Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11

Kif Tistaʼ Tkun Lest Biex Titgħammed?

Kif Tistaʼ Tkun Lest Biex Titgħammed?

“X’qed iżommni milli nitgħammed?”—ATTI 8:36.

GĦANJA 50 It-talba tiegħi taʼ dedikazzjoni

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

Nies kbar u żgħar minn madwar id-dinja qed jagħmlu progress u jitgħammdu (Ara paragrafi 1-2)

1-2. Għala m’għandekx taqtaʼ qalbek jekk għadek m’intix lest biex titgħammed? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

 JEKK tixtieq titgħammed, mela għamilt mira sabiħa ħafna. Imma inti lest biex titgħammed? Jekk taħseb li iva, u l-anzjani jaqblu, iżżommx lura biex titgħammed meta tiġik l-opportunità. Jekk tagħmel dan se jkollok ħajja mill-isbaħ waqt li taqdi lil Ġeħova.

2 Imma kien hemm xi ħadd li qallek li għandek bżonn taħdem iżjed qabel titgħammed? Jew forsi ndunajt b’dan int stess? Jekk iva, taqtax qalbek. Int tistaʼ taħdem biex tilħaq din il-mira importanti kemm jekk għadek żgħir u kemm jekk int kbir.

“X’QED IŻOMMNI?”

3. Uffiċjal tal-palazz Etjopjan x’saqsieh lil Filippu, u liema mistoqsija tqum? (Atti 8:36, 38)

3 Aqra Atti 8:36, 38. Uffiċjal tal-palazz mill-Etjopja saqsa lil Filippu: “X’qed iżommni milli nitgħammed?” Ir-raġel Etjopjan xtaq jitgħammed, imma kien lest?

L-uffiċjal Etjopjan kien determinat li jkompli jitgħallem dwar Ġeħova (Ara paragrafu 4)

4. L-Etjopjan kif wera li ried ikompli jitgħallem?

4 Ir-raġel Etjopjan “kien mar Ġerusalemm għall-qima.” (Atti 8:27) Allura x’aktarx kien jemmen bir-reliġjon tal-Lhud. Hu żgur kien tgħallem dwar Ġeħova mill-Iskrittura Ebrajka. Imma xtaq jitgħallem iktar. Fil-fatt, meta Filippu ltaqaʼ mal-uffiċjal fit-triq, sabu jaqra mill-iskroll tal-profeta Isaija. (Atti 8:28) Dak li kien qed jaqra ma kienx faċli biex jifhmu. Għall-uffiċjal tal-palazz ma kienx biżżejjed li jitgħallem affarijiet faċli mill-Bibbja, imma ried ikun jaf iktar.

5. Ir-raġel Etjopjan kif applika dak li tgħallem?

5 Ir-raġel Etjopjan kien uffiċjal importanti li kien jaħdem mar-reġina tal-Etjopja, Kandaċe. Hu “kien fuq it-teżori kollha tagħha.” (Atti 8:27) Allura x’aktarx kellu ħafna x’jagħmel u ħafna responsabbiltajiet. Imma xorta sab il-ħin għal Ġeħova. Hu ma kienx kuntent jitgħallem il-verità biss, imma applika wkoll dak li tgħallem. Allura vvjaġġa mill-Etjopja biex iqim lil Ġeħova fit-tempju f’Ġerusalemm. Biex għamel dan il-vjaġġ, żgur li ħa l-ħin u nefaq il-flus. Hu għamel sforz kbir biex iqim lil Ġeħova.

6-7. Ir-raġel Etjopjan kif wera li beda jħobb iktar lil Ġeħova?

6 Filippu għallem lill-Etjopjan veritajiet importanti ġodda. Waħda minnhom kienet li Ġesù hu l-Messija. (Atti 8:34, 35) B’hekk żgur li kien ferħan meta tgħallem x’għamel għalih Ġesù. X’għamel wara? Hu setaʼ baqaʼ jemmen kif kien jemmen qabel. Minflok, beda jħobb iżjed lil Ġeħova u lil Ġesù. Hu ġie mmotivat jieħu deċiżjoni importanti li jitgħammed u jsir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu. Filippu ra li r-raġel kien lest, u għammdu.

7 Jekk timita lir-raġel Etjopjan, se tkun lest li titgħammed. Imbagħad inti wkoll se tkun tistaʼ tgħid, “X’qed iżommni milli nitgħammed?” Ejja naraw x’tistaʼ tagħmel biex timita lir-raġel Etjopjan: Hu kompla jitgħallem, applika dak li tgħallem, u beda jħobb iżjed lil Alla.

KOMPLI TGĦALLEM

8. Ġwanni 17:3 x’juri li għandna nagħmlu?

8 Aqra Ġwanni 17:3 u n-nota taʼ taħt. Il-kliem li qal Ġesù għenek biex tibda tistudja l-Bibbja? Ħafna minna hekk ġralna. Imma l-vers jurina li għandna nkomplu nitgħallmu. Aħna qatt mhu se nieqfu ‘nieħdu għarfien dwar l-uniku Alla veru.’ (Ekk. 3:11) Aħna se nibqgħu nitgħallmu għal dejjem. Iktar ma nitgħallmu, iktar se nersqu qrib taʼ Ġeħova.—Salm 73:28.

9. Xi rridu nagħmlu wara li nitgħallmu veritajiet faċli mill-Bibbja?

9 Meta nibdew nitgħallmu dwar Ġeħova, nitgħallmu affarijiet ħfief mill-Bibbja. Fl-ittra tiegħu lill-​Ebrej, l-appostlu Pawlu qal li dawn huma “affarijiet elementari.” Hu ma kienx qed jgħid li “d-duttrina elementari” mhix importanti, minflok wera li qisha l-ħalib li jkollhom bżonn it-trabi. (Ebr. 5:12; 6:1) Imma hu inkuraġġixxa lill-Kristjani kollha biex ma jitgħallmux biss veritajiet faċli, imma jibqgħu jitgħallmu veritajiet oħrajn mill-Kelma t’Alla. X’aktarx li int diġà tgħallimt veritajiet faċli mill-Bibbja. Imma tixtieq tkompli titgħallem dwar Ġeħova u dak li se jagħmel?

10. Ħafna nies għala jsibuha diffiċli biex jistudjaw?

10 Ħafna minna jsibuha diffiċli biex jistudjaw. Inti tħossok hekk? Meta kont l-iskola tgħallimt taqra u tistudja b’mod tajjeb? Kont tieħu pjaċir tistudja u tgħallimt minn dak li studjajt? Jew ħsibt li m’intix tajjeb biex tistudja? Jekk iva, m’intix waħdek. Imma Ġeħova jistaʼ jgħinek. Hu perfett u l-aqwa għalliem li jeżisti.

11. Ġeħova kif juri li hu “l-Istruttur Grandjuż”?

11 Ġeħova hu “l-Istruttur Grandjuż.” (Is. 30:20, 21) Hu għalliem paċenzjuż, qalbu tajba, u jifhimna. Hu jfittex it-tajjeb fl-istudenti tiegħu. (Salm 130:3) Hu qatt ma jistenna li nagħmlu iżjed milli nistgħu. Ftakar li hu ħalaq il-moħħ, li hu rigal tal-għaġeb. (Salm 139:14) Hu normali għalina li nkunu nixtiequ nitgħallmu. Il-Ħallieq jixtieqna nieħdu pjaċir inkomplu nitgħallmu għal dejjem. Għalhekk, ikun tajjeb li jkollna x-xewqa li nitgħallmu l-veritajiet tal-Bibbja minn issa. (1 Pt. 2:2) Agħmel miri li jkun faċli biex tilħaqhom, u aqra u studja l-Bibbja b’mod regulari. (Ġoż. 1:8) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova se jirnexxilek titgħallem tieħu pjaċir taqra u titgħallem dwaru iżjed u iżjed.

12. Għala għandek tistudja dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù?

12 Aħseb b’mod regulari dwar il-ħajja taʼ Ġesù u l-ministeru tiegħu. Jekk irridu naqdu lil Ġeħova hu importanti li nimitaw lil Ġesù kemm nistgħu, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli. (1 Pt. 2:21) Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li se jgħaddu mill-problemi. (Lq. 14:27, 28) Imma hu kien ċert li d-dixxipli veri tiegħu se jibqgħu leali lejn Alla, bħalma għamel hu. (Ġw. 16:33) Studja dwar il-ħajja taʼ Ġesù, u agħmel miri biex timitah.

13. Dwar xiex għandek tkompli titlob lil Ġeħova, u għala?

13 Mhux biżżejjed li tkun taf ħafna affarijiet. Ir-raġuni għala tistudja hi biex titgħallem dwar Ġeħova u taħdem fuq kwalitajiet bħall-imħabba u l-fidi. (1 Kor. 8:1-3) Int u titgħallem, saqsi lil Ġeħova biex ikompli jgħinek issaħħaħ il-fidi. (Lq. 17:5) Hu jieħu pjaċir iwieġeb talb bħal dan. Il-fidi li għandek minn dak li tgħallimt dwar Alla se tgħinek biex tagħmel progress.—Ġak. 2:26.

KOMPLI APPLIKA DAK LI QED TITGĦALLEM

Qabel id-Dulluvju, Noè u l-familja tiegħu applikaw dak li kienu tgħallmu (Ara paragrafu 14)

14. X’qal l-appostlu Pietru biex juri kemm hu importanti li napplikaw dak li nitgħallmu? (Ara l-istampa.)

14 L-appostlu Pietru wera kemm hu importanti li d-dixxipli taʼ Kristu jkomplu japplikaw dak li jitgħallmu. Hu semma r-rakkont taʼ Noè. Ġeħova qal lil Noè li se jeqred lin-nies ħżiena li kienu jgħixu dak iż-żmien b’dulluvju. Għal Noè u l-familja tiegħu ma kienx biżżejjed li jkunu jafu li ġej id-dulluvju biex isalvaw. Innota li meta Pietru qal “waqt li kienet qed tinbena l-arka,” kien qed jitkellem dwar iż-żmien qabel id-Dulluvju. (1 Pt. 3:20) Noè u l-familja tiegħu applikaw dak li tgħallmu minn Alla, billi bnew l-arka. (Ebr. 11:7) Pietru qabbel dak li għamel Noè mal-magħmudija. Hu kiteb: “Dik li hi ekwivalenti għal dan issa qed issalva lilkom ukoll, jiġifieri, il-magħmudija.” (1 Pt. 3:21) Ix-xogħol li qed tagħmel biex tkun lest għall-magħmudija tistaʼ tqabblu max-xogħol li għamlu Noè u l-familja tiegħu biex jibnu l-arka. X’għandek tagħmel biex tkun lest għall-magħmudija?

15. Kif nistgħu nuru li vera jiddispjaċina għal dak li għamilna?

15 Waħda mill-ewwel affarijiet li għandna nagħmlu hi li jiddispjaċina għad-dnubiet li għamilna. (Atti 2:37, 38) Meta vera jiddispjaċina se nagħmlu l-bidliet. Waqaft tagħmel affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova, bħal li tgħix ħajja immorali, tpejjep, jew titkellem ħażin? (1 Kor. 6:9, 10; 2 Kor. 7:1; Efes. 4:29) Jekk le, kompli aħdem biex tagħmel dawn il-bidliet. Tkellem maʼ min qed jistudja miegħek jew l-anzjani tal-kongregazzjoni biex jgħinuk. Jekk għadek żagħżugħ jew żagħżugħa u tgħix mal-ġenituri, kompli għidilhom jgħinuk biex twaqqaf xi vizzji li qed iwaqqfuk milli titgħammed.

16. Xi rridu nagħmlu biex ikollna rutina spiritwali tajba?

16 Xi ħaġa oħra importanti hi li jkollok rutina spiritwali. Din tinkludi li tmur il-laqgħat u tieħu sehem fihom. (Ebr. 10:24, 25) U meta tibda tipprietka, kun ċert li tkompli tipprietka b’mod regulari. Iktar ma tagħmel dax-xogħol importanti, iktar se tieħu pjaċir. (2 Tim. 4:5) Jekk għadek tgħix mal-ġenituri, saqsi lilek innifsek: Biex immur għal-laqgħat u s-service jridu jfakkruni l-ġenituri? Jew immur għax irrid jien? Meta tagħmel hekk turi li għandek il-fidi, li tħobb lil Alla Ġeħova, u li tapprezza kulma jtik. Dawn huma “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” jiġifieri rigali li tistaʼ tagħti lil Ġeħova. (2 Pt. 3:11; Ebr. 13:15) Alla jieħu pjaċir b’kull ħaġa li ntuh minn qalbna. (Ara l-prinċipju fit-​2 Korintin 9:7.) Aħna nagħmlu hekk għax nieħdu pjaċir nagħtu lil Ġeħova l-aħjar li nistgħu.

ĦOBB IKTAR LIL ĠEĦOVA

17-18. Liema kwalità importanti tistaʼ tgħinek tagħmel progress biex tasal għall-magħmudija, u għala? (Proverbji 3:3-6)

17 Int u tagħmel progress biex titgħammed se jkollok xi diffikultajiet. Xi nies jistgħu jwaqqgħuk għaċ-ċajt jew jaqalgħulek il-problemi. (2 Tim. 3:12) Forsi qed taħdem iebes biex tieqaf tagħmel xi ħaġa ħażina, imma kultant terġaʼ taqaʼ fiha. Jew forsi tħossok ftit irrabjat għax il-miri li għamilt tħoss li huma wisq diffiċli biex tilħaqhom. X’jistaʼ jgħinek biex ma taqtax qalbek? Kwalità importanti ħafna—l-imħabba għal Ġeħova.

18 L-imħabba tiegħek għal Ġeħova hi kwalità sabiħa, l-aqwa kwalità li jistaʼ jkollok. (Aqra Proverbji 3:3-6.) Din l-imħabba mhux se tispiċċa maż-żmien. U jekk ikollok din il-kwalità mhux se tieqaf taqdih meta jkollok il-problemi. Spiss il-Bibbja ssemmi l-imħabba u l-lealtà li Ġeħova għandu għall-qaddejja tiegħu. Dan jurina li hu qatt mhu se jitlaqhom jew jieqaf iħobbhom. (Salm 100:5) Ġeħova ħalqek bi kwalitajiet bħal tiegħu. (Ġen. 1:26) Int kif tistaʼ turi din it-tip taʼ mħabba?

Int tistaʼ turi li tapprezza dak li għamel Ġeħova miegħek kuljum (Ara paragrafu 19) b

19. Kif tistaʼ tapprezza iktar dak li Ġeħova għamel għalik? (Galatin 2:20)

19 Ibda billi tapprezza dak li Ġeħova għamel miegħek. (1 Tess. 5:18) Kuljum staqsi lilek innifsek, ‘Ġeħova kif wera li jħobbni?’ Imbagħad kun ċert li tirringrazzjah fit-talb tiegħek billi ssemmi l-affarijiet speċifiċi li hu jkun għamel għalik. Bħall-appostlu Pawlu, aħseb kif Ġeħova jagħmel affarijiet tajbin għalik b’mod personali għax iħobbok. (Aqra Galatin 2:20.) Staqsi lilek innifsek, ‘Irrid nurih li nħobbu wkoll?’ Jekk tkun tħobb lil Ġeħova, se jirnexxilek ma taqax għat-tentazzjonijiet u tissaporti minkejja l-isfidi li tiffaċċja. L-imħabba tiegħek għal Ġeħova se timmotivak biex iżżomm rutina spiritwali u turih li tħobbu kuljum.

20. Xi trid tagħmel biex tiddedika ħajtek lil Ġeħova, u kemm hi importanti din id-deċiżjoni?

20 Maż-żmien, l-imħabba tiegħek għal Ġeħova se timmotivak biex tagħmel talba speċjali u tiddedika ħajtek lilu. Ftakar li meta tiddedika ħajtek se jkollok tama mill-isbaħ. Int tistaʼ tkun il-ħabib tiegħu għal dejjem. Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova, inti twiegħdu li se taqdih kemm meta kollox ikun sejjer sew u anki meta jkun hemm il-problemi. Din il-wegħda tagħmilha darba biss. Veru, meta niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova nkunu qed nieħdu deċiżjoni importanti. Imma aħseb dwar dan: Int se tieħu ħafna deċiżjonijiet fil-ħajja tiegħek. Xi wħud minnhom se jkunu tajbin ħafna imma żgur li tiddedika ħajtek lil Ġeħova se tkun l-aqwa waħda. (Salm 50:14) Satana se jipprova jġiegħlek ma tibqax tħobb lil Missierek tas-sema. Hu jittama li int ma tibqax leali lejn Ġeħova. Imma tħallix lil Satana jirbaħ! (Ġob 27:5) L-imħabba tiegħek għal Ġeħova se tgħinek biex iżżomm il-wegħda tiegħek u taqdi lil Ġeħova għal dejjem. Din se tgħinek ukoll biex tkompli tersaq eqreb lejn Missierek tas-sema.

21. Għala nistgħu ngħidu li l-magħmudija hija l-bidu u mhux it-tmiem?

21 Wara li tiddedika ħajtek lil Ġeħova, tkellem mal-anzjani tal-kongregazzjoni tiegħek dwar il-pass importanti li jkun imiss. Dejjem ftakar li l-magħmudija mhix it-tmiem imma l-bidu. Din hi l-bidu taʼ ħajja li taqdi lil Ġeħova għal dejjem. Għalhekk kompli kabbar l-imħabba tiegħek għalih minn issa. Agħmel miri biex din l-imħabba tkun tistaʼ tikber ġurnata b’ġurnata. Dan se jimmotivak biex titgħammed. Dik il-ġurnata se tkun ġurnata mill-isbaħ. Jalla l-imħabba tiegħek għal Ġeħova u għal Ibnu Ġesù tkompli tikber għal dejjem!

GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”

a Biex nagħmlu progress u nikkwalifikaw għall-magħmudija rridu nħobbu lil Ġeħova, lil Ġesù, il-verità, u dak li hu sewwa. Imma hemm affarijiet oħra li rridu nagħmlu. F’dan l-artiklu se nużaw l-eżempju tal-uffiċjal tal-palazz Etjopjan biex naraw x’għandu jagħmel student tal-Bibbja biex jitgħammed.

b X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt żagħżugħa qed titlob lil Ġeħova u tgħidlu kemm tapprezza dak li għamel magħha.