Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Hawn Aħna! Ibgħat Lilna!”

“Hawn Aħna! Ibgħat Lilna!”

QED taħseb biex tkabbar il-​ministeru tiegħek billi tmur tgħin fejn il-​bżonn hu akbar, forsi f’pajjiż barrani? Jekk iva, inti tistaʼ tibbenefika mill-​esperjenza taʼ Ħuna u Oħtna Bergame.

Jack u Marie-​Line ilhom flimkien fis-​servizz full-​time mill-​1988. Dawn huma magħrufin għall-​mod straordinarju kif jaddattaw ruħhom, għax aċċettaw ħafna inkarigi fi Guadeloupe u l-​Guyana Franċiża. Illum il-​ġurnata, iż-​żewġ pajjiżi huma taħt l-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Franza. Ejja nistaqsu lil Jack u Marie-​Line ftit mistoqsijiet.

Xi mmotivakom biex tibdew fis-​servizz full-​time?

Marie-​Line: Jien trabbejt fi Guadeloupe. Spiss kont nipprietka m’ommi ġurnata sħiħa, li kienet Xhud żeluża. Jien inħobb lin-​nies, u għalhekk malli spiċċajt l-​iskola, fl-​1985, bdejt naqdi bħala pijuniera.

Jack: Bħala tifel, jien kont imdawwar b’aħwa spiritwali li kienu jaqdu fis-​servizz full-​time u li jħobbu l-​ministeru. Meta kien ikolli l-​vaganzi tal-​iskola, kont nagħmel pijunier awżiljarju. Xi kultant, fil-​weekends konna naqbdu tal-​linja biex immorru niltaqgħu mal-​pijunieri fit-​territorju tagħhom. Konna nippritkaw il-​ġurnata kollha, u wara konna mmorru l-​baħar. Dawk il-​ġranet ma ninsiehom qatt.

Ftit wara li żżewwiġt lil Marie-​Line fl-​1988, jien għedt bejni u bejn ruħi, ‘Issa x’ħa x’nagħmlu, għax ma nagħmlux iktar fil-​ministeru? Allura bdejt naqdi bħala pijunier maʼ Marie-​Line. Sena wara, wara li attendejna l-​iskola tal-​pijunieri, ġejna inkarigati bħala pijunieri speċjali. Kellna diversi inkarigi sbieħ fi Guadeloupe qabel ma ġejna mistidnin biex immorru l-​Guyana Franċiża.

Matul is-​snin intom irċivejtu diversi inkarigi. X’għenkom biex tadattaw maʼ ċirkustanzi ġodda?

Marie-​Line: L-​aħwa taʼ Betel fil-​Guyana Franċiża kienu jafu li Isaija 6:8 hija l-​iskrittura favorita tagħna. Għalhekk, kull meta kienu jċemplulna, biex jiċċajtaw kienu jgħidulna, “Tiftakru liema hi l-​iskrittura favorita tagħkom?” Aħna konna nindunaw li ġej inkarigu ġdid, allura konna ngħidulhom, “Hawn aħna! Ibgħat lilna!”

Aħna qatt ma nqabblu l-​inkarigi tagħna maʼ dawk tal-​passat għax jekk nagħmlu hekk għandu mnejn ma napprezzawx dak li għandna. Aħna nieħdu l-​inizjattiva wkoll biex insiru nafu lil ħutna rġiel u nisa.

Jack: Fil-​passat, xi ħbieb, b’intenzjoni tajba ppruvaw jiskuraġġuna biex nibqgħu viċin tagħhom, u mhux immorru f’xi pajjiż ’il bogħod. Imma meta tlaqna minn Guadeloupe, ħu fakkarna fil-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 13:38: “L-​għalqa hi d-​dinja.” Għalhekk, meta nirċievu inkarigu ġdid, aħna nfakkru lilna nfusna li xorta qed naqdu fl-​istess għalqa, inkunu fejn inkunu. Wara kollox, l-​iktar ħaġa importanti hi li nsibu n-​nies fit-​territorju u nitkellmu magħhom.

Meta naslu f’territorju ġdid, aħna ninnotaw li oħrajn kapaċi jgħixu hemm ferħanin. Għalhekk, aħna nipprovaw ngħixu bħalhom. L-​ikel jistaʼ jkun differenti, imma aħna nieklu dak li jieklu u nixorbu dak li jixorbu huma. Però, nieħdu prekawzjonijiet kontra l-​mard. Aħna nagħmlu sforz biex nitkellmu pożittiv dwar kull inkarigu li jkollna.

Marie-​Line: Ukoll, aħna nitgħallmu ħafna mill-​aħwa tal-​lokal. Għadni niftakar xi ħaġa li ġrat meta wasalna fil-​Guyana Franċiża. Kienet nieżla xita bi qliel, għalhekk aħna ħsibna li se jkollna nistennew biex tieqaf ix-​xita qabel noħorġu fil-​ministeru. Imma mbagħad oħt qaltli, “Immorru?” Jien inħsadt u għedtilha, “Kif?” Hi wiġbitni, “Aqbad l-​umbrella, u mmorru bir-​roti tagħna.” B’hekk, tgħallimt kif inżomm umbrella u nsuq ir-​rota fl-​istess ħin. Li kieku ma tgħallimtx, qatt ma kont se nipprietka meta tkun ix-​xita!

Intom bdiltu l-​post fejn tgħixu madwar 15-​il darba. Għandkom xi pariri għal dawk li qed jaħsbu biex imorru pajjiż ieħor?

Marie-​Line: Mhux faċli, jistaʼ jkun taʼ sfida. Minkejja dan, huwa importanti li ssib post li meta tmur lura mill-​ministeru, tħossok komda u għal qalbek.

Jack: Il-​biċċa l-​kbira jien inbajjad id-​dar minn ġewwa. L-​aħwa tal-​fergħa, meta jkunu jafu li mhux ħa ndumu ħafna, ġieli jgħiduli, “Jack, tbajjadx id-​dar!”

Marie-​Line tinqalaʼ biex tippakkja! Hi tpoġġi kollox fil-​kaxxi u tikteb fuqhom, bħal “kamra tal-​banju,” “kamra tas-​sodda,” jew “kċina.” Għalhekk, malli naslu fid-​dar il-​ġdida, ikun faċli għalina biex inqasmu l-​kaxxi fil-​kmamar. Hi tagħmel lista taʼ xi jkun fihom il-​kaxxi ħalli b’hekk ikun faċli għalina biex insibu l-​affarijiet li jkollna bżonn.

Marie-​Line: Minħabba li tgħallimna sew kif inkunu organizzati, inkunu nistgħu nkomplu bir-​rutina tagħna mill-​ewwel.

Kif tqassmu l-​ħin biex ‘twettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħkom’?—2 Tim. 4:5.

Marie-​Line: It-​Tnejn, nistrieħu u nippreparaw għal-​laqgħat. Mit-​Tlieta ’l hemm, noħorġu fuq il-​ministeru.

Jack: Minkejja li rridu nagħmlu ammont taʼ sigħat kull xahar fil-​ministeru, aħna ma naħsbux dwar dan. L-​ippritkar huwa l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tagħna. Minn x’ħin nitilqu mid-​dar sa ma nerġgħu mmorru lura, nagħmlu l-​almu tagħna biex nitkellmu maʼ kull min niltaqgħu.

Marie-​Line: Pereżempju, meta mmorru xi piknik, jien dejjem nieħu xi fuljetti miegħi. Ġieli, xi nies, jiġu fuqna u jitolbuna xi rivisti minkejja li ma nkunux għednielhom li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Dan minħabba li aħna noqogħdu attenti kif nilbsu u nġibu ruħna. In-​nies jinnotaw dawn l-​affarijiet.

Jack: Aħna nagħtu xhieda wkoll billi nkunu qalbna tajba mal-​ġirien. Jien niġbor affarijiet bħall-​karti mit-​triq u weraq li jaqgħu mis-​siġar fejn id-​dar. Il-​ġirien jinnotawna u xi kultant jgħidulna, “Għal jistaʼ jkun għandkom xi Bibbja għalija?”

Ħafna drabi intom ippritkajtu f’territorji fl-​imwarrab. Hemm xi vjaġġ li għamiltu li baqaʼ f’moħħkom?

Jack: Fil-​Guyana, xi territorji huma diffiċli biex tilħaqhom. Spiss ikollna nivvjaġġaw 600 km fil-​ġimgħa f’toroq imħarbtin. Iż-​żjara li għamilna f’St. Élie, fil-​foresta tal-​Amazon, ma ninsewha qatt. Għamilna sigħat twal biex wasalna hemm u kellna nirkbu vann u powerboat. Ħafna nies li kienu jgħixu hemm xogħolhom kien li jfittxu d-​deheb. Minħabba li apprezzaw il-​pubblikazzjonijiet tagħna, xi wħud minnhom tawna biċċiet żgħar tad-​deheb bħala kontribuzzjoni! Filgħaxija wrejna vidjow tal-​organizzazzjoni, u ħafna minn tal-​lokal attendew il-​laqgħa.

Marie-​Line: Xi snin ilu, Jack ġie mitlub biex jagħti taħdita għat-​Tifkira f’Camopi. Biex naslu hemm, aħna vvjaġġajna b’dgħajsa bil-​mutur għal erbaʼ sigħat fix-​Xmara Oyapock. Kienet esperjenza eċitanti ħafna.

Jack: Fejn l-​ilma tax-​xmara jkun baxx, il-​kurrent jistaʼ jkun perikoluż. Nistaʼ nassigurak li kien impressjonanti li tara dak il-​mewġ b’saħħtu. Dak li jsuq id-​dgħajsa jrid ikun attent ħafna. Imma kienet esperjenza sabiħa. Minkejja li kien hemm 6 Xhieda biss, madwar 50 persuna attendew għat-​Tifkira, u xi wħud minnhom kienu Indjani Amerikani.

Marie-​Line: Iż-​żgħażagħ li jridu jagħmlu iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova jistaʼ jkollhom esperjenzi sbieħ bħal dawn. F’dawn iċ-​ċirkustanzi trid tistrieħ fuq Ġeħova, u l-​fidi tiegħek tissaħħaħ. Aħna spiss naraw kif Ġeħova jgħinna.

Intom tgħallimtu ħafna lingwi, huwa faċli għalikom biex titgħallmu lingwa ġdida?

Jack: Lanqas xejn. Jien tgħallimt dawn il-​lingwi għax kien hemm il-​bżonn. Jien kelli nikkonduċi l-​Istudju taʼ It-​Torri tal-​Għassa bis-​Sranantongo * saħansitra qabel ma għamilt qari tal-​Bibbja! Jien staqsejt lil ħu jekk kinux qed jifhmuni. Hu qalli, “Mhux dejjem konna nifhmu kollox, imma proset, kont tagħmlu tajjeb.” It-​tfal kienu taʼ għajnuna kbira. Meta kont nieħu xi żball, huma kienu jgħiduli, mhux il-​kbar. Jien tgħallimt ħafna bl-​għajnuna tagħhom.

Marie-​Line: F’territorju wieħed, jien kelli studji tal-​Bibbja bil-​Franċiż, Portugiż, u Sranantongo. Oħt issuġġerietli biex l-​ewwel nagħmel l-​istudji bl-​iktar lingwa diffiċli u nispiċċa bl-​iktar waħda faċli għalija. Malajr indunajt li kien parir għaqli.

Darba waħda, kelli studju bis-​Sranantongo u warajh kelli ieħor bil-​Portugiż. Meta bdejt it-​tieni studju, l-​oħt li kienet miegħi qaltli: “Marie-​Line, naħseb se tkun problema!” Jien indunajt li kont qed nitkellem maʼ mara Brażiljana bis-​Sranantongo minflok bil-​Portugiż!

L-​aħwa li ħadmu magħkom iħobbukom ħafna. Kif irnexxielkom issiru close magħhom?

Jack: Proverbji 11:25 jgħid: “Ir-​ruħ ġeneruża titqawwa.” Aħna ma niddejqux inqattgħu l-​ħin m’oħrajn u ngħinuhom. Dwar il-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna, xi wħud qaluli: “Ħalli lill-​pubblikaturi jagħmlu dak ix-​xogħol.” Imma jien għedtilhom: “Jien pubblikatur ukoll. Jekk hemm ix-​xogħol li jrid isir, jien irrid inkun hemm biex ngħin.” Minkejja li kulħadd għandu bżonn xi ftit tal-​ħin għalih innifsu, aħna spiss infakkru lil xulxin biex ma nħallux dan itellifna milli ngħinu lil oħrajn.

Marie-​Line: Aħna nagħmlu sforz biex nuru interess personali f’ħutna. Pereżempju, aħna nafu li diffiċli jsibu lil xi ħadd biex jieħu ħsieb it-​tfal tagħhom jew jiġbruhom mill-​iskola. Għalhekk noffru l-​għajnuna. Billi konna lesti li ngħinuhom meta kellhom bżonn, aħna sirna ħbieb sew.

Liema barkiet irċivejtu meta qdejtu fejn il-​bżonn hu akbar?

Jack: Minħabba li qegħdin fis-​servizz full-​time, aħna kellna ħafna barkiet. Spiss kellna ċ-​ċans li ngawdu l-​ħolqien taʼ Ġeħova. Minkejja l-​isfidi, aħna moħħna mistrieħ għax nafu li nkunu fejn inkunu, in-​nies taʼ Ġeħova se jgħinuna.

Meta kont żagħżugħ, ġejt mitfugħ il-​ħabs fil-​Guyana Franċiża minħabba n-​newtralità Kristjana. Qatt ma bsart li xi darba se nerġaʼ mmur hemm bħala missjunarju u jkolli l-​permess biex inżur il-​ħabsin. Ġeħova vera berikna. Hu Alla ġeneruż ħafna!

Marie-​Line: L-​iktar ħaġa li ġġibli ferħ hija li ngħin lil oħrajn. Aħna ferħanin li qegħdin naqdu lil Ġeħova. Dan saħħaħ ukoll ir-​relazzjoni taʼ bejnietna bħala koppja. Xi kultant, Jack jgħidli biex nistiednu għall-​ikel lil xi koppja li tkun skuraġġita. Spiss ngħidlu, “Kont qed naħseb l-​istess ħaġa!”

Jack: Xi snin ilu, jien imradt bil-​kanċer tal-​prostata. Minkejja li Marie-​Line ma tiħux pjaċir tismagħha, jien ġieli għedtilha: “Qalbi, għadni m’iniex xiħ, imma jekk immut issa, jien naf li użajt ħajti biex nagħmel affarijiet prezzjużi, biex naqdi lil Ġeħova, u dan jagħmilni ferħan.”—Ġen. 25:8.

Marie-​Line: Ġeħova tana inkarigi li qatt ma stennejna. Il-​ħajja tagħna kienet mimlija b’affarijiet sbieħ. Aħna mmorru kull fejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tibgħatna, għax ċerti li Ġeħova dejjem se jgħinna!

^ par. 32 Il-​lingwa Sranantongo hija taħlita taʼ Ingliż, Olandiż, Portugiż, u lingwi Afrikani, li oriġinarjament żviluppat mill-​iskjavi.