Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 30

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

Lezzjonijiet Importanti li Nitgħallmu mir-Rejiet t’Iżrael

Lezzjonijiet Importanti li Nitgħallmu mir-Rejiet t’Iżrael

“Intom terġgħu taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—MAL. 3:18.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw x’nistgħu nitgħallmu mir-rejiet t’Iżrael biex inkunu nafu kif Ġeħova jridna ngħixu.

1-2. Il-Bibbja x’tgħid dwar xi rejiet t’Iżrael?

 IL-BIBBJA ssemmi iktar minn 40 raġel li kienu rejiet f’Iżrael. Tgħidilna li xi rejiet tajbin għamlu affarijiet ħżiena. a Pereżempju dwar David, Ġeħova qal: “David il-qaddej tiegħi, li obda l-kmandamenti tiegħi u mexa warajja b’qalbu kollha billi għamel biss dak li hu sewwa f’għajnejja.” (1 Slat. 14:8) Imma darba hu għamel adulterju maʼ mara miżżewġa u rranġa biex ir-raġel tagħha jmut fil-gwerra.—2 Sam. 11:​4, 14, 15.

2 Il-Bibbja ssemmi wkoll affarijiet tajbin li għamlu rejiet li ma baqgħux leali lejn Ġeħova. Eżempju taʼ dan hu Reħobogħam. Dwaru hemm miktub li “hu għamel dak li hu ħażin.” (2 Kron. 12:14) Imma Reħobogħam xorta għamel xi affarijiet tajbin. Meta Ġeħova qallu biex ma jiġġilidx kontra l-għaxar tribujiet t’Iżrael, hu obdieh u ħalliehom jagħżlu re ieħor. Apparti minn hekk hu bena ħafna bliet bis-swar biex jipproteġi lin-nies taʼ Ġeħova mill-għedewwa.—1 Slat. 12:​21-24; 2 Kron. 11:​5-12.

3. X’se naraw f’dan l-artiklu?

3 Ġeħova kif kien jiddeċiedi jekk re kienx tajjeb meta r-re kien jagħmel affarijiet tajbin u ħżiena? Li nwieġbu din il-mistoqsija se jgħinna nifhmu xi rridu nagħmlu aħna biex nogħġbu lil Ġeħova. Matul dan l-istudju se naraw tliet affarijiet li Ġeħova kien jaħseb dwarhom meta kien jiġġudika lil re. L-ewwel, jekk dak ir-re kienx iħobb lil Ġeħova b’qalbu kollha. It-tieni, kienx vera jiddispjaċih meta jiżbalja. U t-tielet, jekk ir-re kienx jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova kif suppost għal ħajtu kollha.

ĦOBB LIL ĠEĦOVA B’QALBEK KOLLHA

4. X’kienet id-differenza bejn rejiet li kienu leali u oħrajn li ma kinux?

4 Ir-rejiet li kienu jogħġbu lil Ġeħova kienu jaqduh b’qalb sħiħa. b Pereżempju Ġeħosafat kien re tajjeb u l-Bibbja tgħid li hu “fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.” (2 Kron. 22:9) Imbagħad dwar Ġosija l-Bibbja tgħid li “la qablu u lanqas warajh ma kien hemm re bħalu li reġaʼ lura lejn Ġeħova b’qalbu kollha.” (2 Slat. 23:25) Imma dwar ir-Re Salamun, li meta kiber għamel affarijiet ħżiena, il-Bibbja tgħid li “qalbu ma baqgħetx sħiħa.” (1 Slat. 11:4) U dwar Abijam, re ieħor li ma kienx leali lejn Ġeħova, il-Bibbja tgħid li “qalbu ma kinitx sħiħa maʼ Ġeħova.”—1 Slat. 15:3.

5. Xi jfisser li taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa?

5 Xi jfisser li taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa? Xi ħadd li jagħmel hekk ma jaqdix lil Ġeħova sempliċiment għax jaf li hekk suppost. Minflok hu jaqdih għax vera jħobbu u jirrispettah, u jibqaʼ jkabbar dawn il-kwalitajiet għal ħajtu kollha.

6. Kif nistgħu nibqgħu nħobbu lil Ġeħova b’qalb sħiħa? (Proverbji 4:23; Mattew 5:​29, 30)

6 Kif nistgħu nkunu bħar-rejiet leali u nħobbu lil Ġeħova b’qalb sħiħa? Irridu nevitaw kull ħaġa li tistaʼ twassalna biex ma nibqgħux ħbieb taʼ Ġeħova. Pereżempju rridu noqogħdu attenti minn dak li nagħmlu u naraw meta nirrilassaw. Il-ħbieb tiegħi jġegħluni naħseb li hemm affarijiet iktar importanti minn Ġeħova, bħal pereżempju l-flus? Jekk inħossu li hemm xi ħaġa li tnaqqsilna l-imħabba tagħna għal Alla, irridu nneħħuha mill-ewwel.—Aqra Proverbji 4:23; Mattew 5:​29, 30.

7. Għala hu importanti li nevitaw kull ħaġa li tistaʼ tnaqqsilna l-imħabba tagħna għal Ġeħova?

7 Aħna qatt ma rridu nqarrqu bina nfusna. Xi wħud forsi jaħsbu li peress li jaħdmu ħafna għal Ġeħova mhux se jiġu influwenzati minn ħsibijiet ħżiena. Aħseb dwar dan l-eżempju: immaġina wasalt id-dar wara ġurnata barra fil-kesħa u x-xita. L-ewwel ħaġa li tagħmel hi li tixgħel il-heater. Imma jekk tħalli l-bieb taʼ barra miftuħ se jkun għalxejn għax xorta se tidħol il-kesħa. X’inhu l-punt? Mhux biżżejjed li nagħmlu affarijiet li jressquna qrib taʼ Ġeħova biss. Jekk nagħmlu hekk, inkunu qisna xgħelna l-heater u ħallejna l-bieb miftuħ. Aħna rridu nagħmlu ċert li qatt ma nħallu xi ħaġa tidħol f’qalbna għax dan jistaʼ jnaqqas l-imħabba tagħna għal Ġeħova.—Efes. 2:2.

HEMM BŻONN JIDDISPJAĊINA GĦALL-IŻBALJI LI NAGĦMLU

8-9. David u Ħeżekija kif irreaġixxew meta xi ħadd ikkoreġiehom? (Ara l-istampa tar-rivista.)

8 Bħalma semmejna qabel, ir-Re David għamel żbalji kbar fil-ħajja tiegħu. Imma meta Natan qallu kif ħassu Ġeħova dwar dak li għamel, David iddispjaċieh ħafna. (2 Sam. 12:13) Dak li kiteb f’​Salm 51 juri kemm kien sinċier. David ma qagħadx jagħmilha li taparsi ddispjaċieh biex jidħaq b’Natan jew biex jeħles mill-kastig.—Salm 51:​3, 4, 17, sopraskrizzjoni.

9 Ħeżekija wkoll għamel żbalji serji. Il-Bibbja tgħid li hu sar kburi. “B’hekk, Alla rrabja miegħu u maʼ Ġuda u Ġerusalemm.” (2 Kron. 32:25) Ħeżekija għala sar kburi? Jistaʼ jkun għax Ġeħova għenu jsir sinjur, jirbaħ lill-Assirjani, u fejqu minn marda kerha. Jistaʼ jkun li wera t-teżori kollha tiegħu lill-Babiloniżi għax kien kburi. Imbagħad, il-profeta Isaija qallu li Ġeħova kien irrabjat għal dak li għamel. (2 Slat. 20:​12-18) Imma bħal David, Ħeżekija wkoll iddispjaċieh għall-iżbalji tiegħu. (2 Kron. 32:26) Minħabba f’hekk, Ġeħova qiesu bħala re li kien leali, peress li “għamel dak li hu sewwa.”—2 Slat. 18:3.

Ir-Re David u r-Re Ħeżekija kienu umli u ddispjaċiehom meta ġew kkoreġuti għad-dnubiet tagħhom (Ara paragrafi 8-9)


10. Ir-Re Amażija x’għamel meta Ġeħova kkoreġieh?

10 B’differenza r-Re Amażija għamel dak li riedu Ġeħova “imma mhux b’qalb sħiħa.” (2 Kron. 25:2) X’ġara? Wara li Ġeħova kien għenu fil-gwerra biex jirbaħ lill-Edomin, hu beda jqim lill-allat tagħhom. c Meta Ġeħova bagħatlu profeta biex jikkoreġih, Amażija ma riedx jismaʼ u keċċieh.—2 Kron. 25:​14-16.

11. Skont it-​2 Korintin 7:​9, 11, xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jaħfrilna? (Ara l-istampi.)

11 X’nistgħu nitgħallmu mir-rejiet? Hemm bżonn li jiddispjaċina għall-iżbalji tagħna u nagħmlu kulma nistgħu biex ma nerġgħux nagħmluhom. Barra minn hekk, jekk l-anzjani jtuna parir fuq xi ħaġa li għalina mhux importanti, ma rridux naħsbu li qed jaqbdu magħna jew li Ġeħova m’għadux iħobbna. Anke r-rejiet tajbin taʼ Iżrael xi kultant kellhom bżonn pariri u dixxiplina. (Ebr. 12:6) Allura meta tingħata parir, hemm bżonn li (1) tkun umli, (2) tagħmel il-bidliet li jkun hemm bżonn, u (3) tkompli taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Meta jiddispjaċina għall-iżbalji tagħna Ġeħova se jaħfrilna.—Aqra t-2 Korintin 7:​9, 11.

Meta tingħata parir, hemm bżonn li (1) tkun umli, (2) tagħmel il-bidliet li jkun hemm bżonn, u (3) tkompli taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa (Ara paragrafu 11) f


KOMPLI AQDI LIL ĠEĦOVA KIF JIXTIEQ HU

12. X’għamlu wħud mir-rejiet biex juru li huma leali?

12 Ir-rejiet li kienu leali lejn Ġeħova kienu jaqduh kif xtaq hu u kienu jgħinu lin-nies tagħhom jagħmlu l-istess. Bħalma rajna huma xorta kienu jiżbaljaw. Imma kienu jaqdu lil Ġeħova biss u għamlu kulma setgħu biex ineħħu l-istatwi u l-affarijiet li kien jobgħod Ġeħova mill-art tagħhom. d

13. Ġeħova għala qal li Aħab ma kienx leali?

13 Ġeħova għala qal li xi rejiet ma kinux leali? Dawn ir-rejiet żgur li kienu għamlu xi affarijiet tajbin. Pereżempju meta Aħab semaʼ li Nabot inqatel minħabba fih, wera xi ftit umiltà u li kien imdejjaq. (1 Slat. 21:​27-29) Hu bena bliet u rebaħ xi gwerer għall-Iżraelin. (1 Slat. 20:​21, 29; 22:39) Imma l-iktar ħaġa li baqaʼ msemmi għaliha Aħab kienet li inkuraġġixxa lil oħrajn għall-qima falza, għax influwenzatu l-mara tiegħu. Hu qatt ma ddispjaċieh għal dan id-dnub.—1 Slat. 21:​25, 26.

14. (a) Ġeħova għala qal li r-Re Reħobogħam ma kienx leali? (b) X’għamlu ħażin ħafna mir-rejiet li ma baqgħux leali?

14 Re ieħor li ma kienx leali huwa Reħobogħam. Bħalma rajna f’paragrafu 2, huwa għamel ħafna affarijiet tajbin meta kien re. Imma meta kellu saltna b’saħħitha, waqaf jobdi lil Ġeħova u beda jqim allat foloz. (2 Kron. 12:1) Imbagħad ġieli kien jaqdi lil Ġeħova u ġieli l-allat foloz. (1 Slat. 14:​21-24) Apparti Aħab u Reħobogħam kien hemm iktar rejiet li ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova kif suppost. Ħafna mir-rejiet li ma baqgħux leali bdew iqimu lill-idoli u inkuraġġew lil oħrajn biex jagħmlu bħalhom. Allura nistgħu naraw li għal Ġeħova, il-mod kif kienu jqimuh ir-rejiet kien importanti ħafna biex jiddeċiedi kinux leali jew le.

15. Għala hu importanti li nibqgħu leali lejn Ġeħova?

15 Għala kien importanti li re jaqdi lil Ġeħova kif suppost? L-ewwel nett, ir-re kien responsabbli biex jgħin lin-nies iqimu b’mod li jogħġob lil Ġeħova. It-tieni, jekk in-nies kienu jqimu allat foloz, kienu jispiċċaw jagħmlu affarijiet ħżiena oħra. U t-tielet, ir-re u l-Iżraelin kienu ddedikati lil Ġeħova. (Ħos. 4:​1, 2) Allura, meta ma kinux jibqgħu leali lejn Ġeħova u jqimu allat foloz, kienu qishom qed jagħmlu adulterju. (Ġer. 3:​8, 9) Xi ħadd li jagħmel adulterju u ma jibqax leali lejn il-mara jew ir-raġel tiegħu, ħa jweġġgħulu qalbu ħafna. Bl-istess mod, xi ħadd li ma jibqax leali lejn Ġeħova u jibda jqim affarijiet oħra, iweġġagħlu qalbu ħafna. eDt. 4:​23, 24.

16. Ġeħova kif jiddeċiedi jekk xi ħadd ikunx ħażin jew tajjeb?

16 X’nistgħu nitgħallmu mir-rejiet? Irridu nibqgħu determinati li nevitaw kull ħaġa li għandha x’taqsam mar-reliġjon falza. Hu importanti wkoll li naqdu lil Ġeħova kif irid hu u nagħmlu kull ma nistgħu fix-xogħol tiegħu. Il-profeta Malakija kiteb x’inhi d-differenza bejn persuna tajba u persuna ħażina. Hu qal: “Intom terġgħu taraw id-distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Allura ma rridu nħallu xejn jiskuraġġina milli naqdu lil Ġeħova, lanqas l-imperfezzjonijiet jew l-iżbalji tagħna stess. Li xi ħadd jieqaf jaqdi lil Ġeħova hu dnub serju.

17. Għala rridu noqogħdu attenti lil min niżżewġu?

17 Jekk tixtieq tiżżewweġ, dak li qal Malakija jistaʼ jgħinek fid-deċiżjoni tiegħek. Aħseb ftit dwar dan: Jaf ikun hemm xi ħadd li jkollu kwalitajiet sbieħ. Imma jekk ma jkunx jaqdi lil Ġeħova, taħseb li Alla jarah bħala persuna tajba? (2 Kor. 6:14) Jekk tiżżewweġ lil din il-persuna, ħa jgħinek tibqaʼ leali lejn Ġeħova? In-nisa li kellu Salamun jaf kellhom xi kwalitajiet sbieħ. Imma peress li ma kinux jaqdu lil Ġeħova, Salamun ma baqax leali.—1 Slat. 11:​1, 4.

18. Il-ġenituri x’għandhom jgħallmuhom lit-tfal?

18 Ġenituri, użaw l-eżempju tar-rejiet biex tgħinu lit-tfal ikunu jixtiequ jaqdu lil Ġeħova iżjed. Għinhom jifhmu li biex re kien ikun tajjeb għal Ġeħova kellu jaqdih u jgħin lil oħrajn biex jagħmlu bħalu. B’dak li tgħid u tagħmel urihom li l-iżjed affarijiet importanti huma li jistudjaw il-Bibbja, imorru l-laqgħat, u joħorġu service. (Mt. 6:33) Jekk ma tagħmilx hekk it-tfal se jaqdu lil Ġeħova minħabba fik u mhux għax vera jħobbu u jridu jkunu ħbieb taʼ Ġeħova. Minħabba f’hekk, jistaʼ jkun li ma jarawhiex importanti li jaqdu lil Ġeħova jew anki forsi jieqfu jaqduh.

19. Hemm tama għal dawk li waqfu jaqdu lil Ġeħova? (Ara l-kaxxa “ Int Tistaʼ Terġaʼ Ssir Ħabib taʼ Ġeħova!”)

19 Imma jekk xi ħadd waqaf jaqdi lil Ġeħova, ifisser li qatt ma jistaʼ jerġaʼ jkollu ħbiberija miegħu? Le, għax hu jistaʼ jiddispjaċih u jerġaʼ jibda jaqdih. Imma biex jagħmel hekk hemm bżonn ikun umli u jaċċetta l-għajnuna tal-anzjani. (Ġak. 5:14) Meta jerġaʼ jsir ħabib taʼ Ġeħova żgur se jkun worth it!

20. Jekk inkunu bħar-rejiet leali, Ġeħova kif se jarana?

20 X’tgħallimna mir-rejiet t’Iżrael? Irridu nimitaw lir-rejiet leali u naqdu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Hemm bżonn li nitgħallmu mill-iżbalji tagħna, jiddispjaċina u nirranġaw dak li jkun hemm bżonn. U rridu dejjem niftakru kemm hu importanti li nobdu u nqimu lil Ġeħova kif jixtieq hu. Jekk int tibqaʼ leali, hu se jarak bħala xi ħadd li jagħmel dak li hu sew.

GĦANJA 45 Il-meditazzjoni taʼ qalbi

a F’dan l-artiklu, il-frażi “r-rejiet t’Iżrael” tirreferi għar-rejiet kollha li mexxew fuq in-nies taʼ Ġeħova. Dan ifisser kemm dawk li mexxew f’​Ġuda u anke dawk li mexxew f’Iżrael.

b ESPRESSJONI SPJEGATA: Ħafna drabi l-Bibbja tuża l-kelma “qalb” biex tirreferi għal dak li persuna taħseb, ix-xewqat li jkollha, l-attitudni, għala tagħmel xi ħaġa, u l-miri li jkollha.

c F’dan iż-żmien, ir-rejiet li ma kinux Iżraelin ħafna drabi kienu jqimu lill-allat tal-postijiet li rebħu.

d Ir-Re Asa għamel dnubiet serji. (2 Kron. 16:​7, 10) Imma l-Bibbja xorta tgħid li hu għamel dak li hu sew f’għajnejn Alla. Meta Ġeħova bagħat profeta biex jagħtih parir, għall-ewwel m’aċċettax imma jistaʼ jkun li iktar tard iddispjaċieh. Ġeħova ra li kien hemm iktar tajjeb fih milli ħażin. Fil-fatt Asa kien jaqdi lil Ġeħova biss u għamel l-aħjar tiegħu biex jeqred lill-idoli.—1 Slat. 15:​11-13; 2 Kron. 14:​2-5.

e Mill-ewwel żewġ kmandamenti nistgħu naraw kemm il-qima lejn Ġeħova hi importanti, għax dawn kienu jgħidu li ma setgħux iqimu lil ħadd u xejn ħlief lil Ġeħova.—Eżo. 20:​1-6.

f X’JURUNA L-ISTAMPI: Anzjan għadu żgħir fl-età qed jagħti parir bi mħabba lil ħu minħabba l-vizzju tax-xorb. Il-ħu jaċċetta l-parir, jagħmel il-bidliet li hemm bżonn, u jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa.