Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 10

Għala Għandek Titgħammed?

Għala Għandek Titgħammed?

“Ħa jitgħammed kull wieħed minnkom.”—ATTI 2:38.

GĦANJA 34 Nimxu bl-integrità

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Spiss x’jiġri meta xi ħadd jitgħammed, u x’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

 ĠIELI rajt lil xi wħud se jitgħammdu? Meta tismagħhom iwieġbu ż-żewġ mistoqsijiet taʼ qabel jitgħammdu, tinduna kemm huma konvinti. Tara kemm tal-familja u l-ħbieb tagħhom huma ferħanin bihom. Hekk kif il-kandidati jitilgħu mill-ilma, tismaʼ l-aħwa jċapċpu u tara t-tbissima fuq wiċċhom. Kull ġimgħa eluf jiddedikaw ħajjithom lil Alla Ġeħova u jitgħammdu.

2 Xi ngħidu għalik? Jekk qed taħseb biex titgħammed, int persuna speċjali għax ‘qed tfittex lil Ġeħova’ f’din id-dinja ħażina. (Salm 14:1, 2) Dan l-artiklu ġie miktub għalik, sew jekk int kbir u sew jekk int żgħir. Imma dawk li huma mgħammdin ukoll iridu jsaħħu d-determinazzjoni tagħhom biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova għal dejjem. Mela ejja niddiskutu tlieta mill-ħafna raġunijiet li għandna biex naqdu lil Ġeħova.

INT TĦOBB IL-VERITÀ U DAK LI HU TAJJEB

Satana ilu jħammeġ isem Ġeħova għal eluf taʼ snin u għadu jagħmel hekk sal-lum (Ara paragrafi 3-4)

3. Il-qaddejja taʼ Ġeħova għala jħobbu l-verità u dak li hu tajjeb? (Salm 119:128, 163)

3 Ġeħova kkmanda lin-nies tiegħu biex ‘iħobbu l-verità.’ (Żak. 8:19) Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex ikunu ġusti. (Mt. 5:6) Dan ifisser li wieħed għandu jkollu xewqa kbira biex jagħmel dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Int tħobb il-verità u dak li hu tajjeb? Aħna m’għandniex dubju. Int tobgħod il-gideb u dak li hu ħażin. (Aqra Salm 119:128, 163.) Xi ħadd li jigdeb ikun qed jimita lil Satana, il-mexxej taʼ din id-dinja. (Ġw. 8:44; 12:31) Waħda mill-miri taʼ Satana hi li jħammeġ l-isem qaddis t’Alla. Satana ilu jigdeb dwar Alla minn żmien Adam u Eva. Hu pprova jġiegħel lin-nies jaħsbu li Ġeħova hu egoist u mhux mexxej onest. Hu pprova jġegħelhom jaħsbu wkoll li Ġeħova ma riedx itihom affarijiet tajbin. (Ġen. 3:1, 4, 5) Il-gideb li Satana qal dwar Ġeħova kompla jġiegħel lin-nies jaħsbu ħażin dwar Alla. Meta n-nies jagħżlu li ma jħobbux il-verità, Satana jistaʼ jinfluwenzahom biex jagħmlu dak li hu ħażin.—Rum. 1:25-31.

4. Ġeħova kif juri li hu “l-Alla tal-verità”? (Ara l-istampa.)

4 Ġeħova hu “l-Alla tal-verità,” u b’mod ġeneruż jgħallem il-verità lil dawk li jħobbuh. (Salm 31:5) B’hekk, hu jgħinhom biex ma jibqgħux jemmnu l-gideb taʼ Satana. Ġeħova jgħallem ukoll lill-qaddejja tiegħu biex ikunu onesti u ġusti. Dan jgħinhom biex ikollhom iżjed paċi u rispett lejhom infushom. (Prov. 13:5, 6) Meta studjajt il-Bibbja, għamel hekk miegħek? Int tgħallimt li l-mod kif Ġeħova jridna ngħixu ħajjitna huwa l-aqwa mod għal kulħadd. (Salm 77:13) Għalhekk, int trid tagħmel dak li Alla jgħid li hu tajjeb. (Mt. 6:33) Int trid taqsam il-verità m’oħrajn u tagħti prova li dak li qal Satana dwar Alla Ġeħova mhux veru. Kif tistaʼ tagħmel dan?

5. Kif tistaʼ żżomm mal-verità u dak li hu tajjeb?

5 Int tistaʼ tagħżel li tgħix ħajtek bħallikieku tkun qed tgħid: “Jien mhux se naċċetta l-gideb taʼ Satana, u se nżomm mal-verità.” Int tistaʼ turi li trid lil Ġeħova bħala l-mexxej tiegħek u li trid tagħmel dak li jgħid li hu tajjeb. Kif? Itlob lil Ġeħova u wiegħedu li se taqdih għal dejjem, u mbagħad tgħammed. Li tkun tħobb il-verità u dak li hu tajjeb huwa importanti ħafna biex tiddeċiedi li titgħammed.

INT TĦOBB LIL ĠESÙ KRISTU

6. Skont Salm 45:4, għala għandna nħobbu lil Ġesù Kristu?

6 Għala tħobb lil Ġesù Kristu? Innota xi raġunijiet tajbin li nsibu f’​Salm 45:4. (Aqra.) Ġesù jħobb il-verità, l-umiltà, u l-ġustizzja. Jekk tħobb il-verità u dak li hu tajjeb, mela tħobb lil Ġesù Kristu wkoll. Aħseb dwar kif b’kuraġġ iddefenda l-verità u dak li hu tajjeb. (Ġw. 18:37) Ġesù kif jgħallimna nkunu umli?

7. X’jogħġbok l-iktar dwar l-umiltà taʼ Ġesù?

7 Ġesù jgħallimna kif inkunu umli bl-eżempju tiegħu. Hu qatt ma ġibed l-attenzjoni lejh, imma dejjem faħħar lil Missieru. (Mk. 10:17, 18; Ġw. 5:19) Int kif tħossok dwar l-umiltà li wera Ġesù? Żgur li timmotivak biex tħobbu u timxi fuq l-eżempju tiegħu. Ġesù għala hu umli? Għax iħobb u jimita lil Missieru, li hu umli. (Salm 18:35; Ebr. 1:3) Ma jġegħlekx tersaq eqreb lejn Ġesù l-fatt li jimita b’mod perfett il-kwalitajiet taʼ Missieru?

8. Aħna għala ferħanin li Ġesù hu r-Re tagħna?

8 Aħna nħobbu lir-Re tagħna Ġesù għax hu l-aqwa Mexxej. Ġeħova ttrennja lil Ibnu u tah l-awtorità biex imexxi. (Is. 50:4, 5) Aħseb ukoll dwar l-imħabba kbira li wera Ġesù. (Ġw. 13:1) Minħabba li hu r-Re tiegħek jixraqlu li tħobbu. Hu qal li dawk li vera jħobbuh iqishom bħala l-ħbieb tiegħu. Huma juru li jħobbuh billi jobdu l-kmandamenti tiegħu. (Ġw. 14:15; 15:14, 15) Xi privileġġ għandna li nkunu l-ħbieb taʼ Ġesù!

9. Il-magħmudija tal-Kristjani kif inhi simili għal dik taʼ Kristu?

9 Wieħed mill-kmandamenti taʼ Ġesù hu li d-dixxipli tiegħu jitgħammdu. (Mt. 28:19, 20) Hu ħallielna eżempju. Għalkemm il-magħmudija tiegħu kienet differenti minn tagħna, hemm xi affarijiet li huma simili. (Ara l-kaxxa “ Il-Magħmudija taʼ Ġesù Kif Inhi Differenti minn tad-Dixxipli Tiegħu?”) Meta Ġesù tgħammed, hu wera li kien lest li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru. (Ebr. 10:7) Meta d-dixxipli taʼ Kristu jitgħammdu, huma juru li ddedikaw ħajjithom lil Alla Ġeħova. Issa l-iktar ħaġa importanti għalihom hi li jagħmlu dak li jrid Alla u mhux dak li jogħġob lilhom. B’hekk, huma jimxu fuq l-eżempju tal-Mexxej tagħhom.

10. X’raġunijiet għandek biex tħobb lil Ġesù u dan x’jimmotivak tagħmel?

10 Int temmen li Ġesù hu l-uniku Tifel taʼ Ġeħova u ferħan li hu r-Re li Alla għażel biex imexxina. Int taf li Ġesù hu umli u li jimita lil Missieru b’mod perfett. Tgħallimt li hu temaʼ lil dawk bil-ġuħ, għen lil dawk li kienu skuraġġiti, u fejjaq lill-morda. (Mt. 14:14-21) Int tara kif hu jmexxi lill-kongregazzjoni tiegħu llum. (Mt. 23:10) U taf li fil-futur se jagħmel iktar minn hekk bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. Kif tistaʼ turi li tħobbu? Billi timitah. (Ġw. 14:21) L-ewwel ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed.

INT TĦOBB LIL ALLA ĠEĦOVA

11. X’inhi l-iktar raġuni importanti biex titgħammed?

11 X’inhi l-iktar raġuni importanti biex titgħammed? Ġesù wriena liema hu l-ikbar kmandament t’Alla meta qal: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Mk. 12:30) Int tħobbu b’dan il-mod lil Alla?

Kull ħaġa tajba li gawdejt u li se tgawdi ġejja mingħand Ġeħova (Ara paragrafi 12-13)

12. Għala tħobb lil Ġeħova? (Ara l-istampa.)

12 Għandna ħafna raġunijiet għala għandna nħobbu lil Ġeħova. Pereżempju, int sirt taf li hu ‘l-wieħed li jagħti l-ħajja’ u li “kull għotja tajba u kull rigal perfett” ġejjin mingħandu. (Salm 36:9; Ġak. 1:17) Kull ħaġa tajba li tgawdi ġejja mingħand Ġeħova, li hu ġeneruż u mimli mħabba.

13. Il-fidwa għala hi rigal tal-għaġeb?

13 Il-fidwa hija rigal tal-għaġeb li tana Ġeħova. Għala ngħidu dan? Aħseb dwar il-ħbiberija kbira bejn Ġeħova u Ġesù. Ġesù qal li l-Missier iħobbu u li hu jħobb lill-Missier. (Ġw. 10:17; 14:31) Huma kellhom ħbiberija speċjali bejniethom minħabba li għexu flimkien għal miljuni taʼ snin. (Prov. 8:22, 23, 30) Immaġina kemm weġġaʼ Ġeħova meta ħalla lil Ibnu jbati u jmut. Ġeħova jħobb lil kulħadd, anki lilek, tant li kien lest li jibgħat lil Ibnu biex imut bħala sagrifiċċju biex int u oħrajn tkunu tistgħu tgħixu għal dejjem. (Ġw. 3:16; Gal. 2:20) Din hi l-ikbar raġuni għala għandna nħobbu lil Alla.

14. X’inhi l-aħjar deċiżjoni li tistaʼ tieħu f’ħajtek?

14 L-imħabba tiegħek għal Ġeħova kibret għax tgħallimt iktar dwaru. Bla dubju int trid tibqaʼ tersaq qrib tiegħu għal dejjem. Din hi xi ħaġa li tistaʼ tagħmel. Hu jinkuraġġik biex tagħmlu ferħan. (Prov. 23:15, 16) Int tistaʼ tagħmel dan mhux biss b’dak li tgħid imma anki b’dak li tagħmel. Il-mod kif tgħix ħajtek se juri kemm veru tħobb lil Ġeħova. (1 Ġw. 5:3) Din hi l-aħjar deċiżjoni li tistaʼ tieħu.

15. Kif tistaʼ turi l-imħabba tiegħek għal Ġeħova?

15 Kif tistaʼ turi l-imħabba tiegħek għal Ġeħova? L-ewwel, billi tagħmel talba speċjali li fiha tiddedika lilek innifsek lill-uniku Alla veru. (Salm 40:8) Imbagħad turi din id-dedikazzjoni lil oħrajn billi titgħammed. Bħalma ddiskutejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu, il-magħmudija hi xi ħaġa taʼ ferħ u importanti fil-ħajja tiegħek. Int tibda tgħix ħajja ġdida, mhux għalik innifsek imma għal Ġeħova. (Rum. 14:8; 1 Pt. 4:1, 2) Din tinstemaʼ deċiżjoni importanti, u hekk hi. Imma tagħtik l-opportunità biex tgħix l-aqwa ħajja. Kif?

16. Skont Salm 41:12, Ġeħova kif se jippremja lil dawk li jagħżlu li jaqduh?

16 Ġeħova hu l-iktar persuna ġeneruża. Tagħmel kemm tagħmel għalih, hu dejjem se jagħtik ħafna iktar. (Mk. 10:29, 30) Hu se jagħtik l-aqwa ħajja possibbli li tistaʼ tgħix, anki f’din id-dinja ħażina. U dan għadu l-bidu. Il-ħajja li tibda meta titgħammed m’għandhiex għalfejn tispiċċa. Int tistaʼ tibqaʼ taqdi lil Ġeħova għal dejjem. L-imħabba taʼ bejnietkom se tkompli tikber u int se tkun tistaʼ tgħix għal dejjem bħalu.—Aqra Salm 41:12.

17. X’tistaʼ tagħti lil Ġeħova?

17 Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed, ikollok il-privileġġ li tagħti xi ħaġa prezzjuża lil Missierek tas-sema. Kull ħaġa tajba li għandek u kull ħaġa sabiħa li għaddejt minnha ġew mingħand Ġeħova. Għalhekk, meta taqdih b’mod leali tkun qed tagħti xi ħaġa lura lill-Ħallieq taʼ kollox. (Ġob 1:8; 41:11; Prov. 27:11) Dan żgur hu l-aħjar mod kif tgħix ħajtek. Bla dubju, l-imħabba tiegħek għal Ġeħova hi l-aqwa raġuni biex titgħammed.

LEST BIEX TITGĦAMMED?

18. Liema mistoqsijiet tistaʼ ssaqsi lilek innifsek?

18 Lest biex titgħammed? Int biss taf it-tweġiba. Imma jkun t’għajnuna jekk issaqsi lilek innifsek, ‘Għala qed nistenna biex nitgħammed?’ (Atti 8:36) Aħseb fit-tliet raġunijiet li għadna kif iddiskutejna. L-ewwel, int tħobb il-verità u dak li hu tajjeb. Saqsi lilek innifsek, ‘Nixtieq li jasal dak iż-żmien meta kulħadd jgħid il-verità u jagħmel dak li hu tajjeb?’ It-tieni, int tħobb lil Ġesù Kristu. Saqsi lilek innifsek, ‘Jien irrid li Ġesù jkun ir-Re tiegħi u nimxi fuq l-eżempju tiegħu?ʼ U t-tielet, l-iktar ħaġa importanti hi li tħobb lil Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘Nixtieq inferraħ lil Ġeħova billi naqdih?’ Jekk it-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet tkun iva, allura x’qed iżommok lura milli titgħammed?—Atti 16:33.

19. Għala m’għandekx iżżomm lura milli titgħammed? Agħti eżempju. (Ġwanni 4:34)

19 Jekk qed iżżomm lura milli titgħammed, aħseb dwar l-eżempju li qal Ġesù. (Aqra Ġwanni 4:34.) Innota kif Ġesù qabbel li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru mal-ikel. Għala? Għax l-ikel hu tajjeb għalina. Ġesù kien jaf li dak kollu li jitlobna nagħmlu Ġeħova hu tajjeb għalina. Hu ma jridniex nagħmlu xi ħaġa li tagħmlilna l-ħsara. Ġeħova jridek titgħammed. (Atti 2:38) Għalhekk, tistaʼ tkun ċert li jekk tobdi dan il-kmand se jkun għall-ġid tiegħek. Jekk int ma żżommx lura milli tiekol l-aqwa ikla, għala qed iżżomm lura milli titgħammed?

20. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

20 Xi wħud għala jdumu biex jitgħammdu? Ħafna forsi jgħidu, “Għadni mhux lest.” Id-deċiżjoni li tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed se tkun l-iktar deċiżjoni importanti f’ħajtek. Għalhekk, hemm bżonn li taħseb sew dwarha, u dan jieħu ż-żmien. U trid tagħmel sforz biex tikkwalifika. Imma jekk tixtieq titgħammed, x’tistaʼ tagħmel issa biex tipprepara lilek innifsek? It-tweġiba għal din il-mistoqsija se nikkunsidrawha fl-artiklu li jmiss.

GĦANJA 28 Niksbu l-ħbiberija taʼ Ġeħova

a Il-magħmudija hi xi ħaġa importanti ħafna għal kull student tal-Bibbja. X’jistaʼ jgħin lil student biex jitgħammed? F’kelma waħda, l-imħabba. Imma mħabba għal xiex, u għal min? F’dan l-artiklu se nsibu t-tweġibiet u se niddiskutu x’tip taʼ ħajja jistaʼ jkollna meta nsiru Kristjani mgħammdin.