Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 31

Kun Determinat li ‘Tibqaʼ Sod’

Kun Determinat li ‘Tibqaʼ Sod’

“Maħbubin ħuti, ibqgħu sodi, titħarrkux.”—1 KOR. 15:58.

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Kristjan kif jistaʼ jkun bħal blokka bini għolja? (1 Korintin 15:58)

 FL-1978 inbniet blokka bini għolja ħafna f’Tokjo, il-Ġappun. Minħabba li f’din il-belt kienu jagħmlu ħafna terremoti, in-nies bdew jaħsbu li malajr se taqaʼ. Id-disinjaturi x’għamlu biex meta jkun hemm terremot din il-blokka bini ma taqax? L-inġiniera bnew din il-blokka bini b’tali mod li waqt terremot tkun tistaʼ tiċċaqlaq naqra mingħajr ma taqaʼ. Il-Kristjani huma bħal din il-blokka bini. B’liema mod?

2 Kristjan għandu jżomm il-bilanċ f’li jkun sod u raġunevoli. Hu għandu jkun sod u determinat biex dejjem jobdi l-liġijiet u l-livelli taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Għandu jkun “lest li jobdi” u ma jċedix. Mill-banda l-oħra, meta jkun possibbli jew ikun hemm bżonn, hu għandu jkun “raġunevoli.” (Ġak. 3:17) Meta jagħmel hekk, mhux se jkun strett iżżejjed jew iħalli kollox għaddej. F’dan l-artiklu se nikkunsidraw kif nistgħu nibqgħu sodi. Se naraw ukoll ħames affarijiet li juża Satana biex jagħmilhielna diffiċli nibqgħu nobdu lil Ġeħova u se nitgħallmu kif noqogħdu attenti għan-nasses tiegħu.

KIF NISTGĦU NKUNU SODI

3. Ġeħova liema liġijiet tana f’​Atti 15:28, 29?

3 Ġeħova hu l-wieħed li għandu d-dritt li jagħmel il-liġijiet, u hu dejjem jagħmilhom faċli biex il-poplu tiegħu jifhimhom. (Is. 33:22) Pereżempju, il-ġemgħa li tiggverna fi żmien il-Kristjani tal-bidu semmiet tliet modi kif il-Kristjani għandhom jibqgħu sodi billi: (1) iqimu lil Ġeħova biss, (2) jobdu l-liġi taʼ Ġeħova dwar id-demm, u (3) jobdu l-kmandamenti tal-Bibbja dwar l-immoralità sesswali. (Aqra Atti 15:28, 29.) Il-Kristjani llum kif għandhom jibqgħu sodi f’dawn it-tliet affarijiet?

4. Aħna kif nuru li nagħtu qima biss lil Ġeħova? (Rivelazzjoni 4:11)

4 Aħna nqimu lil Ġeħova biss. Ġeħova kkmanda lill-Iżraelin biex ma jkollhomx allat oħrajn ħliefu. (Dt. 5:6-10) U meta ġie ttantat mix-Xitan, Ġesù qallu li rridu nagħtu qima biss lil Ġeħova. (Mt. 4:8-10) Għalhekk, aħna ma nqimux statwi u ma nagħmlux nies idoli tagħna. Pereżempju aħna ma nqisux xi mexxej reliġjuż, politikant, jew xi ħadd famuż bħallikieku hu xi alla. Aħna nagħtu qima biss lil Ġeħova, il-wieħed li ‘ħalaq kollox.’—Aqra Rivelazzjoni 4:11.

5. Aħna għala nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova dwar il-ħajja u d-demm?

5 Aħna nobdu l-liġijiet taʼ Ġeħova dwar il-ħajja u d-demm. Għala? Għax Ġeħova jgħid li d-demm jirrappreżenta l-ħajja, li hi rigal prezzjuż mingħandu. (Lev. 17:14) Meta Ġeħova ħalla lill-bnedmin jieklu l-laħam, hu qalilhom biex ma jiklux id-demm. (Ġen. 9:4) Hu ta dan il-kmand ukoll lill-Iżraelin fil-Liġi taʼ Mosè. (Lev. 17:10) Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, permezz tal-ġemgħa li tiggverna, Ġeħova reġaʼ ta dan il-kmand: ‘Ibqgħu tbiegħdu mid-demm.’ (Atti 15:28, 29) Meta niġu biex niddeċiedu liema kura se nieħdu, aħna nibqgħu sodi u nobdu dan il-kmand. b

6. Aħna x’nagħmlu biex inkunu nistgħu nobdu l-livelli għoljin taʼ Ġeħova?

6 Aħna determinati li nżommu mal-livelli għoljin taʼ Ġeħova. (Ebr. 13:4) L-appostlu Pawlu jgħidilna biex ‘immewtu l-membri taʼ ġisimna.’ Dan ifisser li nagħmlu minn kollox biex inneħħu kull xewqa ħażina li jkollna. Aħna ma narawx affarijiet jew nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ twassalna għall-immoralità sesswali. (Kol. 3:5; Ġob 31:1) Meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, aħna nieħdu azzjoni mill-ewwel biex ma nagħmlux xi ħaġa li tħassar il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.

7. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u għala?

7 Ġeħova jistenna li ‘nobduh minn qalbna.’ (Rum. 6:17) Dak kollu li jgħidilna dejjem hu għall-ġid tagħna, u ma nistgħux inbiddlu l-liġijiet tiegħu. (Is. 48:17, 18; 1 Kor. 6:9, 10) Aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nogħġbu lil Ġeħova u nuru l-istess attitudni bħas-salmista li qal: “Jien determinat li nobdi r-regoli tiegħek il-ħin kollu, sakemm immut.” (Salm 119:112) Imma Satana se jagħmilhielna diffiċli biex nibqgħu sodi. X’metodi juża?

SATANA KIF JAGĦMILHIELNA DIFFIĊLI BIEX NIBQGĦU SODI?

8. Satana x’juża biex iġegħelna ma nibqgħux sodi?

8 Il-persekuzzjoni. Ix-Xitan juża l-vjolenza u l-pressjoni minn oħrajn biex iġegħelna naqtgħu qalbna. Hu jrid iħassrilna l-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. (1 Pt. 5:8) Lill-Kristjani tal-bidu, in-nies heddewhom, sawtuhom, u qatluhom peress li kienu determinati li jibqgħu sodi. (Atti 5:27, 28, 40; 7:54-60) Illum Satana għadu juża l-persekuzzjoni. Dan nistgħu narawh mill-mod ħażin kif qed jiġu ttrattati l-aħwa fir-Russja u pajjiżi oħra. U b’xi mod jew ieħor, l-aħwa mad-dinja kollha qed jiġu ppersegwitati.

9. Satana liema nassa oħra juża?

9 Il-pressjoni minn oħrajn. Minbarra l-persekuzzjoni, Satana juża nases oħra. (Efes. 6:11) Ara l-eżempju taʼ ħu jismu Bob, li kien l-isptar biex jagħmel operazzjoni serja. Hu qal lit-tobba li qatt ma kien se jieħu d-demm. It-tabib li kien se joperah irrispetta d-deċiżjoni tiegħu. Imma ġurnata qabel l-operazzjoni, wara li tal-familja kienu telqu minn ħdejn Bob, tabib ieħor mar jarah. Hu qallu li x’aktarx it-tobba mhux se jużaw id-demm imma se jkollhom ftit merfugħ għal li jistaʼ jinqalaʼ. Forsi t-tabib ħaseb li mingħajr il-familja tiegħu, Bob kien se jbiddel fehmtu. Imma Bob baqaʼ sod u qallu li jiġri x’jiġri ma jridx li jtuh demm.

10. Il-mod kif jaħsbuha n-nies għala hu perikoluż? (1 Korintin 3:19, 20)

10 Il-mod kif jaħsbuha n-nies. Jekk naħsbuha bħan-nies li jinjoraw il-liġijiet taʼ Ġeħova, nistgħu nibdew nagħmlu bħalhom. (Aqra l-1 Korintin 3:19, 20.) “L-għerf taʼ din id-dinja” ħafna drabi jistaʼ jinfluwenza lin-nies biex ma jobdux lil Alla. Xi Kristjani f’Pergamu u Tjatira ġew influwenzati minn nies li kienu immorali u jqimu allat oħra. Ġesù ta parir sod lil dawn iż-żewġ kongregazzjonijiet għax bdew jaċċettaw l-immoralità sesswali. (Riv. 2:14, 20) Illum, in-nies ukoll jipprovaw jinfluwenzawna biex naċċettaw ideat li ma jogħġbux lil Ġeħova. Tal-familja u nies li jafuna jistgħu jgħidulna li aħna stretti żżejjed u jipprovaw jikkonvinċuna niksru l-liġijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, huma jistgħu jgħidulna li mhux ħażin li nagħmlu dak li nixtiequ u li l-livelli tal-Bibbja m’għadhomx jgħoddu għalina.

11. Xi rridu nevitaw?

11 Kultant nistgħu naħsbu li d-direzzjoni li jtina Ġeħova mhix ċara biż-żejjed. Forsi niġu mħajrin inżidu maʼ dak li hemm miktub fil-Bibbja. (1 Kor. 4:6) Il-mexxejja reliġjużi fi żmien Ġesù għamlu dan id-dnub. Huma żiedu liġijiet li jogħġbu lilhom mal-Liġi taʼ Mosè u allura għamluha diffiċli għan-nies biex jobdu. (Mt. 23:4) Ġeħova jtina direzzjonijiet ċari permezz tal-Bibbja u l-organizzazzjoni tiegħu. M’għandniex għalfejn inżidu maʼ dak li jgħidilna. (Prov. 3:5-7) Allura ma nżidu xejn maʼ dak li hemm miktub fil-Bibbja u ma nagħmlux regoli għall-aħwa dwar affarijiet personali.

12. Satana kif juża l-“qerq fieragħ”?

12 Ideat li jqarrqu bin-nies. Satana juża l-“qerq fieragħ” u “l-affarijiet elementari tad-dinja” biex iqarraq u jifred lin-nies. (Kol. 2:8) Fi żmien il-Kristjani tal-bidu, dawn kienu jinkludu ideat tan-nies, tagħlim tal-Lhud li ma kienx mill-Iskrittura, u t-tagħlim li l-Kristjani kellhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè biss. Dawn l-ideat kienu jaljenaw lin-nies biex ma jarawx l-għerf veru li ġej mingħand Ġeħova. Illum, Satana juża affarijiet bħat-televixin, ir-radju, u s-social media biex ixerred aħbarijiet li mhumiex veri li jaqblu magħhom mexxejja politiċi. Jużahom ukoll biex ixerred conspiracy theories, jiġifieri ideat li xi organizzazzjonijiet b’saħħithom u ħżiena jippjanaw bil-moħbi biex jagħmlu xi affarijiet koroh u tal-biżaʼ. Waqt il-pandemija tal-COVID-19 kien hemm ħafna rapporti foloz. c Ix-Xhieda taʼ Ġeħova li taw kas il-pariri tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova evitaw l-anzjetà li kellhom oħrajn li semgħu minn informazzjoni ħażina.—Mt. 24:45.

13. Għala hu importanti li ma nħallux affarijiet jaljenawna?

13 Affarijiet li jistgħu jaljenawna. Aħna rridu nibqgħu ffokati fuq “dak li hu iktar importanti.” (Flp. 1:9, 10) Meta ma nibqgħux iffokati, naħlu ħafna ħin u enerġija li nistgħu nużaw fuq affarijiet importanti. Affarijiet normali bħall-ikel, ix-xorb, id-divertiment, u x-xogħol jistgħu jtellfuna jekk isiru l-iktar affarijiet importanti f’ħajjitna. (Lq. 21:34, 35) Barra minn hekk, kuljum nisimgħu u naqraw dwar protesti u diskussjonijiet politiċi. Aħna m’għandniex niffokaw fuq dawn l-affarijiet, inkella nispiċċaw inżommu maʼ naħa jew oħra. Satana juża dawn l-affarijiet kollha biex iġegħelna ma nibqgħux determinati li nagħmlu t-tajjeb. Ejja naraw x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu sodi.

KIF NISTGĦU NIBQGĦU SODI?

Biex tibqaʼ sod, aħseb dwar id-dedikazzjoni u l-magħmudija tiegħek, studja u mmedita fuq il-Bibbja, ibqaʼ leali, u afda f’Ġeħova (Ara paragrafi 14-18)

14. Liema ħaġa tistaʼ tgħinna nibqgħu nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova?

14 Aħseb dwar għala ddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u tgħammidt. Int għamilt hekk għax tixtieq togħġob lil Ġeħova. Ftakar x’għenek issir konvint li sibt il-verità. Sirt taf lil Ġeħova u bdejt tirrispettah u tħobbu bħala Missier. Int saħħaħt il-fidi tiegħek u beda jiddispjaċik għal dak li għamilt. Int ma bqajtx tagħmel affarijiet li jobgħod u bdejt tagħmel affarijiet li jogħġbuh. Issa int ferħan għax taf li Alla ħafirlek. (Salm 32:1, 2) Bdejt tmur il-laqgħat u titkellem m’oħrajn dwar l-affarijiet sbieħ li tgħallimt. Bħala Kristjan mgħammed, int qed timxi fit-triq li twassal għall-ħajja u se tagħmel l-aħjar li tistaʼ biex tibqaʼ fiha.—Mt. 7:13, 14.

15. Għala hu importanti li nistudjaw u nimmeditaw?

15 Studja l-Bibbja u mmedita fuqha. Siġra tistaʼ tibqaʼ soda jekk ikollha l-għeruq fil-fond. Allura, jekk ikollna fidi soda f’Ġeħova se jirnexxilna nibqgħu sodi. Meta siġra tibda tikber, l-għeruq tagħha jinżlu iżjed fil-fond. Bl-istess mod, meta nistudjaw u nimmeditaw, aħna nsaħħu l-fidi u nsiru iktar konvinti li l-pariri taʼ Ġeħova huma l-aħjar. (Kol. 2:6, 7) Aħseb kif id-direzzjoni, il-pariri, u l-protezzjoni taʼ Ġeħova għenu lill-qaddejja tiegħu fil-passat. Pereżempju, Eżekjel qagħad attent ħafna meta fil-viżjoni ra anġlu li kien qed ikejjel it-tempju. Din il-viżjoni saħħet lil Eżekjel, u lilna tgħallimna kif nobdu l-livelli taʼ Ġeħova biex naqduh kif irid hu. d (Eżek. 40:1-4; 43:10-12) Aħna se nibbenefikaw ukoll meta nieħdu l-ħin biex nistudjaw affarijiet diffiċli mill-Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqhom.

16. Għax kien leali lejn Ġeħova, Bob x’għamel? (Salm 112:7)

16 Ibqaʼ leali. Ir-Re David qal li dejjem se jħobb lil Ġeħova meta kanta: “Qalbi hi leali lejk, Alla tiegħi.” (Salm 57:7) Aħna wkoll nistgħu nkunu leali u nafdaw kompletament f’Ġeħova. (Aqra Salm 112:7.) Aħseb dwar kif dan għen lil Bob li semmejna qabel. Meta qalulu li se jkollhom id-demm għal dak li jistaʼ jinqalaʼ, hu mill-ewwel wieġeb li jekk kienu se jagħtuh id-demm, kien se jitlaq mill-isptar. Iktar tard, Bob qal: “Jien kont ċert x’kelli nagħmel u ma inkwetajtx x’jistaʼ jinqalaʼ.”

Jekk ikollna fidi soda nistgħu nibqgħu leali f’kull sfida li niffaċċjaw (Ara paragrafu 17)

17. X’nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Bob? (Ara l-istampa.)

17 Bob baqaʼ leali għax kien diġà ddeċieda li jibqaʼ sod ħafna qabel daħal l-isptar. L-ewwel, hu xtaq li jagħmel lil Ġeħova ferħan. It-tieni, hu studja sew x’jgħidu l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna dwar il-ħajja u d-demm. U t-tielet, hu kien ċert li Ġeħova kien se jippremjah jekk jobdi. Aħna wkoll nistgħu nibqgħu leali f’kull prova li niffaċċjaw.

Barak u s-suldati tiegħu b’kuraġġ sejrin jiġġieldu kontra l-armata taʼ Sisera (paragrafu 18)

18. L-eżempju taʼ Barak kif jgħallimna nafdaw f’Ġeħova? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

18 Afda f’Ġeħova. Ara kif Barak irnexxa minħabba li kien jafda f’Ġeħova. Dak iż-żmien l-Iżraelin ma kellhomx armi biex jiġġieldu. Imma Ġeħova qal lil Barak biex imur jiġġieled kontra Sisera u l-armata tiegħu, li kellhom ħafna armi. (Mħ. 5:8) Il-profetessa Debora qalet lil Barak biex jinżel mill-muntanja fuq art ċatta biex jiġġieled kontra Sisera u 900 karru. Fuq art ċatta kien se jkun iktar diffiċli għall-Iżraelin biex jiġġieldu kontra s-suldati bil-karrijiet, imma Barak xorta obda. Meta s-suldati niżlu mill-Muntanja Tabor, Ġeħova ġiegħel li tinżel ħafna xita. Il-karrijiet taʼ Sisera bdew jeħlu fit-tajn u bis-saħħa taʼ Ġeħova, Barak rebaħ. (Mħ. 4:1-7, 10, 13-16) Bis-saħħa taʼ Ġeħova aħna wkoll nistgħu nirnexxu jekk nafdaw fih u fid-direzzjoni li jtina permezz tal-organizzazzjoni tiegħu.—Dt. 31:6.

KUN DETERMINAT LI TIBQAʼ SOD

19. Għala trid tibqaʼ sod?

19 Waqt li qed ngħixu fl-aħħar żminijiet irridu nibqgħu niġġieldu biex nibqgħu sodi. (1 Tim. 6:11, 12; 2 Pt. 3:17) Jalla nkunu determinati li nibqgħu sodi minkejja l-persekuzzjoni, il-pressjoni minn oħrajn, il-mod kif jaħsbuha n-nies, ideat li jqarrqu bin-nies, u affarijiet li jistgħu jtellfuna. (Efes. 4:14) U ejja nibqgħu sodi u dejjem inħobbu lil Ġeħova billi nobduh. Barra minn hekk, irridu nkunu raġunevoli. Fl-artiklu li jmiss se naraw kif Ġeħova u Ġesù huma l-aqwa eżempji taʼ kif inkunu raġunevoli.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

a Satana ilu jġiegħel lin-nies jiddeċiedu huma x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin minn żmien Adam u Eva. Hu jrid li jkollna din l-attitudni dwar il-liġijiet taʼ Ġeħova u kull direzzjoni li nirċievu mill-organizzazzjoni tiegħu. Dan l-artiklu se jgħinna ma ninjorawx il-liġijiet taʼ Ġeħova bħalma jagħmlu dawk li jiġu influwenzati minn Satana. Se jgħinna wkoll inkunu determinati li nobdu dejjem lil Ġeħova.

b Għal iktar informazzjoni dwar kif Kristjan jistaʼ jobdi l-liġi t’Alla dwar id-demm, ara lezzjoni 39 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

c Ara l-artiklu “Oqgħod Attent minn Informazzjoni Ħażina” fuq jw.org.

d Biex tkun taf iktar, ara t-taħdita “Il-Viżjoni tat-Tempju taʼ Eżekjel—Xi Tfisser Għalik?” fil-Laqgħa Annwali 2017—Taħditiet u l-iskrittura għas-sena 2018, u kapitli 13 u 14 tal-ktieb Pure Worship of Jehovah—Restored At Last!