ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29
Int Lest għaż-Żmien taʼ Tbatija Kbira?
“Uru li intom lesti.”—MT. 24:44.
GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Għala hu tajjeb li tipprepara għal xi diżastru?
META nkunu preparati nistgħu nsalvaw ħajjitna. Pereżempju, meta jiġri xi diżastru, in-nies li jkunu preparati għandhom iktar ċans li jsalvaw u jkunu jistgħu jgħinu lil oħrajn. Organizzazzjoni fl-Ewropa li tipprova tgħin lin-nies tgħid: “In-nies li jkunu preparati jistgħu jsalvaw ħajjithom.”
2. Għala għandna nkunu lesti għaż-żmien taʼ tbatija kbira? (Mattew 24:44)
2 Iż-“żmien taʼ tbatija kbira,” jiġifieri t-tribulazzjoni l-kbira, se jibda f’daqqa. (Mt. 24:21) Imma dan iż-żmien se jkun differenti minn diżastri oħra għax nafu li ġej. Madwar 2,000 sena ilu, Ġesù avża lid-dixxipli tiegħu biex ikunu lesti għal din il-ġurnata. (Aqra Mattew 24:44.) Jekk inkunu preparati, se jkun iktar faċli għalina biex nissaportu dan iż-żmien diffiċli u biex ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-istess.—Lq. 21:36.
3. Li nissaportu, inħossu għal oħrajn, u nuru mħabba, kif se jgħinna nkunu lesti għaż-żmien taʼ tbatija kbira?
3 Irridu naħdmu biex ikollna tliet kwalitajiet li se jgħinuna nkunu lesti għaż-żmien taʼ tbatija kbira. X’se nagħmlu jekk ikollna nippritkaw messaġġ taʼ ġudizzju u dawk li ma jemmnuniex jiħduha kontrina? (Riv. 16:21) Se jkollna bżonn nissaportu biex nobdu lil Ġeħova, u nkunu ċerti li hu se jipproteġina. X’se nagħmlu jekk l-aħwa jitilfu l-affarijiet materjali tagħhom? (Ħab. 3:17, 18) Biex inkunu nistgħu ngħinuhom irridu nuru li nħossu għalihom. X’se nagħmlu jekk minħabba l-attakk minn grupp taʼ nazzjonijiet ikollna ngħixu mal-aħwa għal xi żmien? (Eżek. 38:10-12) Irid ikollna mħabba kbira għalihom biex inkunu nistgħu ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli.
4. Il-Bibbja kif turi li għandna nkomplu nissaportu, nuru li nħossu għal oħrajn, u nuru mħabba?
4 Il-Bibbja tinkuraġġina biex inkomplu naħdmu ħalli jkollna l-paċenzja, l-imħabba, u nuru li nħossu għal oħrajn. Luqa 21:19 jgħid: “Bis-sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” Kolossin 3:12 jgħid: ‘Ilbsu sentimenti taʼ mogħdrija.’ U l-1 Tessalonikin 4:9, 10 jgħid: “Intom mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin. . . . Imma, aħwa, inħeġġukom biex tibqgħu tagħmlu dan iktar bis-sħiħ.” Dawn il-versi kienu miktubin għad-dixxipli li kienu diġà juru dawn il-kwalitajiet. Imma huma kellhom ikomplu jitgħallmu juruhom. Aħna rridu nagħmlu l-istess. Biex jgħinna nagħmlu dan se naraw kif il-Kristjani tal-bidu wrew il-paċenzja, urew li ħassew għal oħrajn, u wrew l-imħabba. Imbagħad se naraw kif nistgħu nimitawhom u kif nuru li aħna lesti għaż-żmien taʼ tbatija kbira.
TGĦALLEM KIF TISSAPORTI IKTAR
5. Il-Kristjani fi żmien l-appostlu Pawlu kif baqgħu jissaportu?
5 Il-Kristjani fi żmien l-appostlu Pawlu kellhom jissaportu. (Ebr. 10:36) Huma kellhom il-problemi bħal nies oħrajn, imma minħabba li kienu Kristjani ffaċċjaw problemi oħra. Ħafna kienu ppersegwitati mhux biss mill-mexxejja reliġjużi Lhud u l-awtoritajiet Rumani, imma anki mill-familji tagħhom. (Mt. 10:21) U kellhom joqogħdu attenti biex ma jħallux it-tagħlim tal-apostati li kienu qed jippruvaw jifirdu l-kongregazzjoni jaffettwahom. (Atti 20:29, 30) Imma huma ssaportew u baqgħu leali. (Riv. 2:3) Kif? Huma ħasbu dwar eżempji mill-Iskrittura taʼ wħud li ssaportew, bħal Ġob. (Ġak. 5:10, 11) Huma talbu biex jibqgħu kuraġġużi. (Atti 4:29-31) U żammew f’moħħhom li jekk jibqgħu jissaportu, Ġeħova kien se jippremjahom.—Atti 5:41.
6. X’titgħallem minn kif Merita ssaportiet l-oppożizzjoni?
6 Meta b’mod regolari nistudjaw u nimmeditaw fuq uħud li ssaportew mill-Bibbja u mill-pubblikazzjonijiet tagħna, aħna wkoll nistgħu nibqgħu nissaportu. Merita, oħt mill-Albanija, hekk għamlet u rnexxielha tissaporti oppożizzjoni kbira mill-familja tagħha. Hi tgħid: “Ir-rakkont taʼ Ġob inkuraġġieni ħafna. Hu bata ħafna, u għalkemm ma kienx jaf min kien qed iġiegħlu jbati, Ġob qal: ‘Jien se nibqaʼ leali lejn Alla sakemm immut!’ (Ġob 27:5) Jien irrealizzajt li l-problemi taʼ Ġob kienu ħafna ikbar minn tiegħi. Ġob ma kienx jaf min kien qed jikkaġunalu l-problemi tiegħu, imma jien naf.”
7. Jekk m’għandniex problemi serji bħalissa, xi rridu nagħmlu?
7 Aħna nistgħu nissaportu iktar billi nitolbu lil Ġeħova spiss u ngħidulu kif inkunu qed inħossuna. (Flp. 4:6; 1 Tess. 5:17) Forsi bħalissa m’għandekx problemi serji. Imma titlob lil Ġeħova meta tħossok imdejjaq, imħawwad, jew ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel? Jekk titlob spiss lil Ġeħova biex jgħinek meta jkollok problemi żgħar issa, se jkun iktar faċli għalik biex tagħmel hekk meta jkollok problemi ikbar fil-futur. Imbagħad int se tkun ċert li Ġeħova jaf eżatt meta u kif se jgħinek.—Salm 27:1, 3.
8. L-eżempju taʼ Mira kif jurina li meta nissaportu l-problemi llum jistaʼ jgħinna biex nissaportu l-problemi fil-futur? (Ġakbu 1:2-4) (Ara l-istampa.)
8 Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova waqt li għaddejjin mill-problemi issa, x’aktarx se nibqgħu nissaportu matul iż-żmien taʼ tbatija kbira li ġej. (Rum. 5:3) Għala nistgħu ngħidu hekk? Ħafna aħwa jgħidu li meta jibqgħu jissaportu problema diffiċli, dan jgħinhom biex jiffaċċjaw il-problema taʼ wara. Meta huma jissaportu l-problema bl-għajnuna taʼ Ġeħova, ikunu iktar ċerti li jrid jgħinhom. U għax għandhom il-fidi f’Ġeħova, huma jkunu jistgħu jissaportu l-problemi li jinqalgħu. (Aqra Ġakbu 1:2-4.) Mira, pijuniera fl-Albanija, irrealizzat li għax baqgħet tissaporti l-problemi fil-passat għenha biex tibqaʼ tissaporti l-problemi li għandha issa. Hi tgħid li xi kultant tħossha li hi biss għandha ħafna problemi. Imma mbagħad taħseb kemm Ġeħova għamel magħha f’dawn l-aħħar 20 sena biex jgħinha, u tgħid lilha nfisha: ‘Ibqaʼ leali. Tiqafx taqdi lil Ġeħova wara li għenek tissaporti ħafna problemi diffiċli.’ Inti wkoll tistaʼ taħseb fuq kemm Ġeħova diġà għenek tissaporti. Kun ċert li Ġeħova jinnota kull darba li int tissaporti problema u li hu se jippremjak. (Mt. 5:10-12) Imbagħad meta jiġi ż-żmien taʼ tbatija kbira, se tkun tgħallimt tissaporti u se tkun determinat li tibqaʼ tissaporti.
ĦOSS GĦALL-AĦWA
9. L-aħwa fil-kongregazzjoni f’Antjokja tas-Sirja kif urew li ħassew għal ħuthom?
9 Aħseb dwar dak li ġara lill-Kristjani meta fil-Lhudija kien hemm ġuħ kbir. Meta l-aħwa fil-kongregazzjoni f’Antjokja tas-Sirja semgħu bil-ġuħ, huma żgur li ħassew għal ħuthom fil-Lhudija. Għalhekk huma għamlu xi ħaġa biex jgħinu lil ħuthom. Huma “ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija.” (Atti 11:27-30) Għalkemm l-aħwa li ġew affettwati mill-ġuħ kienu joqogħdu ’l bogħod, l-aħwa f’Antjokja kienu determinati li jgħinuhom.—1 Ġw. 3:17, 18.
10. B’liema modi nistgħu nuru li nħossu għal ħutna meta jkunu affettwati minn xi diżastru? (Ara l-istampa.)
10 Aħna wkoll nistgħu nuru li nħossu għal ħutna meta nsiru nafu li huma qed ibatu minħabba xi diżastru. Forsi nistaqsu lill-anzjani biex naħdmu fuq xi proġett, nagħtu donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, jew nitolbu għal dawk li ġew affettwati mid-diżastru. b (Prov. 17:17) Pereżempju fl-2020, iktar minn 950 Kumitat għall-Għajnuna fid-Diżastri ġew ifformati biex jgħinu lil dawk li ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19. Aħna napprezzaw ħafna lill-aħwa li jgħinu f’dan ix-xogħol. Minħabba li jħossu għal ħuthom, huma taw affarijiet materjali, għenuhom biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova, u f’xi każijiet irranġaw jew bnew mill-ġdid djar u postijiet fejn jaqdu lil Ġeħova.—Ara l-prinċipju fit-2 Korintin 8:1-4.
11. Kif infaħħru lil Ġeħova meta nħossu għal xulxin?
11 Meta nħossu għall-aħwa u ngħinu wara xi diżastru, in-nies jinnutaw is-sagrifiċċji li nagħmlu. Pereżempju fl-2019, l-Uragan Dorian qered Sala tas-Saltna fil-Bahamas. Meta l-aħwa kienu qed jerġgħu jibnu s-sala, huma staqsew lil kuntrattur li ma kienx Xhud biex jgħidilhom kemm se tkun l-ispiża għax-xogħol li kellhom jagħmlu. Hu qalilhom: “Jien nixtieq insellfilkom . . . l-għodda, nibagħtilkom il-ħaddiema, u nagħtikom il-materjal. . . . Irrid nagħmel dan għall-organizzazzjoni tagħkom. Jien impressjonat b’kemm tħobbu lil xulxin.” Ħafna nies ma jafux lil Ġeħova. Imma ħafna minnhom jinnotaw x’jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova biex jgħinu lill-oħrajn. Meta nħossu għal oħrajn, nistgħu ngħinu lin-nies ikunu jridu jafu dwar Ġeħova, li hu “għani fil-ħniena,” u dan jagħmilna ferħanin.—Efes. 2:4.
12. Meta nitgħallmu nħossu għall-aħwa kif jippreparana għaż-żmien taʼ tbatija kbira? (Rivelazzjoni 13:16, 17)
12 Għala se jkollna bżonn inħossu għal xulxin matul iż-żmien taʼ tbatija kbira? Il-Bibbja turina li dawk li mhux se jappoġġaw il-gvernijiet taʼ din id-dinja se jiffaċċjaw problemi issa u matul dak iż-żmien. (Aqra Rivelazzjoni 13:16, 17.) L-aħwa jaf ikollhom bżonn l-għajnuna biex jirċievu l-affarijiet li jkollhom bżonn biex jgħixu. Meta r-Re Kristu Ġesù jiġi biex jiġġudika lin-nies, aħna rriduh jara li qed inħossu għal oħrajn u jistidinna biex ‘nirtu s-Saltna.’—Mt. 25:34-40.
ĦOBB IKTAR LILL-AĦWA
13. Skont Rumani 15:7, il-Kristjani tal-bidu kif saħħew l-imħabba taʼ bejniethom?
13 Il-Kristjani tal-bidu kienu jintgħarfu mill-imħabba taʼ bejniethom. Imma kien faċli għalihom biex juru l-imħabba? Aħseb kemm kienu differenti l-aħwa fil-kongregazzjoni f’Ruma. Xi wħud kienu Lhud li ġew mgħallmin jobdu l-Liġi taʼ Mosè, imma oħrajn kienu minn pajjiżi oħra u trabbew f’kultura differenti. X’aktarx, xi Kristjani kienu lsiera waqt li oħrajn ma kinux. Jistaʼ jkun li xi wħud anki kellhom l-ilsiera. Dawn il-Kristjani kif baqgħu juru l-imħabba lejn xulxin minkejja d-differenzi taʼ bejniethom? L-appostlu Pawlu inkuraġġiehom biex ‘jilqgħu lil xulxin.’ (Aqra Rumani 15:7.) X’ried ifisser? Il-kelma ‘ilqgħu’ tfisser li tilqaʼ lil xi ħadd bi mħabba, bħal pereżempju fid-dar jew bħala ħabib. Pereżempju, Pawlu qal lil Filemon biex ‘jilqaʼ b’qalb tajba’ lil Oneżimu, ilsir li kien ħarab. (Flm. 17) U Prixilla u Akwila laqgħu lil Apollo li ma kellux għarfien daqshom mill-Iskrittura billi “ħaduh magħhom.” (Atti 18:26) Dawn il-Kristjani mhux biss ma ħallewx id-differenzi taʼ bejniethom jifirduhom, imma laqgħu lil xulxin.
14. Anna u r-raġel tagħha kif urew l-imħabba?
14 Aħna wkoll nistgħu nuru li nħobbu lil ħutna billi nsiru l-ħbieb tagħhom u nqattgħu l-ħin magħhom. Meta nagħmlu hekk, x’aktarx li huma se jħobbuna wkoll. (2 Kor. 6:11-13) Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Anna u r-raġel tagħha. Ftit wara li bdew l-inkarigu tagħhom bħala missjunarji fl-Afrika, bdiet il-pandemija tal-COVID-19. Minħabba f’hekk ma setgħux jiltaqgħu mal-aħwa tal-kongregazzjoni u ma kienx faċli biex isiru jafuhom. Din il-koppja kif urew l-imħabba tagħhom? Huma kkuntattjaw lill-aħwa permezz tal-videoconference, u qalulhom kemm xtaqu li jsiru jafuhom aħjar. L-aħwa apprezzaw l-imħabba li wrew il-missjunarji u spiss bdew iċemplulhom u jibagħtulhom il-messaġġi. Din il-koppja għala provaw isiru jafu lill-aħwa tal-kongregazzjoni? Anna tgħid: “Qatt ma ninsa l-aħwa li wrew l-imħabba miegħi u mal-familja tiegħi, anki fi żminijiet diffiċli. L-eżempju tagħhom immotivani biex nuri l-imħabba.”
15. X’titgħallem mill-eżempju taʼ Vanessa? (Ara l-istampa.)
15 Ħafna minna mmorru f’kongregazzjonijiet li fihom aħwa b’backgrounds u personalitajiet differenti. Aħna nistgħu nħobbuhom iktar billi niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. Oħt jisimha Vanessa, li taqdi fi New Zealand, kienet issibha diffiċli biex tmur tajjeb maʼ xi aħwa fil-kongregazzjoni tagħha. Imma mbagħad iddeċidiet li minflok tevita lil dawn l-aħwa, tqattaʼ iktar ħin magħhom. Dan għenha biex tara dak li jħobb Ġeħova dwarhom. Hi tgħid: “Minn meta r-raġel beda jaqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, bdejna nqattgħu l-ħin maʼ ħafna aħwa b’karattri differenti. B’hekk insibha iżjed faċli biex immur tajjeb magħhom u issa nieħu pjaċir inkun m’aħwa differenti. Ġeħova wkoll jieħu pjaċir b’dan għax hu ġibed lejh nies differenti biex jaqduh.” Meta nitgħallmu naraw lil oħrajn bħalma jarahom Ġeħova, inkunu qed nuru li nħobbuhom.—2 Kor. 8:24.
16. L-imħabba għala se tkun importanti ħafna matul iż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ara l-istampa.)
16 L-imħabba se tkun importanti ħafna matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Meta jibda dak iż-żmien, Ġeħova kif se jipproteġina? Aħseb dwar dak li qal Ġeħova lin-nies tiegħu meta Babilonja kienet attakkata: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” (Is. 26:20) Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira forsi se jkollna nagħmlu l-istess aħna wkoll. Il-“kmamar taʼ ġewwa” jistgħu jfissru l-kongregazzjonijiet tagħna. Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, Ġeħova jwegħedna li hu se jipproteġina jekk inkomplu naqduh maʼ ħutna. Għalhekk, irridu naħdmu iebes minn issa biex ikollna mħabba kbira għal ħutna. Dan jistaʼ jgħinna nsalvaw!
KUN LEST MINN ISSA
17. Jekk inkunu preparati minn issa, x’se jirnexxilna nagħmlu matul iż-żmien taʼ tbatija kbira?
17 “Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova” se jkun żmien diffiċli ħafna għall-bnedmin kollha. (Sof. 1:14, 15) In-nies taʼ Ġeħova wkoll se jbatu. Imma jekk inkunu preparati minn issa, se nkunu nistgħu nibqgħu kalmi u ngħinu lil oħrajn. Se nissaportu l-problemi li niffaċċjaw. Meta l-aħwa jkunu qed ibatu, aħna se nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħinuhom billi nuru li nħossu għalihom u nipprovdulhom dak li jkollhom bżonn. U jekk nitgħallmu nħobbu iktar lil ħutna minn issa, se nuruhom l-imħabba fil-futur. Imbagħad Ġeħova se jippremjana b’ħajja taʼ dejjem f’dinja fejn id-diżastri u l-problemi kollha se jintesew.—Is. 65:17.
GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!
a Iż-żmien taʼ tbatija kbira, jiġifieri t-tribulazzjoni l-kbira, dalwaqt se jibda. Biex inkunu lesti għall-iktar żmien diffiċli li qatt għaddew minnu n-nies għandna bżonn nissaportu, nuru li nħossu għal oħrajn, u nuru mħabba. Ara kif il-Kristjani tal-bidu tgħallmu juru dawn il-kwalitajiet, kif aħna nistgħu nuruhom illum, u kif dawn il-kwalitajiet jistgħu jippreparawna għaż-żmien taʼ tbatija kbira.
b Dawk li jixtiequ jgħinu meta jkun hemm xi diżastru, l-ewwel għandhom jimlew il-formola Local Design/Construction Volunteer Application (DC-50) jew Application for Volunteer Program (A-19). Imbagħad jistennew sakemm jiġu mistidnin biex imorru jgħinu.