Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10

L-Imħabba U l-Apprezzament għal Ġeħova Jimmotivawk Biex Titgħammed

L-Imħabba U l-Apprezzament għal Ġeħova Jimmotivawk Biex Titgħammed

“X’qed iżommni milli nitgħammed?”—ATTI 8:36.

GĦANJA 37 Naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Bħalma juri Atti 8:27-31, 35-38, l-​ewnuku Etjopjan xi mmotivah biex jitgħammed?

TIXTIEQ inti titgħammed u ssir dixxiplu taʼ Kristu? L-​imħabba u l-​apprezzament immotivaw lil ħafna biex jieħdu din id-​deċiżjoni. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ uffiċjal li qeda lir-​reġina tal-​Etjopja.

2 L-​Etjopjan aġixxa mill-​ewwel fuq dak li tgħallem mill-​Iskrittura. (Aqra Atti 8:27-31, 35-38.) X’kien li mmotivah? Żgur li apprezza l-​Kelma t’Alla, hu kien qed jaqra mill-​ktieb taʼ Isaija waqt li kien riekeb fuq il-​karru fi triqtu minn Ġerusalemm għall-​Etjopja. U meta Filippu tkellem miegħu, ir-​raġel apprezza dak li Ġesù għamel għalih. Imma l-​uffiċjal għala vjaġġa lejn Ġerusalemm? Għax hu kien ġa żviluppa l-​imħabba għal Ġeħova. Kif nafu dan? Għax hu kien qed iqim lil Ġeħova f’Ġerusalemm. Dan ir-​raġel jidher li biddel ir-​reliġjon li kellu u ngħaqad mal-​uniku poplu li kien iddedikat lill-​Alla l-​veru. Kienet l-​istess imħabba għal Ġeħova li mmotivatu biex jieħu pass ieħor importanti, jiġifieri li jitgħammed u jsir dixxiplu taʼ Kristu.—Mt. 28:19.

3. X’jistaʼ jżomm persuna milli titgħammed? (Ara l-​kaxxa “ X’Hemm f’Qalbek?”)

3 L-​imħabba għal Ġeħova tistaʼ timmotivak biex titgħammed. Imma l-​imħabba tistaʼ żżommok lura wkoll milli tagħmel dan. Kif? Aħseb dwar dawn l-​eżempji. Inti tħobb ħafna lill-​familja u l-​ħbieb tiegħek li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova, u forsi tinkwieta li jekk titgħammed huma se jibdew jobogħduk. (Mt. 10:37) Jew forsi tħobb xi drawwiet li taf li Alla jobgħod, imma qed issibha diffiċli biex taqtagħhom. (Salm 97:10) Jistaʼ jkun li kbirt tiċċelebra festi li huma assoċjati mar-​reliġjon falza jew tieħu pjaċir tiftakar l-​affarijiet sbieħ taʼ dawn iċ-​ċelebrazzjonijiet. Għalhekk, issibha diffiċli biex ma tibqax tiċċelebra festi li ma jogħġbux lil Ġeħova. (1 Kor. 10:20, 21) Il-​mistoqsija li trid twieġeb hija, “Jien lil min jew xi nħobb l-​iktar?”

L-​IKTAR IMĦABBA IMPORTANTI

4. X’inhi r-​raġuni prinċipali biex titgħammed?

4 Inti forsi għandek ħafna affarijiet tajbin li tħobb u tapprezza. Pereżempju, anka qabel ma bdejt tistudja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, forsi kellek rispett kbir lejn il-​Bibbja. U jaf kont tieħu pjaċir tismaʼ dwar Alla u dak li għamel għalina. Issa li sirt taf lix-​Xhieda, forsi tieħu pjaċir tkun magħhom. Imma li tkun tħobb dawn l-​affarijiet mhux bilfors se jwassluk biex tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed. L-​iktar ħaġa importanti biex titgħammed hija li tħobb lil Ġeħova. Meta tkun tħobb lil Ġeħova iktar minn kull ħaġa oħra, xejn u ħadd mhu se jwaqqfek milli taqdi lilu. L-​imħabba għal Ġeħova se timmotivak biex titgħammed u se tgħinek ukoll biex tibqaʼ leali lejh wara li tkun tgħammidt.

5. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

5 Ġesù qalilna li għandna nħobbu lil Ġeħova b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u b’saħħitna kollha. (Mk. 12:30) Kif nistgħu nitgħallmu nirrispettaw u nħobbu lil Ġeħova b’dan il-​mod? Meta naħsbu dwar l-​imħabba tiegħu lejna, se niġu motivati biex inħobbuh lura. (1 Ġw. 4:19) X’sentimenti u azzjonijiet oħra se jkollok ladarba tkun żviluppajt l-​iktar imħabba importanti? *

6. Skont Rumani 1:20, b’liema mod tistaʼ titgħallem dwar Ġeħova?

6 Tgħallem dwar Ġeħova mill-​ħolqien tiegħu. (Aqra Rumani 1:20; Riv. 4:11) Aħseb dwar il-​pjanti u l-​annimali li ħalaq Ġeħova u kif juru li hu intelliġenti ħafna. Sir af kif ġismek huwa magħmul b’mod tal-​għaġeb. (Salm 139:14) Aħseb dwar il-​qawwa li Ġeħova poġġa fix-​xemx. Din hi biss waħda minn biljuni taʼ stilel. * (Is. 40:26) Meta tagħmel hekk, ir-​rispett tiegħek lejn Ġeħova se jikber. Madankollu, li taf li Ġeħova huwa għaref u setgħan hija biss parti mill-​pedament tal-​ħbiberija li għandek miegħu. Biex ikollok imħabba kbira għal Ġeħova, għandek bżonn li tkun taf iktar dwaru.

7. Biex tħobb ħafna lil Ġeħova, minn xiex għandek tkun konvint?

7 Inti trid tkun konvint li Ġeħova jinteressah minnek personalment. Issibha diffiċli int biex temmen li l-​Ħallieq tas-​sema u l-​art jafek u jinteressah minnek? Jekk iva, ftakar li Ġeħova “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:26-​28) Hu “jgħarbel il-​qlub kollha,” u bħalma qal David lil Salamun, Ġeħova jwiegħdek li “jekk tfittxu, iħallik issibu.” (1 Kron. 28:9) Fil-​fatt, ir-​raġuni li int qed tistudja l-​Bibbja hija għax Ġeħova ‘ġibdek’ lejh. (Ġer. 31:3) Iktar ma tapprezza dak kollu li Ġeħova għamel għalik, iktar se tikber l-​imħabba tiegħek lejh.

8. Kif tistaʼ turi li tapprezza l-​imħabba taʼ Ġeħova?

8 Mod wieħed kif turi li tapprezza l-​imħabba taʼ Ġeħova hu billi titkellem miegħu permezz tat-​talb. L-​imħabba tiegħek se tikber hekk kif tgħidlu dak li jinkwetak, u wkoll tirringrazzjah taʼ dak kollu li jagħmel miegħek. U l-​ħbiberija bejnek u bejn Ġeħova se tkompli tissaħħaħ meta tara kif hu jwieġeb it-​talb tiegħek. (Salm 116:1) Int se tkun ċert li hu jifhmek. Imma biex tkompli tersaq qrib Ġeħova, għandek bżonn tifhem il-​mod kif jaħseb hu. Għandek bżonn tkun taf ukoll xi jrid minnek. L-​uniku mod kif tistaʼ tkun taf dan huwa billi tistudja l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja.

L-aħjar mod biex inkunu qrib t’Alla u nkunu nafu xi jrid minna, huwa billi nistudjaw il-Bibbja (Ara paragrafu 9) *

9. Kif tistaʼ turi li tapprezza l-​Bibbja?

9 Tgħallem apprezza l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Il-​Bibbja biss fiha l-​verità dwar Ġeħova u l-​iskop li għandu għalik. Int turi li tapprezza l-​Bibbja meta taqraha kuljum, tipprepara għall-​istudju tiegħek, u tapplika dak li titgħallem. (Salm 119:97, 99; Ġw. 17:17) Għandek skeda għall-​qari personali tal-​Bibbja? Tagħmel ċert li żżomm mal-​iskeda tiegħek taʼ li taqra l-​Bibbja kuljum?

10. Semmi xi ħaġa unika li nsibu fil-​Bibbja?

10 Xi ħaġa unika li nsibu fil-​Bibbja huma r-​rakkonti tan-​nies li raw lil Ġesù. Hija l-​unika ktieb li jispjega eżatt dak li Ġesù għamel għalik. Hekk kif titgħallem dak li Ġesù qal u għamel għalik, inti se tkun trid li jkollok ħbiberija miegħu.

11. Kif tistaʼ titgħallem tħobb lil Ġeħova?

11 Tgħallem ħobb lil Ġesù, u l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova se tikber. Għala? Għax Ġesù wera perfettament il-​kwalitajiet taʼ Missieru. (Ġw. 14:9) Mela iktar ma titgħallem dwar Ġesù, iktar se tifhem u tapprezza lil Ġeħova. Ftakar fil-​ħniena li wera Ġesù maʼ dawk li oħrajn kienu jqisuhom taʼ klassi baxxa minħabba li kienu foqra, morda, jew dgħajfin. Aħseb ukoll, fil-​pariri prattiċi li Ġesù jagħtik u kemm ħajtek tkun aħjar meta tismaʼ minnu.—Mt. 5:1-11; 7:24-27.

12. Meta titgħallem dwar Ġesù, x’għandu mnejn jimmotivak tagħmel?

12 L-​imħabba tiegħek għal Ġesù se ssir iktar b’saħħitha hekk kif taħseb dwar is-​sagrifiċċju li għamel għalina biex dnubietna jinħafru. (Mt. 20:28) Meta tifhem li Ġesù kien lest biex imut għalik, inti x’aktarx se tħossok motivat biex tindem u titlob maħfra lil Ġeħova. (Atti 3:19, 20; 1 Ġw. 1:9) U meta tkun tħobb lil Ġesù u lil Ġeħova, int se tersaq qrib dawk li jħossuhom bħalek.

13. Ġeħova xi pprovdielek?

13 Tgħallem ħobb lill-​familja taʼ Ġeħova. Il-​familja u l-​ħbieb tiegħek li mhumiex Xhieda jistaʼ jkun li ma jifhmux għala inti trid tiddedika ħajtek lil Ġeħova. Jistaʼ jkun li huma jiħduha kontrik. Ġeħova se jgħinek billi jipprovdilek familja spiritwali. Jekk tibqaʼ viċin din il-​familja spiritwali, inti ser issib l-​imħabba u l-​għajnuna li jkollok bżonn. (Mk. 10:29, 30; Ebr. 10:24, 25) Maż-​żmien, il-​membri tal-​familja tiegħek jistaʼ jkun li jingħaqdu miegħek biex jaqdu lil Ġeħova u jgħixu fi qbil mal-​livelli tiegħu.—1 Pt. 2:12.

14. Skont l-​1 Ġwanni 5:3, x’tgħallimt dwar il-​livelli taʼ Ġeħova?

14 Tgħallem apprezza u applika l-​livelli taʼ Ġeħova. Qabel ma sirt taf lil Ġeħova, forsi int kont tiddeċiedi għalik x’inhu tajjeb jew ħażin, imma issa tara li l-​livelli taʼ Ġeħova huma aħjar. (Salm 1:1-​3; aqra l-​1 Ġwanni 5:3.) Aħseb fil-​pariri tal-​Bibbja li hemm għall-​irġiel, nisa, ġenituri, u tfal. (Efes. 5:22-33; 6:1-4) Hekk kif applikajt dawn il-​pariri, rajt li l-​ħajja tal-​familja tiegħek qed tmur għall-​aħjar? Meta obdejt lil Ġeħova biex tagħżel il-​ħbieb tiegħek sewwa, id-​drawwiet personali tiegħek tjiebu? Tħossok persuna iktar kuntenta? (Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33) X’aktarx, it-​tweġiba għal dawn il-​mistoqsijiet se tkun iva.

15. X’għandek bżonn tagħmel jekk għandek bżonn l-​għajnuna biex tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja?

15 Xi kultant, għandu mnejn issibha diffiċli biex tifhem kif tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja li qed titgħallem. Huwa għalhekk li Ġeħova juża l-​organizzazzjoni tiegħu biex jipprovdilek materjal ibbażat fuq il-​Bibbja biex jgħinek tagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin. (Ebr. 5:13, 14) Meta taqra u tistudja dan il-​materjal, inti se tara kemm il-​prinċipji tal-​Bibbja huma speċifiċi u utli. U b’hekk, se tersaq eqreb lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

16. Ġeħova kif organizza n-​nies tiegħu?

16 Tgħallem ħobb u appoġġja l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ġeħova organizza n-​nies tiegħu f’kongregazzjonijiet; Ibnu, Ġesù, huwa l-​Mexxej fuqhom kollha. (Efes. 1:22; 5:23) Ġesù inkariga grupp żgħir taʼ rġiel midlukin biex jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol li hu jrid li jsir illum. Ġesù rrefera għal dan il-​grupp taʼ rġiel bħala “l-​ilsir leali u għaqli,” u huma jieħdu bis-​serjetà r-​responsabbiltà li għandhom biex jieħdu ħsiebek spiritwalment. (Mt. 24:45-47) Mod wieħed kif l-​ilsir leali u għaqli jieħu ħsiebek hu billi jkun ċert li rġiel kwalifikati jinħatru biex jipproteġuk. (Is. 32:1, 2; Ebr. 13:17; 1 Pt. 5:2, 3) L-​anzjani jagħmlu l-​almu tagħhom biex jieħdu ħsiebek fid-​diffikultajiet u jgħinuk issaħħaħ il-​ħbiberija li għandek maʼ Ġeħova. Imma waħda mill-​iktar affarijiet importanti li jistgħu jagħmlu għalik hija li jgħinuk tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova.—Efes. 4:11-13.

17. Skont Rumani 10:10, 13, 14, għala nitkellmu m’oħrajn dwar Ġeħova?

17 Għin lil oħrajn jitgħallmu jħobbu lil Ġeħova. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jgħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova. (Mt. 28:19, 20) Aħna nistgħu nobdu dan il-​kmand għax nafu li għandna nobduh. Imma meta l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova tikber, inti se tħossok bħall-​appostli Pietru u Ġwanni, li qalu: “Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.” (Atti 4:20) Meta ngħinu lil xi ħadd isir iħobb lil Ġeħova, se nħossuna ferħanin ħafna. Immaġina kemm ħassu ferħan l-​evanġelizzatur Filippu meta għen lill-​Etjopjan jitgħallem il-​verità mill-​Iskrittura u jitgħammed! Meta timita lil Filippu u tobdi l-​kmand taʼ Ġesù biex tipprietka, inti tagħti prova li trid tkun Xhud taʼ Ġeħova. (Aqra Rumani 10:10, 13, 14.) Imbagħad, x’aktarx se tistaqsi l-​istess mistoqsija li saqsa l-​Etjopjan: “X’qed iżommni milli nitgħammed?”—Atti 8:36.

18. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Inti se tieħu l-​iktar deċiżjoni importanti taʼ ħajtek meta tiddeċiedi li titgħammed. Minħabba li hija deċiżjoni importanti, inti trid taħseb sew dwarha. Xi trid tkun taf dwar il-​magħmudija? X’għandek tagħmel qabel u wara li titgħammed? Dawn il-​mistoqsijiet ser inwiġbuhom fl-​artiklu li jmiss.

GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu

^ par. 5 Xi wħud li jħobbu lil Ġeħova mhumiex ċerti jekk humiex lesti biex jitgħammdu u jsiru Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk tħossok hekk, dan l-​artiklu se jgħinek biex terġaʼ taħseb dwar xi affarijiet li tistaʼ tagħmel biex jimmotivawk titgħammed.

^ par. 5 Kull persuna hi differenti, għalhekk, xi wħud jistgħu japplikaw dawn is-​suġġerimenti f’ordni differenti minn kif qegħdin hawn.

^ par. 6 Għal iktar eżempji, ara s-​serje “Ġie Disinjat?” fuq jw.org. (Mur fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > IX-​XJENZA U L-​BIBBJA.)

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Waqt li oħt qed tixtri, tħalli fuljett lit-tfajla li qiegħda tbigħ.