jkunu b’saħħithom, imma jagħżlu kura differenti. Jekk naħsbu li aħna dejjem għandna raġun u nipprovaw nikkonvinċu lill-aħwa biex jagħmlu bħalna, nistgħu nfixklu lil oħrajn u nifirdu l-kongregazzjoni. Aħna żgur ma rridux nagħmlu hekk! (Aqra l-1 Korintin 8:9; 10:23, 24) Ejja naraw żewġ eżempji li juru kif meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, dan jgħinna nkunu bilanċjati u nżommu l-paċi.

Meta nkunu raġonevoli, se nirrispettaw l-opinjonijiet t’oħrajn (Ara paragrafu 14)

14. Liema prinċipji għandna nżommu f’moħħna meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet dwar x’se nilbsu u kif se nagħmlu xagħarna?

14 Kif nilbsu u nagħmlu xagħarna. Ġeħova ma jgħidilniex x’għandna nilbsu, imma hu tana prinċipji. Kull wieħed u waħda minna għandu jilbes b’mod li jġib tifħir lil Alla, u juri li aħna raġonevoli, modesti, u “b’moħħ f’loku.” (1 Tim. 2:9, 10; 1 Pt. 3:3) Għalhekk, aħna ma rridux niġbdu l-attenzjoni lejna minħabba l-mod kif nilbsu. Il-prinċipji tal-Bibbja jgħinu wkoll lill-anzjani biex ma jagħmlux regoli dwar kif nilbsu u nagħmlu xagħarna. Pereżempju, anzjani taʼ kongregazzjoni riedu jgħinu xi aħwa żgħażagħ li kienu qed jaqtgħu xagħarhom qasir u jħalluh imgerfex kif kienet il-moda. L-anzjani kif setgħu jgħinuhom mingħajr ma jagħmlu regola? L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet qal lill-anzjani biex jgħidu lil dawn iż-żgħażagħ, “Jekk meta tkun fuq il-platform, l-aħwa jkun moħħhom kif tidher minflok f’li qed tgħid, hemm problema.” Dan il-parir għen biex tissolva l-problema mingħajr ma jkun hemm regola. d

Meta nkunu raġonevoli, se nirrispettaw l-opinjonijiet t’oħrajn (Ara paragrafu 15)

15. Liema liġijiet u prinċipji fil-Bibbja jistgħu jgħinuna meta niġu biex nieħdu deċiżjonijiet dwar il-kura? (Rumani 14:5)

15 Meta niġu biex nagħżlu l-kura. Kull Kristjan għandu jiddeċiedi għalih kif se jieħu ħsieb saħħtu. (Gal. 6:5) Meta jiġu biex jagħżlu trattament mediku, il-Kristjani għandhom jobdu l-liġijiet tal-Bibbja dwar id-demm u l-ispiritiżmu. (Atti 15:20; Gal. 5:19, 20) Imma f’każijiet oħrajn huma jistgħu jagħżlu għalihom xi trattament mediku se jieħdu. Hemm xi nies li jmorru għall-kura għand it-tabib tagħhom, u hemm oħrajn li jagħżlu trattamenti differenti. Xi trattamenti għalina jistgħu jkunu tajbin jew ħżiena, imma rridu niftakru li l-aħwa għandhom dritt jagħżlu x’tip taʼ kura jieħdu. Għalhekk għandna nżommu l-punti li ġejjin f’moħħna: (1) Is-Saltna t’Alla biss se tneħħi l-mard kollu. (Is. 33:24) (2) Kristjan għandu jkun “konvint għalkollox” mid-deċiżjonijiet li jieħu dwar il-kura. (Aqra Rumani 14:5.) (3) Aħna ma niġġudikawx lil oħrajn minħabba d-deċiżjonijiet li jieħdu u ma nagħmlu xejn li jistaʼ jfixkilhom. (Rum. 14:13) (4) Il-Kristjani juru l-imħabba u jifhmu li l-unità fil-kongregazzjoni hi iktar importanti mill-opinjonijiet tagħhom. (Rum. 14:15, 19, 20) Jekk inżommu dawn il-punti f’moħħna, se nżommu ħbiberija tajba maʼ ħutna u se naħdmu biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni.

Meta nkunu raġonevoli, se nirrispettaw l-opinjonijiet t’oħrajn (Ara paragrafu 16)

16. Anzjan kif juri li hu raġonevoli mal-anzjani l-oħrajn? (Ara l-istampi.)

16 L-anzjani għandhom ikunu t’eżempju f’li jkunu raġonevoli. (1 Tim. 3:2, 3) Pereżempju, anzjan m’għandux jistenna li l-opinjonijiet tiegħu se jiġu dejjem aċċettati mill-anzjani l-oħra għax hu ikbar minnhom. Hu għandu jiftakar li l-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jimmotiva lil kull anzjan biex jgħid xi ħaġa li tgħinhom jieħdu deċiżjoni tajba. U jekk il-biċċa l-kbira tal-anzjani jaqblu fuq deċiżjoni li mhix kontra l-prinċipji tal-Bibbja, anzjan raġonevoli se jaqbel mad-deċiżjoni, anke jekk hu jkun jippreferi xi ħaġa oħra.

IL-BARKIET LI JKOLLNA META NKUNU RAĠONEVOLI

17. Meta nkunu raġonevoli kif nibbenefikaw?

17 Meta nkunu raġonevoli nibbenefikaw b’ħafna modi. Se jkollna ħbiberija tajba mal-aħwa u fil-kongregazzjoni se jkun hemm il-paċi. Se nieħdu pjaċir bil-karattri u l-kulturi differenti fost il-poplu taʼ Ġeħova. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li minkejja li aħna kollha differenti minn xulxin, naqdu lil Ġeħova bħala familja waħda. U l-iktar ħaġa importanti hi li aħna ferħanin għax qed nimitaw lil Alla Ġeħova, li hu raġonevoli.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

a Ġeħova u Ġesù huma raġonevoli, u huma jridu li aħna jkollna din il-kwalità wkoll. Jekk inkunu raġonevoli, se jkun iktar faċli għalina biex naddattaw jekk iċ-ċirkostanzi tagħna jinbidlu, bħal pereżempju jekk nimirdu jew ikollna problemi taʼ flus. Se ngħidu u nagħmlu wkoll affarijiet li jgħinuna nżommu l-paċi fil-kongregazzjoni.

b Ara l-artiklu “Kif tittratta mal-bidliet” fi Stenbaħ! Nru. 4 2016.

c Biex tara l-vidjow, mur fuq jw.org u fis-search fittex Intervista maʼ Ħuna Dmitriy Mikhaylov.

d Għal iktar informazzjoni dwar kif nilbsu u nagħmlu xagħarna, ara lezzjoni 52 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!