ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 14
“B’Dan Ikun Jaf Kulħadd li Intom Dixxipli Tiegħi”
“B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—ĠW. 13:35.
GĦANJA 106 Nikkultivaw il-kwalità tal-imħabba
ĦARSA BIL-QUDDIEM a
1. Ħafna nies x’jinnotaw meta jiġu l-laqgħat għall-ewwel darba? (Ara l-istampa.)
IMMAĠINA koppja miżżewġa tattendi laqgħa għall-ewwel darba fis-Sala tas-Saltna. Huma jibqgħu impressjonati meta jaraw kif l-aħwa laqgħuhom u l-imħabba li wrew bejniethom. Huma u sejrin lura d-dar il-mara tgħid lir-raġel, ‘Dawn in-nies huma differenti u ħadt pjaċir ħafna magħhom.’
2. Xi aħwa għala waqfu jaqdu lil Ġeħova?
2 L-imħabba li għandhom in-nies taʼ Ġeħova hi speċjali. Imma x-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex perfetti. (1 Ġw. 1:8) Allura iktar ma nsiru nafu lill-aħwa, iktar se naraw id-difetti tagħhom. (Rum. 3:23) B’dispjaċir xi aħwa waqfu jaqdu lil Ġeħova minħabba l-imperfezzjonijiet t’oħrajn.
3. Minn xiex jintgħarfu d-dixxipli veri taʼ Ġesù? (Ġwanni 13:34, 35)
3 Aħseb dwar l-iskrittura prinċipali tal-artiklu. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) In-nies kif kienu se jindunaw min huma l-Kristjani veri? Il-Bibbja ma qalitx li se jkunu perfetti imma li se juru l-imħabba lejn xulxin. U nnota li Ġesù ma qalx: ‘B’dan tkunu tafu li intom dixxipli tiegħi.’ Imma qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi.” B’hekk, Ġesù wera li d-dixxipli tiegħu u nies oħrajn se jindunaw min huma d-dixxipli veri mill-imħabba taʼ bejniethom.
4. Xi nies xi jsaqsu dwar il-Kristjani veri?
4 Nies li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova forsi jsaqsu: ‘L-imħabba kif tgħinna nkunu nafu min huma d-dixxipli veri? Ġesù kif wera li jħobb lill-appostli tiegħu? U kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?’ Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu tajjeb li jaħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet. Dan se jgħinna biex nuru iżjed imħabba lejn xulxin speċjalment meta naraw id-difetti t’oħrajn.—Efes. 5:2.
L-IMĦABBA GĦALA TURI MIN HUMA D-DIXXIPLI VERI TAʼ ĠESÙ?
5. Spjega x’ried ifisser Ġesù fi Ġwanni 15:12, 13.
5 Ġesù wera li d-dixxipli tiegħu kienu se juru mħabba speċjali bejniethom. (Aqra Ġwanni 15:12, 13.) Ġesù kkmandahom: ‘Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.’ Dan xi jfisser? Ifisser li tħobb lill-oħrajn iktar minnek innifsek jew li tant tkun tħobb lil xi ħadd li tkun lest li tmut għalih. b
6. Il-Bibbja kif turi kemm hi importanti l-imħabba?
6 Il-Bibbja tgħallimna li l-imħabba hi importanti ħafna. Pereżempju l-versi favoriti taʼ ħafna nies huma: “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” (Mt. 22:39) “L-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pt. 4:8) “L-imħabba ma tbatti qatt.” (1 Kor. 13:8) Dawn il-versi u ħafna oħrajn juruna ċar kemm hu importanti li nuru din il-kwalità sabiħa.
7. Satana għala ma jistax jgħallem lin-nies ikunu magħqudin u jħobbu lil xulxin?
7 Ħafna nies isaqsu: ‘Kif nistaʼ nkun naf liema hi r-reliġjon vera? Ir-reliġjonijiet kollha jgħidu li jgħallmu l-verità imma kollha jgħallmu xi ħaġa differenti dwar Alla.’ Satana għamel ħafna reliġjonijiet foloz u dan għamilha diffiċli għan-nies biex ikunu jafu liema hi r-reliġjon vera. Imma hu ma jistax iġiegħel lil ħafna nies minn madwar id-dinja kollha jħobbu lil xulxin. Ġeħova biss jistaʼ jgħaqqad lin-nies flimkien għax l-imħabba tiġi mingħandu. In-nies li għandhom l-ispirtu taʼ Ġeħova u l-barka tiegħu biss jistaʼ jkollhom l-imħabba vera. (1 Ġw. 4:7) Għalhekk, Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu biss se jkollhom imħabba vera bejniethom.
8-9. Ħafna nies kif ġew affettwati mill-imħabba li wrew ix-Xhieda taʼ Ġeħova?
8 Bħalma qal Ġesù, ħafna nies jaraw min huma d-dixxipli vera tiegħu mill-imħabba taʼ bejniethom. Ħu jismu Ian jiftakar l-ewwel konvenzjoni li mar u li saret fi grawnd viċin id-dar tiegħu. Ftit xhur qabel Ian kien mar fl-istess grawnd biex jara logħba. Hu qal: “In-nies fil-konvenzjoni ġabu ruħhom differenti ħafna min-nies li kienu qed jaraw il-logħba. Ix-Xhieda kienu edukati u lebsin pulit, u t-tfal ġabu ruħhom sew. Huma kienu jidhru ferħanin u fil-paċi. Din kienet xi ħaġa li xtaqt f’ħajti. Ma niftakar xejn mit-taħditiet imma niftakar kif ġabu ruħhom ix-Xhieda.” c Aħna nġibu ruħna b’dan il-mod għax inħobbu lil xulxin. Għalhekk aħna nirrispettaw u nuru qalb tajba maʼ xulxin.
9 Ħu jismu John ħassu l-istess meta beda jattendi l-laqgħat. Hu qal: “Impressjonajt ruħi kemm in-nies kienu orrajt, . . . tant li ħsibt li huma perfetti. L-imħabba li wrew ikkonvinċietni li sibt ir-reliġjon vera.” d Din l-esperjenza u ħafna oħrajn juru li n-nies taʼ Ġeħova huma l-Kristjani veri.
10. Liema hi l-aqwa opportunità biex nuru mħabba Kristjana? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
10 Bħalma diġà semmejna, ħadd mill-aħwa mhu perfett. Kultant jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jirrabjawna. e (Ġak. 3:2) Meta jiġri hekk, ikollna ċ-ċans li nuruhom li nħobbuhom b’dak li ngħidu u nagħmlu. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù.—Ġw. 13:15.
ĠESÙ KIF WERA LI JĦOBB LILL-APPOSTLI?
11. Liema kwalitajiet ħżiena wrew Ġakbu u Ġwanni? (Ara l-istampa.)
11 Ġesù ma stenniex li d-dixxipli tiegħu jkunu perfetti. Imma bi mħabba għenhom jaħdmu fuq il-personalità tagħhom u jagħmlu l-bidliet ħalli jogħġbu lil Ġeħova. Darba waħda, tnejn mill-appostli, Ġakbu u Ġwanni, qalu lil ommhom biex tgħid lil Ġesù ħalli jtihom pożizzjoni tajba fis-Saltna. (Mt. 20:20, 21) B’hekk, Ġakbu u Ġwanni wrew li kienu kburin u li riedu jkunu iktar importanti mill-oħrajn.—Prov. 16:18.
12. Ġakbu u Ġwanni biss urew kwalitajiet ħżiena? Spjega.
12 Dakinhar mhux Ġwanni u Ġakbu biss urew kwalitajiet ħżiena. Dwar l-appostli l-oħra l-Bibbja tgħid: “Meta l-għaxra l-oħra semgħu dan, xejn ma ħadu pjaċir biż-żewġ aħwa.” (Mt. 20:24) Nistgħu nimmaġinaw li Ġwanni, Ġakbu, u l-appostli l-oħra kellhom xi jgħidu. Forsi l-appostli l-oħra qalu: ‘Intom tridu pożizzjoni aħjar għax taħsbu li aħjar minna? Mhux intom biss ħdimtu iebes maʼ Ġesù. Aħna wkoll jixirqilna li jkollna pożizzjoni tajba fejn Ġesù!’ Qalu x’qalu, dakinhar insew li dejjem għandhom juru qalb tajba u mħabba.
13. Ġesù x’għamel meta l-appostli ma wrewx kwalitajiet tajbin? (Mattew 20:25-28)
13 Ġesù x’għamel? Hu ma rrabjax. Hu ma qalx li kien se jmur ifittex irġiel iktar umli minnhom u li juru iktar imħabba biex ikunu appostli aħjar. Minflok Ġesù kien paċenzjuż magħhom għax kien jaf li jixtiequ jagħmlu t-tajjeb. (Aqra Mattew 20:25-28.) Ġesù dejjem kien qalbu tajba mal-appostli anki meta kienu jargumentaw dwar min hu l-ikbar minnhom.—Mk. 9:34; Lq. 22:24.
14. Il-kultura li trabbew fiha d-dixxipli taʼ Ġesù kif affettwathom?
14 Ġesù żgur ftakar li l-kultura li kibru fiha l-appostli kienet affettwathom. (Ġw. 2:24, 25) L-iskribi Lhud u l-Fariżej kienu jgħallmu li n-nies kienu jkunu importanti biss jekk ikollhom pożizzjoni għolja. (Mt. 23:6; ara l-artiklu “Is-Sinagoga—Fejn Ippritkaw Ġesù u d-Dixxipli Tiegħu” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 2010, pp. 16-18.) Il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu jaħsbu li huma aħjar minn oħrajn. f (Lq. 18:9-12) Ġesù fehem li dan kollu setaʼ jaffettwa l-mod kif l-appostli jħarsu lejhom infushom u lejn oħrajn. (Prov. 19:11) Hu ma kienx jistenna li d-dixxipli qatt mhu se jiżbaljaw u dejjem kien paċenzjuż magħhom meta żbaljaw. Ġesù kien jaf li huma xtaqu jagħmlu dak li hu tajjeb. Allura, bil-paċenzja għallimhom kif ikunu iktar umli u jħobbu lil oħrajn minflok ma jipprovaw ikunu aħjar minnhom.
KIF NISTGĦU NIMITAW L-EŻEMPJU TAʼ ĠESÙ?
15. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lil Ġwanni, Ġakbu, u l-appostli l-oħra?
15 Nistgħu nitgħallmu ħafna minn dak li għamlu Ġakbu u Ġwanni. Ma kienx tajjeb li Ġakbu u Ġwanni saqsew lil Ġesù biex ikollhom pożizzjoni għolja fis-Saltna. Imma l-appostli l-oħra wkoll għamlu ħażin. Huma ma pprovawx jibqgħu magħqudin. Imma Ġesù kien qalbu tajba u kien iħobb lit-tnax-il appostlu. X’nitgħallmu? Oħrajn jistgħu jweġġgħuna, imma aħna kif se nirreaġixxu għall-iżball tagħhom? X’jistaʼ jgħinna? Meta nkunu rrabjati għal xi ħu jew oħt, tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Dak li għamel għala qed idejjaqni? Qed juri li għandi bżonn naħdem fuq xi ħaġa? Il-persuna li weġġgħetni għaddejja minn xi problemi? Jekk inħoss li għandi raġun, nistaʼ nuri li nħobb lill-persuna u naħfrilha?’ Meta nħobbu lil xulxin nuru li aħna dixxipli veri taʼ Ġesù.
16. X’nistgħu nitgħallmu iktar mill-eżempju taʼ Ġesù?
16 Minn Ġesù nitgħallmu wkoll li għandna nipprovaw nifhmu lill-aħwa. (Prov. 20:5) Ġesù setaʼ jara x’għandhom f’qalbhom imma aħna le. Imma xorta nistgħu nuru paċenzja maʼ ħutna meta jirrabjawna jew iweġġgħuna. (Efes. 4:1, 2; 1 Pt. 3:8) Se jkun iktar faċli għalina biex nagħmlu hekk meta nsiru nafuhom sew. Aħseb dwar l-eżempju li ġej.
17. Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet kif ibbenefika meta sar jaf lil ħu aħjar?
17 Indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jiftakar ħu f’waħda mill-kongregazzjonijiet li kien iżur fl-Afrika. Għall-ewwel ħaseb li dan il-ħu ma kienx qalbu tajba. L-indokratur x’għamel? Hu jgħid: “Minflok ma bdejt nevitah iddeċidejt li nsir nafu aħjar.” Meta hu qattaʼ l-ħin mal-ħu, sar jaf kif kien trabba u kif dan affettwa l-mod kif jittratta lil oħrajn. L-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jgħid: “Meta sirt naf kemm kien diffiċli għalih biex jagħmel il-bidliet li xtaq ħalli jkun jistaʼ jmur tajjeb m’oħrajn u dwar il-bidliet li kien diġà għamel, bdejt nammirah. Imbagħad sirna ħbieb kbar.” Meta aħna nipprovaw nifhmu lill-aħwa, żgur li se jkun iktar faċli għalina biex nuru li nħobbuhom.
18. Jekk ikun weġġagħna xi ħu jew oħt, liema mistoqsijiet għandna nistaqsu? (Proverbji 26:20)
18 Xi kultant forsi nħossu li għandna nkellmu lil ħu jew oħt li tkun weġġgħetna. Imma l-ewwel ikun aħjar jekk nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal: ‘Nifhem eżatt dak li ġara?’ (Prov. 18:13) ‘Jistaʼ jkun li ma weġġagħnix apposta?’ (Ekk. 7:20) ‘Jien ġieli għamilt żball simili?ʼ (Ekk. 7:21, 22) ‘Jekk nitkellem mal-persuna dwar il-problema se nkompli nkabbarha?’ (Aqra Proverbji 26:20.) Meta noqogħdu naħsbu fuq dawn il-mistoqsijiet, nistgħu nindunaw li l-imħabba tistaʼ tgħinna ninsew dak li ġara.
19. X’int determinat li tagħmel?
19 Ix-Xhieda taʼ Ġeħova juru li huma dixxipli taʼ Ġesù billi juru li jħobbu lil xulxin. Kull wieħed minna juri li hu dixxiplu veru taʼ Ġesù meta nħobbu lill-aħwa minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. Meta nuru mħabba vera, inkunu qed ngħinu lil oħrajn jaraw li din hi r-reliġjon vera u jibdew jaqdu lil Ġeħova, l-Alla tal-imħabba. Ejja nkunu determinati li nkomplu nuru l-imħabba li turi li aħna Kristjani veri.
GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’
a Ħafna nies ikunu jixtiequ jitgħallmu dwar il-verità għax jaraw l-imħabba vera taʼ bejnietna. Imma aħna m’aħniex perfetti, allura kultant insibuha diffiċli biex nuru li nħobbu lil xulxin. F’dan l-artiklu se naraw għala l-imħabba hi importanti u kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta oħrajn jiżbaljaw.
b Ara l-ktieb “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi,” kap. 17, para. 10-11.
c Fittex “Issa Għandi Ħajja Ferħana” taħt “Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet” fuq jw.org biex taqra l-artiklu.
d Ara l-artiklu “Ħajti kienet tidher tajba,” f’It-Torri tal-Għassa tal-1 t’Ottubru 2012, pp. 20-21.
e Dan l-artiklu mhux qed jitkellem dwar dnubiet li jieħdu ħsieb l-anzjani, bħal dawk li jissemmew fl-1 Korintin 6:9, 10.
f Iżjed tard rabbi Lhudi qal: “Fid-dinja hemm minn tal-inqas tletin raġel li huma ġusti bħal Abraham. Jekk hemm tletin, jien u t-tifel tiegħi tnejn minnhom. Jekk hemm għaxra, jien u t-tifel tiegħi tnejn minnhom. Jekk hemm ħamsa, jien u t-tifel tiegħi tnejn minnhom. Jekk hemm tnejn, huma jien u t-tifel tiegħi. Jekk hemm wieħed, hu jien.”