Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Meta Nuru Interess f’Oħrajn Ikollna Ħafna Barkiet

Meta Nuru Interess f’Oħrajn Ikollna Ħafna Barkiet

M’ommi u oħti, Pat, fl-1948

“IL-KNISJA Anglikana ma tgħallimx il-verità. Ibqaʼ fittex għaliha.” Wara li n-nanna tiegħi li kienet tagħmel parti minn din ir-reliġjon qalet dan, ommi bdiet tfittex għar-reliġjon vera. Imma hi ma riditx titkellem max-Xhieda taʼ Ġeħova u meta kienu jiġu jħabbtulna d-dar f’Toronto, il-Kanada, kienet tgħidli biex immur nistaħba. Imma meta z-zija bdiet tistudja max-Xhieda fl-1950, ommi bdiet tistudja wkoll. Huma kienu jistudjaw id-dar taz-zija u wara ftit tgħammdu.

Missieri kien anzjan fil-United Church of Canada. Għalhekk il-Ħadd filgħodu kien jibgħat lili u lil oħti l-iskola tal-Knisja li kellhom għat-tfal. Imbagħad fil-ħdax taʼ filgħodu kont immur miegħu l-quddies. Waranofsinhar konna mmorru s-Sala tas-Saltna m’ommi. Kien faċli għalina biex naraw id-differenza bejn iż-żewġ reliġjonijiet.

Mal-familja Hutcheson fl-Assemblea Internazzjonali Divine Will fl-1958

Ommi tkellmet dwar dak li kienet titgħallem mill-Bibbja mal-ħbieb tagħha Bob u Marion Hutcheson, u huma wkoll saru Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-1958, Bob u Marion, flimkien mat-tlett itfal tagħhom ħaduni New York għall-Assemblea Internazzjonali taʼ tmint ijiem li kien jisimha Divine Will. Issa nirrealizza li ma kienx faċli għalihom biex jiħduni magħhom, imma dik l-assemblea kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi f’ħajti.

L-AĦWA GĦENUNI NAGĦMEL IKTAR GĦAL ĠEĦOVA

Meta kont teenager, konna ngħixu ġo razzett u jien kont nieħu pjaċir nieħu ħsieb l-annimali li kellna. Kont nixtieq nistudja biex insir tabib tal-annimali. Ommi tkellmet dwar dan m’anzjan fil-kongregazzjoni. Hu fakkarni li qegħdin ngħixu “fl-aħħar jiem” u staqsieni kif kien se jaffettwa l-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova jekk immur l-università għal xi snin. (2 Tim. 3:1) Għalhekk iddeċidejt li ma mmurx l-università.

Meta spiċċajt l-iskola, xorta kont għadni ma nafx x’se nagħmel. Għalkemm kont noħroġ service kull weekend, ma kontx nieħu pjaċir u ma kontx nimmaġinani nkun pijunier. Fl-istess ħin missieri u z-ziju, li ma kinux Xhieda, bdew jgħiduli biex nibda naħdem full-time maʼ kumpanija kbira f’Toronto. Iz-ziju kien imlaħħaq u għalhekk aċċettajt li mmur naħdem hemm.

F’Toronto qattajt ħafna ħin naħdem overtime u nagħmilha man-nies tad-dinja. Dan żammni milli nattendi l-laqgħat u noħroġ service b’mod regulari. Kont noqgħod man-nannu li ma kienx Xhud. Imma meta miet kelli bżonn insib post ieħor fejn noqgħod.

Bob u Marion, li kienu ħaduni magħhom il-konvenzjoni fl-1958, kienu qishom ġenituri għalija. Huma stidnuni biex noqgħod magħhom u għenuni nikber spiritwalment. Fl-1960, jien u t-tifel tagħhom John tgħammidna. John beda jaqdi bħala pijunier u għenni biex inżid fis-service. L-aħwa fil-kongregazzjoni nnotaw li kont qed nimmatura, għalhekk ġejt inkarigat biex nieħu ħsieb l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. a

IŻŻEWWIĠT U BDEJT NAQDI BĦALA PIJUNIER

Fil-ġurnata tat-tieġ tagħna fl-1966

Fl-1966, iżżewwiġt lil Randi Berge, pijuniera li kienet tħobb is-service u tixtieq taqdi fejn hemm iktar bżonn. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet ħa interess persunali fina u inkuraġġiena biex ngħinu fil-kongregazzjoni f’Orillia, Ontario. Allura ppakkjajna u tlaqna.

Xħin wasalna Orillia, bdejt naqdi bħala pijunier regulari maʼ Randi. Kont ferħan daqsha. Meta bdejt naħdem iebes biex inkun pijunier aħjar, bdejt nieħu pjaċir nuża l-Bibbja u nara n-nies jifhmuha. Xi privileġġ kien għalija li nara koppja minn Orillia jbiddlu ħajjithom u jibdew jaqdu lil Ġeħova.

NITGĦALLMU LINGWA ĠDIDA U NBIDDLU L-MOD KIF NAĦSBUHA

Xħin konna Toronto, iltqajna maʼ Arnold MacNamara li kien ħu responsabbli f’Betel. Hu saqsiena jekk nixtiqux insiru pijunieri speċjali. Jien mill-ewwel għedtlu: “Iva, mela! Imbasta mhux fi Quebec!” Jien ġejt influwenzat minn dawk in-nies li kienu jitkellmu bl-Ingliż u li kienu kontra dawk li jitkellmu bil-Franċiż fi Quebec. Dak iż-żmien in-nies kienu qegħdin jipprotestaw kontra l-gvern u riedu li Quebec ma tkunx parti mill-Kanada.

Arnold qal li Quebec hu l-uniku post fejn il-fergħa qed tibgħat pijunieri speċjali. Jien mill-ewwel iddeċidejt li mmur. Kont naf li Randi xtaqet taqdi hemmhekk. Wara rrealizzajt li din kienet waħda mill-aqwa deċiżjonijiet taʼ ħajjitna!

Wara li morna skola tal-Franċiż għal ħames ġimgħat, jien, Randi, u koppja oħra morna Rimouski, xi 540 kilometru ’l bogħod minn Montreal. Indunajt li kien baqgħalna ħafna x’nitgħallmu meta kelli naqra xi avviżi fil-laqgħa. Jien għedt li fil-konvenzjoni li jmiss ħa jkollna ħafna “delegati ostrich” minflok “delegati mill-Awstrija.”

Il-“White House” f’Rimouski

F’Rimouski ġew ukoll erbaʼ aħwa nisa single u Ħuna u Oħtna Huberdeaus u ż-żewġt itfal tagħhom. Ħuna u Oħtna Huberdeaus krew dar kbira u l-pijunieri marru jgħixu magħhom u għenuhom fil-kera. Konna ngħidulha l-White House għax kellha l-faċċata u l-kolonni bojod. Normalment konna nkunu bejn 12 u 14-il persuna ngħixu hemm. Bħala pijunieri speċjali, jien u Randi konna nippritkaw filgħodu, waranofsinhar, u filgħaxija. Aħna konna napprezzaw li dejjem kien ikun hemm xi ħadd biex joħroġ magħna service, anki meta kienet tkun il-kesħa.

Tant sirna close maʼ dawn il-pijunieri li saru qishom il-familja tagħna. Xi kultant konna nqabbdu ftit nar u noqogħdu mdawrin miegħu jew niltaqgħu u noqogħdu nsajru flimkien. Wieħed mill-aħwa kien idoqq, allura s-Sibt filgħaxija konna noqogħdu nkantaw u niżfnu.

Ħafna minn Rimouski xtaqu jsiru jafu iktar dwar il-Bibbja! Għal ħames snin ħadna pjaċir naraw ħafna studenti tal-Bibbja jagħmlu progress u jitgħammdu. Maż-żmien il-kongregazzjoni kibret għal 35 pubblikatur.

Fi Quebec irċivejna trejning tajjeb kif nippritkaw. Aħna rajna kif Ġeħova għenna fil-ministeru u tana dak li kellna bżonn. Barra minn hekk, aħna bdejna nħobbu lil dawn in-nies li kienu jitkellmu bil-Franċiż, il-lingwa, u l-kultura tagħhom. Dan għenna biex insiru nħobbu kulturi oħrajn.—2 Kor. 6:13.

Mingħajr ma konna qed nistennew, mill-fergħa staqsewna biex immorru Tracadie, fi New Brunswick. Din kienet sfida għalina għax konna għamilna kuntratt biex nikru appartament u kont qed naħdem fi skola part-time. Barra minn hekk, xi studenti tal-Bibbja kienu għadhom kif isiru pubblikaturi u konna qegħdin nibnu Sala tas-Saltna.

Matul il-weekend tgħidx kemm tlabna u morna nżuru Tracadie, u l-post kien differenti ħafna minn Rimouski. Imma la Ġeħova riedna mmorru hemm, aħna ddeċidejna li mmorru. Aħna fdajna kompletament f’Ġeħova u rajna kif hu neħħielna kull ostaklu li kellna. (Mal. 3:10) Minħabba li Randi ma kinitx egoista, ma kinitx tieħu l-affarijiet bi kbar, u kellha ħbiberija soda maʼ Ġeħova, kien iktar faċli għalina biex immorru.

L-uniku anzjan li kien fil-kongregazzjoni kien Robert Ross. Hu u l-mara tiegħu, Linda, kienu pijunieri u ddeċidew li jibqgħu jgħixu hemm wara li kellhom l-ewwel tarbija. Minkejja li kellhom tifel, huma inkuraġġewna ħafna għax kienu ospitabbli u żelużi fix-xogħol tal-ippritkar.

AĦNA NIEĦDU PJAĊIR NAQDU FEJN IKUN HEMM BŻONN

L-ewwel circuit tagħna fix-xitwa

Wara li għamilna sentejn fi Tracadie bħala pijunieri, kellna sorpriża oħra. Qaluli biex nagħmel ix-xogħol tas-circuit. Għal 7 snin żorna l-kongregazzjonijiet bl-Ingliż u wara ġejna inkarigati biex inżuru l-kongregazzjonijiet bil-Franċiż fi Quebec. L-indokratur tad-distrett fi Quebec, Léonce Crépeault, kien ifaħħarni għat-taħditiet li kont nagħti. Imma wara dejjem kien jistaqsini, “Kif jistgħu jgħinu iktar lill-aħwa?” b Dan għenni biex ngħallem b’mod iktar speċifiku u li jkun faċli biex jinftiehem mill-aħwa.

Inkarigu li ma ninsa qatt hu dak li kelli fl-1978 fil-konvenzjoni internazzjonali li kien jisimha “Victorious Faith” f’Montreal. Jien ħdimt fid-dipartiment tal-ikel. Konna qed nistennew li se jkun hemm 80,000 persuna, u kellna nipprovdulhom ikel b’mod differenti mis-soltu. Kollox kien ġdid: L-affarijiet tal-kċina, il-menù, u l-metodu kif nippreparaw l-ikel. Kellna madwar 20 freezer kbira imma xi kultant ma kinux jaħdmu. Qabel ma bdiet l-ewwel ġurnata ma stajniex nidħlu fl-istejdjum biex nibdew nippreparaw. Stajna nidħlu f’nofsillejl minħabba logħba li kien hemm il-ġurnata taʼ qabel. U filgħodu kmieni kellna nixegħlu l-fran biex nibdew il-breakfast. Konna negħjew, imma tgħallimt ħafna mix-xogħol iebes li kienu jagħmlu l-aħwa li ħadmu miegħi u mill-kwalitajiet tajbin tagħhom. Għadna ħbieb sal-lum il-ġurnata. Xi privileġġ kellna li stajna ngawdu din l-esperjenza fil-konvenzjoni fi Quebec, il-post fejn kien hemm il-persekuzzjoni matul l-1940 u l-1960.

Jien u Randi ngħinu qabel il-konvenzjoni f’Montreal fl-1985

Jien tgħallimt ħafna mill-indokraturi li kienu jieħdu ħsieb dawn il-konvenzjonijiet kbar f’Montreal. David Splane, li issa hu wieħed mill-Ġemgħa li Tiggverna, qeda bħala indokratur tal-konvenzjoni għal sena. Iktar tard qaluli biex nieħu ħsieb dan l-inkarigu, u David għenni ħafna.

Fl-2011, wara li għamilna 36 sena fix-xogħol tal-ivvjaġġar, stidnuni biex inkun għalliem fl-Iskola għall-Anzjani tal-Kongregazzjoni. F’sentejn, jien u Randi rqadna f’75 sodda differenti, imma s-sagrifiċċju li għamilna kien worth it. Meta kienet tispiċċa kull skola, l-anzjani kienu japprezzaw ħafna għax raw li l-Ġemgħa li Tiggverna kien jimpurtaha mill-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova.

Iżjed tard, bdejt ngħallem fl-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Ħafna drabi l-istudenti kienu jħossuhom għajjenin u stressjati minħabba l-iskeda mimlija. Huma kienu jagħmlu sebaʼ sigħat kuljum bilqiegħda fil-klassi. Wara kienu jagħmlu tliet sigħat jistudjaw, u kull ġimgħa kien ikollhom erbaʼ jew ħames assignments. Jien u għalliem ieħor spjegajnielhom li huma setaʼ jirnexxilhom biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Qatt mhu se ninsa kif kienu jibqgħu meta kienu jaraw li għax straħu fuq Ġeħova rnexxielhom jagħmlu ħafna iktar milli ħasbu.

META NURU INTERESS F’OĦRAJN IKOLLNA ĦAFNA BARKIET

L-interess persunali li wriet ommi f’oħrajn għen l-istudenti tal-Bibbja biex jagħmlu progress u għen lil missieri jbiddel il-mod kif kien jaħseb dwar il-verità. Tlett ijiem wara li mietet ommi, b’sorpriża hu ġie biex jismaʼ t-taħdita pubblika u baqaʼ jiġi l-laqgħat għal 26 sena. Minkejja li qatt ma tgħammed, l-anzjani qaluli li kull ġimgħa hu kien jasal l-ewwel wieħed għal-laqgħa.

Ommi kienet eżempju tajjeb ħafna għalija u għal ħuti. It-tlieta li huma jaqdu lil Ġeħova mal-irġiel tagħhom. Waħda taqdi fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Portugall u oħra f’tal-Haiti.

Jien u Randi issa naqdu bħala pijunieri speċjali f’Hamilton, Ontario. Meta konna fix-xogħol tas-circuit, konna nieħdu pjaċir immorru mʼaħwa oħra fuq iż-żjajjar lura u l-istudji tal-Bibbja. Imma issa ferħanin naraw l-istudenti tagħna jibdew iħobbu lil Ġeħova. Meta nsiru nafu sew lill-aħwa fil-kongregazzjoni tagħna, aħna niġu inkuraġġiti meta naraw kif Ġeħova dejjem jgħinhom.

Meta niftakru fl-interess li ħafna aħwa wrew fina, aħna vera napprezzaw. Għalhekk aħna pprovajna nuru li jimpurtana minn oħrajn u inkuraġġejniehom jaqdu lil Ġeħova bl-aħjar mod li jistgħu. (2 Kor. 7:6, 7) Pereżempju kien hemm familja fejn l-omm u ż-żewġt itfal kienu fis-servizz full-time. Jien staqsejt lill-missier jekk qattx ħaseb biex jaqdi bħala pijunier. Hu qalli li kien qed jgħin tliet pijunieri. Jien staqsejtu, “Tistaʼ tgħinhom aħjar minn Ġeħova?” Imbagħad għedtlu li jekk jibda se jieħu pjaċir bħalhom. Sitt xhur wara beda jaqdi bħala pijunier.

Jien u Randi se nkomplu ngħidu lill-“ġenerazzjoni li jmiss” dwar “l-affarijiet tal-għaġeb” taʼ Ġeħova u nixtiequ li jieħdu pjaċir jaqdu lil Ġeħova daqsna.—Salm 71:17, 18.

a Illum dan hu l-ħu li jieħu ħsieb il-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna.

b Ara l-bijografija taʼ Léonce Crépeault fʼIt-Torri tal-Għassa taʼ Frar 2020, pp. 26-30.