Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 28

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku

Int Tagħraf il-Verità mill-Gideb?

Int Tagħraf il-Verità mill-Gideb?

“Żommu sod biċ-ċinturin tal-verità maqful.”EFES. 6:14.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu kif nistgħu naraw id-differenza bejn il-verità li tgħallimna mingħand Ġeħova u l-gideb li jgħid Satana u n-nies li jappoġġjawh.

1. Kif tħossok dwar il-verità?

 IN-NIES taʼ Ġeħova jħobbuha l-verità tal-Bibbja. Il-fidi tagħna hi bbażata fuqha. (Rum. 10:17) Aħna ċerti li Ġeħova għamel il-kongregazzjoni bħala “pilastru u appoġġ tal-verità.” (1 Tim. 3:15) Fil-fatt, aħna lesti li nobdu lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija. Huma jispjegaw il-verità tal-Bibbja, u jfehmuna d-direzzjoni li jagħtina Ġeħova biex ngħixu kif jixtieq hu.—Ebr. 13:17.

2. Skont Ġakbu 5:​19, x’jistaʼ jiġrilna wara li nitgħallmu l-verità?

2 Imma wara li nkunu tgħallimna l-verità u nkunu fhimna kemm hu importanti li nobdu l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, xorta waħda nistgħu niġu mfixklin. (Aqra Ġakbu 5:19.) Din hi l-mira li għandu Satana, li aħna ma nibqgħux nafdaw il-Bibbja jew id-direzzjoni mill-organizzazzjoni.—Efes. 4:14.

3. Għala hu importanti li nibqgħu nobdu l-verità? (Efesin 6:​13, 14)

3 Aqra Efesin 6:​13, 14. Aħna nafu li Satana dalwaqt se juża l-gideb biex iġiegħel lin-nies jiħduha kontra Ġeħova. (Riv. 16:​13, 14) Nafu wkoll li ħa jkompli jagħmel l-aħjar tiegħu biex ifixkel anki lilna mill-verità. (Riv. 12:9) Allura, jekk irridu nsalvaw matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, importanti ħafna li minn issa nitgħallmu nagħrfu x’inhi d-differenza bejn il-verità u l-gideb, u dejjem nobdu l-verità.—Rum. 6:17; 1 Pt. 1:22.

4. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

4 F’dan l-artiklu, se nitgħallmu iktar dwar żewġ kwalitajiet li għandna bżonn biex nibqgħu nkunu ċerti mill-verità li hemm fil-Bibbja. Dawn il-kwalitajiet se jgħinuna wkoll biex nobdu d-direzzjoni li tiġi mill-organizzazzjoni. Imbagħad se naraw tliet affarijiet li għandna bżonn nagħmlu biex nibqgħu fil-verità.

KWALITAJIET LI GĦANDNA BŻONN BIEX NAGĦRFU L-VERITÀ

5. Ir-rispett kbir lejn Ġeħova kif ħa jgħinna nżommu mal-verità?

5 Rispett kbir lejn Ġeħova. Li tirrispetta ħafna lil Ġeħova jfisser li tipprova ma tagħmel xejn li tistaʼ tweġġgħu. Allura aħna żgur nixtiequ nitgħallmu x’inhi d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin u bejn il-verità u l-gideb ħalli ma nweġġgħux lil Ġeħova. (Prov. 2:​3-6; Ebr. 5:14) Ħafna drabi, l-affarijiet li jħobbu jagħmlu n-nies iweġġgħu lil Ġeħova. Allura, importanti li jkollna mħabba kbira lejn Ġeħova ħalli ma nagħmlux xi ħaġa li tweġġgħu minħabba li nibżgħu min-nies.

6. L-għaxar spiji x’għamlu minħabba li beżgħu mill-Kangħanin?

6 Jekk ma jkollniex imħabba b’saħħitha għal Ġeħova u nibdew nibżgħu mill-bniedem, jaf nemmnu xi ħaġa li tbegħedna minnu. Eżempju taʼ dan huma t-12-il spija li marru jitkixxfu l-Art Imwiegħda, li Ġeħova kien ħa jagħti lill-Iżraelin. Għaxra minnhom kienu iktar jibżgħu mill-Kangħanin milli jħobbu lil Ġeħova. Meta ltaqgħu mal-Iżraelin, huma qalu: “Ma nistgħux nitilgħu u nattakkaw lill-poplu, għaliex hu iktar b’saħħtu minna.” (Num. 13:​27-31) Mill-ħarsa tal-bniedem, il-Kangħanin vera kienu iktar b’saħħithom mill-Iżraelin. Imma meta l-ispiji qalu li ma jistgħux jirbħulhom kienu qed jinsew kemm hu b’saħħtu Ġeħova. Dawk l-għaxar spiji kellhom jiffokaw fuq dak li Ġeħova ried lill-Iżraelin li jagħmlu. Barra minn hekk, kellhom jiftakru kemm Ġeħova kien diġà għenhom ftit qabel, meta kienu fid-deżert. Kieku għamlu hekk, ma kienx ikollhom dubju kemm Ġeħova hu iktar b’saħħtu mill-Kangħanin. Min-naħa l-oħra, Ġożwè u Kaleb riedu jogħġbu lil Ġeħova, u qalu lin-nies: “Jekk Ġeħova kuntent bina, żgur li jdaħħalna f’din l-art u jagħtihielna.”—Num. 14:​6-9.

7. Kif nistgħu nirrispettaw iktar lil Ġeħova? (Ara l-istampa.)

7 Biex nirrispettaw iktar lil Ġeħova rridu naħsbu kif nistgħu nagħmluh ferħan f’kull deċiżjoni li nieħdu. (Salm 16:8) Int u taqra rakkonti mill-Bibbja, saqsi, ‘Kieku kont qiegħed hemm, x’kont nagħmel?’ Pereżempju, immaġina li kont wieħed mill-Iżraelin li semgħu lill-ispiji jgħidu li m’għandhomx ċans jirbħu. Kieku kont temminhom u tibżaʼ mill-Kangħanin, jew l-imħabba tiegħek għal Ġeħova kienet tkun iktar b’saħħitha mill-biżaʼ? L-Iżraelin taʼ dak iż-żmien m’emmnux lil Ġożwè u Kaleb u minħabba f’hekk, Ġeħova ma ħallihomx jidħlu fl-Art Imwiegħda.—Num. 14:​10, 22, 23.

Kieku int, lil min kont temmen? (Ara paragrafu 7)


8. Liema kwalità rridu naħdmu iebes biex ikollna, u għala?

8 L-umiltà. Ġeħova juri l-verità lill-umli. (Mt. 11:25) Aħna b’umiltà aċċettajna l-għajnuna biex nitgħallmu l-verità. (Atti 8:​30, 31) Imma rridu noqogħdu attenti li qatt ma nsiru kburin. Jekk inkunu kburin, nistgħu nibdew naħsbu li l-opinjoni persunali tagħna hi tajba daqs dak li tgħid il-Bibbja u d-direzzjoni mill-organizzazzjoni.

9. Kif nistgħu nibqgħu umli?

9 Biex nibqgħu umli, irridu niftakru kemm aħna żgħar meta mqabblin ma’ Ġeħova. (Salm 8:​3, 4) Barra minn hekk, irridu nitolbu lil Ġeħova biex b’umiltà nkunu lesti li nitgħallmu. Permezz tal-Bibbja u l-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova se jgħinna naraw li kif jaħsibha hu dejjem aħjar minn kif naħsbuha aħna. Inti u taqra l-Bibbja innota kemm Ġeħova jobgħod lil min iħossu li hu aħjar minn oħrajn u kwalitajiet bħall-kburija. U jekk tirċievi xi xogħol jew privileġġi li jagħtuk xi awtorità jew li oħrajn jinnotawk iżjed bihom, agħmel ċert li tibqaʼ umli.

KIF NIBQGĦU NOBDU L-VERITÀ

10. Ġeħova lil min uża biex jgħallem u jmexxi lin-nies tiegħu?

10 Ibqaʼ afda d-direzzjoni mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Meta kien qed imexxi lill-Iżraelin fid-deżert, Ġeħova uża lil Mosè u lil Ġożwè biex jagħti d-direzzjonijiet. (Ġoż. 1:​16, 17) Meta l-Iżraelin kienu jemmnu li Ġeħova kien qed juża lil dawn l-irġiel u jobduhom, Ġeħova kien iberikhom. Ħafna snin wara, meta bdiet il-kongregazzjoni Kristjana, it-12-il appostlu kienu jagħtu d-direzzjoni, u maż-żmien ingħaqdu magħhom xi anzjani oħrajn. (Atti 8:​14, 15) Minħabba li l-aħwa kienu jobdu d-direzzjoni tagħhom, “il-kongregazzjonijiet komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.” (Atti 16:​4, 5) Illum ukoll Ġeħova se jberikna meta nobdu d-direzzjoni mill-organizzazzjoni. Imma kif taħseb li jħossu Ġeħova kieku aħna ma nobdux lil dawk li għażel biex imexxu? Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħseb dwar x’ġara lill-Iżraelin huma u sejrin lejn l-Art Imwiegħda.

11. Xi ġralhom dawk li rribellaw kontra Mosè? (Ara l-istampa.)

11 Darba, meta l-Iżraelin kienu fid-deżert, xi rġiel importanti qalu: “Il-ġemgħa kollha hi qaddisa u Ġeħova qiegħed f’nofsha.” (Num. 16:​1-3) Huma kienu qed jgħidu li Mosè ma kellu l-ebda awtorità fuqhom. Vera li għal Ġeħova “l-ġemgħa kollha” kienet qaddisa, imma hu kien għażel lil Mosè biex imexxihom. (Num. 16:28) Allura, dawn l-Iżraelin mhux lil Mosè kienu qed jikkritikaw imma lil Ġeħova. Huma ma kinux qed jiffokaw fuq x’ried Ġeħova, imma fuq kif setaʼ jkollhom iktar awtorità. Ġeħova ma ħax pjaċir, u qatel lil dawn ir-ribelli u l-eluf taʼ nies li qablu magħhom. (Num. 16:​30-35, 41, 49) Illum ukoll ma jiħux pjaċir b’dawk li ma jaċċettawx id-direzzjoni mill-organizzazzjoni.

Kieku int maʼ min kont iżżomm? (Ara paragrafu 11)


12. Għala rridu nibqgħu nafdaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

12 Aħna rridu nkomplu nafdaw l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Meta jkun hemm bżonn nirranġaw il-mod kif naqdu lil Ġeħova jew kif nifhmu xi veritajiet mill-Bibbja, dawk li qed imexxu ma joqogħdux jaħsbuha biex jagħmlu dawn il-bidliet. (Prov. 4:18) Jagħmlu hekk għax iridu jogħġbu lil Ġeħova u jagħmlu l-aħjar tagħhom biex dak li jiddeċiedu jkun ibbażat fuq il-Bibbja. Din hi l-gwida li n-nies taʼ Ġeħova għandhom jimxu fuqha.

13. X’inhu “l-mudell taʼ kliem mimli saħħa,” u minn xiex irridu nkunu ċerti?

13 “Ibqaʼ żomm il-mudell taʼ kliem mimli saħħa.” (2 Tim. 1:13) “Il-mudell taʼ kliem mimli saħħa” jirreferi għal dak li għallem Ġesù. (Ġw. 17:17) Dan it-tagħlim mill-Bibbja hu l-bażi taʼ dak kollu li nemmnu. U l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għallmitna biex inkunu ċerti li dak li nemmnu jkun skont dan it-tagħlim. Jekk aħna nagħmlu hekk, Ġeħova se jkompli jieħu ħsiebna u jberikna.

14. Xi Kristjani tal-bidu kif ma baqgħux jemmnu fil-“kliem mimli saħħa” tal-Bibbja?

14 X’jistaʼ jiġri jekk ma nibqgħux nemmnu fil-“kliem mimli saħħa” tal-Bibbja? Aħseb dwar x’ġara fi żmien il-Kristjani tal-bidu. Dak iż-żmien kien hemm xi aħwa li bdew jgħidu informazzjoni falza. Huma bdew jgħidu li l-jum taʼ Ġeħova kien wasal. Forsi kienet waslitilhom xi ittra li kienet tgħid hekk, u ħasbu li kien kitibha l-appostlu Pawlu. Mingħajr ma ċċekkjaw jekk kienx vera li kitibha Pawlu, xi aħwa emmnuha u bdew jgħidu lil oħrajn x’kien fiha. Imma li kieku ftakru f’dak li kien għallimhom Pawlu meta kien magħhom, ma kinux ħa jemmnu din il-gidba. (2 Tess. 2:​1-5) Pawlu tahom il-parir biex ma jemmnux kulma jisimgħu. Biex dan ma jerġax jiġri, hu spiċċa t-tieni ittra tiegħu lit-Tessalonikin bil-kliem: “Din hi t-tislija tiegħi, taʼ Pawlu, minn idi stess, li hi sinjal f’kull ittra; hekk nikteb jien.”—2 Tess. 3:17.

15. Xi rridu nagħmlu biex ma nemmnux gideb li jkun jidher li hu veru? Agħti eżempju. (Ara l-istampi.)

15 X’nitgħallmu minn dak li Pawlu qal lit-Tessalonikin? Meta nisimgħu xi ħaġa li ma tkunx taqbel ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja, irridu nużaw l-għaqal. Dan jgħodd ukoll meta nisimgħu xi storja esaġerata. F’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, xi għedewwa tal-organizzazzjoni taw lill-aħwa ittra li kienet tidher qisha ġejja mill-kwartieri ġenerali tagħna. Din l-ittra vera kienet tidher li ġejja mill-organizzazzjoni u inkuraġġiet lill-aħwa biex jifformaw organizzazzjoni ġdida. Imma l-aħwa maturi m’emmnuhiex għax huma indunaw li l-messaġġ tal-ittra ma kienx jaqbel ma’ dak li kienu tgħallmu mill-Bibbja. Illum ukoll, l-għedewwa tagħna jistgħu jużaw affarijiet bħall-Internet, l-aħbarijiet, u l-media biex joħolqu firda fl-organizzazzjoni. Allura, huwa importanti li ‘ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna.’ Irridu naħsbu sew jekk dak li qed naqraw u nisimgħu jaqbilx ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja.—2 Tess. 2:2; 1 Ġw. 4:1.

Temminx gideb li jkun jidher li hu veru (Ara paragrafu 15) a


16. Skont Rumani 16:​17, 18, xi rridu nagħmlu jekk xi wħud jibdew ixerrdu l-gideb dwar il-verità?

16 Ibqaʼ qrib taʼ dawk li huma leali lejn Ġeħova. Ġeħova jrid li bħala poplu nkunu magħqudin hekk kif naqduh. Aħna se nibqgħu magħqudin jekk nibqgħu nemmnu l-verità li hemm fil-Bibbja. Alla jwissina biex ‘inżommu ’l bogħod’ minn dawk li joħolqu l-firdiet fil-kongregazzjoni billi jxerrdu l-gideb dwar il-verità. Jekk ma nagħmlux hekk, nistgħu nibdew nemmnu dak il-gideb, u ma nibqgħux leali lejn Ġeħova.—Aqra Rumani 16:​17, 18.

17. Kif ħa nibbenefikaw meta nkunu nafu l-verità u nżommu magħha?

17 Meta nkunu nafu x’inhi l-verità u nżommu magħha, ħa jkollna fidi f’Ġeħova u nibqgħu leali lejh. (Efes. 4:​15, 16) Mhux se nemmnu l-gideb taʼ Satana, u Ġeħova se jieħu ħsiebna fiż-żmien taʼ tbatija kbira. Allura, ibqaʼ żomm mal-verità u “l-Alla tal-paċi” jkun miegħek.—Flp. 4:​8, 9.

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

a X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-aħwa f’dik li kienet l-Unjoni Sovjetika rċivew ittra li kienet tidher li ġejja mill-kwartieri ġenerali imma fil-verità kienet mill-għedewwa tagħna. Illum, l-għedewwa tagħna jistgħu jużaw l-Internet biex ixerrdu l-gideb dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.