Kont taf?
Apparti l-Bibbja, x’hemm iktar li juri li l-Iżraelin kienu skjavi fl-Eġittu?
Il-Bibbja tgħid li wara li l-Midjanin ħadu lil Ġużeppi l-Eġittu, missieru Ġakobb u l-familja tiegħu telqu minn Kangħan biex jgħixu l-Eġittu. Huma bdew joqogħdu f’reġjun Eġizzjan jismu Gosen, fejn ix-Xmara Nil tmiss mal-Baħar Mediterran. (Ġen. 47:1, 6) L-Iżraelin “komplew joktru u jsiru iktar setgħanin.” Allura l-Eġizzjani bdew jibżgħu mill-Iżraelin u għamluhom skjavi.—Eżo. 1:7-14.
Dan l-aħħar kien hemm xi kritiċi li rredikolaw dan ir-rakkont tal-Bibbja billi qalu li hu ħrafa. Madankollu, hemm x’juri li s-Semiti * għexu bħala skjavi fl-Eġittu tal-qedem.
Pereżempju, xi arkeoloġi sabu fdalijiet antiki tas-Semiti li marru jgħixu n-naħa taʼ fuq tal-Eġittu. Fil-fatt, l-istudjuż tal-Bibbja John Bimson irrapporta li minn tal-inqas hemm 20 ħaġa li turi li s-Semiti marru joqogħdu fin-naħa taʼ fuq tal-Eġittu. Iktar minn hekk, James K. Hoffmeier, studjuż dwar l-Eġittu tal-qedem, qal: “Bejn wieħed u ieħor, fil-perjodu bejn l-1800 u l-1540 qabel Kristu (QK), in-nies li kienu jitkellmu l-lingwa Semitika min-naħa tal-Punent tal-Asja [minn fejn ġiet il-familja taʼ Ġakobb] kienu jixtiequ jmorru jgħixu l-Eġittu.” Hu jżid jgħid: “Dan il-perjodu jaħbat maż-żmien li kienu jgħixu Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u allura jaqbel mal-perjodu u ċ-ċirkustanzi mniżżlin f’Ġenesi.”
Hemm iktar provi fin-naħa t’isfel tal-Eġittu. Fdal taʼ papiru li bejn wieħed u ieħor ilu jeżisti mis-sena 1800 QK fih ismijiet taʼ skjavi li ħadmu f’dar fin-naħa t’isfel tal-Eġittu. Iktar minn 40 isem minnhom kienu Semiti. Dawn l-iskjavi, jew qaddejja, kienu jsajru, iħitu, u jagħmlu xogħol iebes ieħor. Hoffmeier jinnota: “Ladarba nstabu iktar minn erbgħin Semit li ħadmu f’dar waħda f’Tebajde [in-naħa t’isfel tal-Eġittu], aktarx li kien hemm ammont taʼ Semiti mhux ħażin li għexu fl-Eġittu, speċjalment man-naħa taʼ fuq tax-Xmara [Nil].”
L-arkeologu David Rohl kiteb li xi ftit mill-ismijiet tal-iskjavi fuq il-lista jixbhu lil dawk tal-Bibbja. Pereżempju, il-lista fiha ismijiet li huma simili għal Issakar, Aser, u Sifra. (Eżo. 1:3, 4, 15) Rohl jikkonkludi: “Dan juri b’mod ċar li l-Iżraelin kienu l-Eġittu bħala skjavi.”
L-istudjuż Bimson jgħid: “Hemm provi storiċi li, kif tgħid il-Bibbja, juru li l-Iżraelin kienu skjavi fl-Eġittu u mbagħad ħarġu.”
^ par. 4 Il-kelma Semiti ġejja mill-isem Sem, wieħed mit-tliet subien taʼ Noè. Id-dixxendenti taʼ Sem aktarx jinkludu l-Għelamin, l-Assirjani, il-Kaldin tal-bidu, il-Lhud, is-Sirjani, u tribujiet differenti mill-Arabja.