Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Min hi l-“mara” msemmija f’​Isaija 60:​1, u x’jiġifieri li ‘tqum’ u ‘titfaʼ d-dawl’?

Isaija 60:1 jgħid: “Qum, O mara, itfaʼ d-dawl, għax dawlek ġie u iddiet fuqek il-glorja taʼ Ġeħova.” Il-kuntest juri li l-“mara” kienet Sijon, jew Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda taʼ dak iż-żmien. (Is. 60:14; 62:​1, 2) Il-kelma Ġerusalemm tirrappreżenta lill-poplu kollu taʼ Iżrael. F’dan l-artiklu se nwieġbu żewġ mistoqsijiet: L-ewwel, Ġerusalemm meta ‘qamet’ u ‘tefgħet id-dawl,’ u kif? It-tieni, il-kliem taʼ Isaija kif qiegħed jiġri llum?

Ġerusalemm meta ‘qamet’ u ‘tefgħet id-dawl,’ u kif? Meta l-Lhud għamlu 70 sena f’Babilonja, Ġerusalemm u t-tempju kienu ġew f’kundizzjoni ħażina. Imma wara li l-Medin u l-Persjani rebħu lil Babilonja, l-Iżraelin setgħu jmorru Ġerusalemm u jerġgħu jibdew iqimu lil Ġeħova hemmhekk. (Esd. 1:​1-4) Fis-sena 537 qabel Kristu (QK), xi Iżraelin minn kull tribù marru Ġerusalemm. (Is. 60:4) Huma reġgħu bdew joffru sagrifiċċji lil Ġeħova, jiċċelebraw il-festi, u jibnu t-tempju. (Esd. 3:​1-4, 7-11; 6:​16-22) B’hekk il-glorja taʼ Ġeħova reġgħet bdiet tiddi fuq Ġerusalemm, jiġifieri l-poplu tiegħu. Allura huma kienu bħal dawl għan-nies li ma kinux jafu lil Ġeħova.

Imma dak iż-żmien, parti biss mill-profezija taʼ Isaija twettqet, għax il-biċċa l-kbira tal-Iżraelin ma baqgħux jaqdu lil Ġeħova. (Neħ. 13:27; Mal. 1:​6-8; 2:​13, 14; Mt. 15:​7-9) Fil-fatt, aktar tard huma qatlu lill-Messija Ġesù Kristu. (Mt. 27:​1, 2) Imbagħad fis-sena 70 wara Kristu (WK), Ġerusalemm u t-tempju reġgħu ġew meqrudin.

Ġeħova kien qal minn qabel li kien ħa jiġri dan. (Dan. 9:​24-27) Allura nistgħu naraw li ma kienx l-iskop taʼ Ġeħova li l-Iżraelin taʼ dak iż-żmien iwettqu l-profeziji kollha li hemm f’​Isaija kapitlu 60.

Il-kliem taʼ Isaija kif qiegħed jiġri llum? Dan qiegħed jiġri b’mara simbolika differenti, jiġifieri “Ġerusalemm taʼ fuq.” L-appostlu Pawlu qal: “Hi bħal ommna.” (Gal. 4:26) Ġerusalemm taʼ fuq hija l-parti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova li hemm fis-sema. It-tfal tagħha huma Ġesù u l-144,000, li bħall-appostlu Pawlu għandhom it-tama li jgħixu fis-sema. Il-midlukin huma l-“ġens qaddis,” jiġifieri “l-Iżrael t’Alla.”—1 Pt. 2:9; Gal. 6:16.

Ġerusalemm taʼ fuq kif ‘qamet’ u ‘tefgħet id-dawl’? Hi għamlet hekk permezz tat-tfal tagħha li kienu fuq l-art, jiġifieri l-magħżulin. Aħseb kif dak li ġralhom jaqbel ħafna maʼ dak li qal Isaija f’kapitlu 60.

Il-Kristjani magħżulin kellhom iqumu minn dlam spiritwali għax kien hemm ħafna apostasija wara li mietu l-appostli. (Mt. 13:​37-43) Minħabba f’hekk huma ġew taħt il-kontroll taʼ Babilonja l-Kbira, jiġifieri r-reliġjon falza. Dawn baqgħu hekk sal-1914 meta bdew “l-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 13:​39, 40) Imbagħad, fl-1919 huma ġew meħlusin u mill-ewwel bdew jiddu d-dawl, billi bdew jippritkaw l-aħbar tajba b’żelu. a Maż-żmien nies mill-pajjiżi kollha bdew jaraw dan id-dawl, inkluż dawk il-magħżulin li kien baqaʼ hawn fuq l-art, jiġifieri s-slaten li hemm f’​Isaija 60:3.—Riv. 5:​9, 10.

Fil-futur, il-Kristjani magħżulin ħa jkomplu jiddu d-dawl mingħand Ġeħova ħafna iktar. Kif? Meta jmutu dawn se jsiru parti minn “Ġerusalemm il-Ġdida,” jiġifieri l-għarusa taʼ Kristu li hi magħmula mill-144,000 sultan u qassis.—Riv. 14:1; 21:​1, 2, 24; 22:​3-5.

Ġerusalemm il-Ġdida se jkollha parti importanti biex jitwettaq Isaija 60:1. (Qabbel Isaija 60:​1, 3, 5, 11, 19, 20 maʼ Rivelazzjoni 21:​2, 9-11, 22-26.) Bħalma f’Ġerusalemm fi żmien l-Iżraelin kien hemm il-gvern imexxi, bl-istess mod Ġerusalemm il-Ġdida se tkun il-gvern li jmexxi maʼ Ġesù Kristu fis-sistema l-ġdida. Ġerusalemm il-Ġdida kif ‘tinżel mis-sema mingħand Alla’? Billi tirranġa l-art. In-nies li jirrispettaw ħafna lil Alla ħa jkunu qed “jimxu fid-dawl tagħha.” Huma mhux ħa jibqgħu jidinbu u jmutu. (Riv. 21:​3, 4, 24) Ir-riżultat ħa jkun “li jitranġa kollox” bħalma qalu Isaija u l-profeti l-oħrajn. (Atti 3:21) Iż-żmien li jitranġa kollox beda meta Ġesù sar Re u se jispiċċa fl-aħħar tal-elf sena.

a F’​Eżekjel 37:​1-14 u Rivelazzjoni 11:​7-12 ukoll insibu dwar kif l-affarijiet spiritwali reġgħu bdew fl-1919. Eżekjel qal li wara li l-magħżulin kollha kienu qishom maqbudin taħt Babilonja l-Kbira għal żmien twil, l-affarijiet reġgħu ttranġaw għalihom. Il-profezija taʼ Rivelazzjoni titkellem dwar grupp taʼ magħżulin li reġgħu ħadu l-ħajja b’mod spiritwali. Dan il-grupp żgħir t’aħwa magħżulin li kienu qed jieħdu t-tmexxija għamlu żmien ma jistgħux jaqdu lil Ġeħova kif riedu għax kienu akkużati b’mod falz u ġew mitfugħin il-ħabs. Imbagħad fl-1919 ġew maħturin bħala “l-ilsir leali u għaqli.”Mt. 24:45; ara It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 2014, p. 30 u It-Torri tal-Għassa taʼ Marzu 2016, p. 29.